Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet10 Frar 20214 min qari

Il-Kummissjoni tilqa' l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

eu_flag-european_union.jpg
© EU
Il-Kummissjoni Ewropea tilqa' l-vot tal-Parlament Ewropew illum, li jikkonferma l-ftehim politiku li ntlaħaq dwar ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) f'Diċembru 2020. Dan huwa pass importanti biex EUR 672.5 biljun f'self u għotjiet isiru disponibbli għall-Istati Membri biex jappoġġaw ir-riformi u l-investimenti.

L-RRF huwa strument ewlieni li jinsab fil-qalba ta' NextGenerationEU, il-pjan tal-UE biex noħorġu aktar b'saħħitna mill-pandemija tal-COVID-19. Dan se jkollu rwol kruċjali biex jgħin lill-Ewropa tirkupra mill-impatt ekonomiku u soċjali tal-pandemija u se jgħin biex l-ekonomiji u s-soċjetajiet tal-UE jsiru aktar reżiljenti u jiżgura t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.

Pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza

L-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew twitti t-triq għall-RRF biex jidħol fis-seħħ fit-tieni nofs ta' Frar. Imbagħad, l-Istati Membri jkunu jistgħu jippreżentaw uffiċjalment il-pjanijiet nazzjonali tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza, li se jiġu vvalutati mill-Kummissjoni u adottati mill-Kunsill. Il-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jistabbilixxu r-riformi u l-proġetti ta' investiment pubbliku li se jkunu appoġġati mill-RRF. Il-Kummissjoni diġà hija impenjata fi djalogu intensiv mal-Istati Membri kollha dwar it-tħejjija ta' dawn il-pjanijiet.

Il-prefinanzjament ta' 13 % tal-ammont totali allokat lill-Istati Membri se jkun disponibbli ladarba l-pjanijiet għall-irkupru u r-reżiljenza jiġu approvati, biex jiġi żgurat li l-finanzjament tal-RRF jasal fejn ikun meħtieġ malajr kemm jista' jkun.

L-istruttura u l-objettivi tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

L-RRF huwa strutturat madwar sitt pilastri: it-tranżizzjoni ekoloġika; it-trasformazzjoni diġitali; il-koeżjoni ekonomika, il-produttività u l-kompetittività; il-koeżjoni soċjali u territorjali; ir-reżiljenza tas-saħħa, ekonomika, soċjali u istituzzjonali; politiki għall-ġenerazzjoni li jmiss.

Din se tgħin lill-UE tilħaq il-mira tagħha ta' newtralità klimatika sal-2050 u tpoġġiha fit-triq lejn tranżizzjoni diġitali, toħloq l-impjiegi u tixpruna t-tkabbir fil-proċess. Mill-anqas 37 % tan-nefqa fuq l-investimenti u r-riformi f'kull wieħed mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jappoġġaw l-objettivi klimatiċi. Mill-anqas 20 % tan-nefqa fuq l-investimenti u r-riformi f'kull wieħed mill-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza għandhom jappoġġaw it-tranżizzjoni diġitali.

Din se tgħin ukoll lill-Istati Membri jindirizzaw b'mod effettiv l-isfidi identifikati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti skont il-qafas tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u soċjali.

Il-passi li jmiss
Il-Kunsill issa jeħtieġ ukoll japprova formalment il-ftehim milħuq, qabel ma l-Presidenti tal-Kunsill ECOFIN u l-Parlament Ewropew ikunu jistgħu jiffirmawh. Ir-Regolament imbagħad jiġi ppubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali, u b'hekk ikun jista' jidħol fis-seħħ fil-jum wara l-pubblikazzjoni. Il-Kummissjoni tistenna li l-passi formali kollha meħtieġa jiġu konklużi fil-ħin biex l-RRF tidħol fis-seħħ fit-tieni nofs ta' Frar.

Membri tal-Kulleġġ qalu:

Il-President Ursula von der Leyen qalet: “Huwa essenzjali li l-virus jingħeleb bis-saħħa tal-vaċċini. Iżda jeħtieġ ukoll li ngħinu liċ-ċittadini, lin-negozji u lill-komunitajiet joħorġu mill-kriżi ekonomika. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se twassal għal EUR 672.5 biljun biex dan isir. Din se tinvesti biex l-Ewropa ssir aktar ekoloġika, aktar diġitali, aktar reżiljenti, għall-benefiċċju fit-tul ta' kulħadd. Nilqa' l-vot pożittiv mill-Parlament Ewropew bħala pass importanti lejn l-attivazzjoni tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.”

Valdis Dombrovskis, il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-Servizz tan-Nies, qal: “Din il-Faċilità tipprovdi lill-pajjiżi tal-UE b'opportunità unika biex jerġgħu jibnu u jġeddu l-ekonomiji tagħhom għad-dinja ta' wara l-COVID. Hija opportunità biex nibnu reżiljenza u nħaddnu futur aktar diġitali u aktar ekoloġiku. Dan jeħtieġ kemm l-investimenti adatti kif ukoll ir-riformi adatti. Biex jirkupraw mill-kriżi u jilqgħu l-isfidi tas-seklu 21, l-Istati Membri għandhom jaħtfu l-opportunità tal-finanzjament tal-RRF biex jilliberaw l-ekonomiji tagħhom minn restrizzjonijiet u jaġġornaw politiki u prattiki skaduti. Nappellaw lill-Istati Membri biex ikomplu jaħdmu mill-qrib mal-Kummissjoni dwar il-kompilazzjoni ta' pjanijiet robusti u kredibbli għall-irkupru u r-reżiljenza biex inkunu nistgħu nibdew niżborżaw il-finanzjament malajr kemm jista' jkun. Nirringrazzja lill-Parlament Ewropew għall-appoġġ tiegħu u l-ħeffa li biha approva l-RRF.”

Paolo Gentiloni, il-Kummissarju għall-Ekonomija, qal: “Il-vot tal-lum fil-Parlament Ewropew iressaqna pass eqreb lejn id-dħul fis-seħħ tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Xprunata mix-xokk terribbli tal-pandemija, l-Ewropa ħadet pass storiku. Għamilna xi ħaġa li, sena ilu biss, kienet inkonċepibbli: il-ħolqien ta' strument komuni, iffinanzjat mid-dejn komuni, biex jintlaħaq għan komuni. Għal diversi xhur, il-Kummissjoni kienet qiegħda taħdem bis-sħiħ mal-gvernijiet waqt li kienu qegħdin ifasslu l-pjanijiet tagħhom għall-irkupru u r-reżiljenza. Issa, kollha kemm aħna rridu nintensifikaw l-isforzi tagħna u niżguraw li naħtfu din l-opportunità unika biex nibdlu l-ekonomiji tagħna, għall-ġid komuni tal-Ewropej kollha.”

Għal Aktar Informazzjoni

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza: Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (kif imressaq għall-plenarja tal-PE)

Sit web għall-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Sit web tat-tim RECOVER

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
10 Frar 2021