Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet27 April 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta7 min qari

Il-Kummissjoni tindirizza kawżi abbużivi kontra l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, l-hekk imsejħa “SLAPPs”

Slapp

Illum, il-Kummissjoni Ewropea bdiet tieħu azzjoni biex ittejjeb il-protezzjoni tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem minn proċedimenti abbużivi bil-qorti. Il-kawżi strateġiċi kontra l-parteċipazzjoni pubblika, is-soltu magħrufa bħala “SLAPPs”, huma forma partikolari ta' fastidju użat primarjament kontra l-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem biex ma jħallux, jew jippenalizzaw, lil min jitkellem kwistjonijiet ta' interess pubbliku. Id-Direttiva proposta tkopri SLAPPs fi kwistjonijiet ċivili b'implikazzjonijiet transfruntiera. Dan jippermetti lill-imħallfin iwarrbu malajr kawżi manifestament infondati kontra ġurnalisti u difensuri tad-drittijiet tal-bniedem. Tistabbilixxi wkoll diversi salvagwardji u rimedji proċedurali, bħal kumpens għad-danni, u penali dissważivi kontra t-tnedija ta' kawżi abbużivi. Il-Kummissjoni qed tadotta wkoll Rakkomandazzjoni komplementari biex tħeġġeġ lill-Istati Membri jallinjaw ir-regoli tagħhom mal-liġi proposta tal-UE anke f'kawżi domestiċi u fil-proċedimenti kollha, mhux biss fi kwistjonijiet ċivili. Ir-Rakkomandazzjoni tappella wkoll lill-Istati Membri biex jieħdu firxa ta' miżuri oħra, bħat-taħriġ u s-sensibilizzazzjoni, fil-ġlieda kontra SLAPPs.

Il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, Věra Jourová, qalet: “Agħmilna l-wegħda li niddefendu aħjar il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem kontra dawk li jippruvaw isikktuhom. Dan hu li tagħmel il-liġi l-ġdida. F'demokrazija, il-ġid u s-setgħa ma jistgħu jagħtu lil ħadd vantaġġ fuq il-verità. B'dawn il-miżuri qed ngħinu biex nipproteġu lil dawk li jieħdu r-riskji u jsemmgħu leħinhom f'isem l-interess pubbliku - meta pereżempju jirrapportaw dwar allegazzjonijiet ta' ħasil tal-flus u korruzzjoni, kwistjonijiet ambjentali u klimatiċi jew kwistjonijiet oħra li huma importanti għalina lkoll.”

Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, Didier Reynders, qal: “L-eżerċizzju attiv tad-dritt fundamentali għal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni huwa essenzjali għal demokrazija b'saħħitha u qawwija. L-UE se tipproteġi dejjem dak id-dritt. Illum, qed nieħdu passi importanti biex nissalvagwardjaw il-ġurnalisti u s-soċjetà ċivili li qed ikunu dejjem aktar mhedda minn SLAPPs. SLAPPs idewmu jew saħansitra jipprevjenu l-pubblikazzjoni ta' dikjarazzjonijiet ta' interess pubbliku. SLAPPs jitfgħu wkoll piż bla bżonn fuq il-qrati. Issa qed nipprovdu l-istrumenti biex din il-prattika abbużiva nqiegħduha taħt kontroll.”

Proposta għal liġi tal-UE kontra SLAPPs

Id-Direttiva proposta tipprovdi l-għodod lill-qrati u lil dawk fil-mira ta' SLAPPs biex jiġġieldu kontra proċedimenti tal-qorti li jkunu manifestament bla bażi jew abbużivi. Is-salvagwardji proposti se jkunu japplikaw fi kwistjonijiet ċivili b'implikazzjonijiet transfruntiera. Is-salvagwardji huma mistennija li jkunu ta' benefiċċju b'mod partikolari għall-ġurnalisti u l-persuni jew l-organizzazzjonijiet involuti fid-difiża tad-drittijiet fundamentali u varjetà ta' drittijiet oħra, bħad-drittijiet ambjentali u klimatiċi, id-drittijiet tan-nisa, id-drittijiet tal-LGBTIQ, id-drittijiet tal-persuni bi sfond razzjali jew etniku minoritarju, id-drittijiet tax-xogħol jew il-libertajiet reliġjużi, iżda l-persuni kollha involuti fil-parteċipazzjoni pubblika fi kwistjonijiet ta' interess pubbliku huma koperti. Is-salvagwardji saru b'mod immirat biex jiżguraw il-bilanċ tal-aċċess għall-ġustizzja u d-drittijiet tal-privatezza mal-protezzjoni tal-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni. L-elementi ewlenin tal-proposta huma:

  • Ċaħda malajr ta' proċedimenti bil-qorti manifestament infondati - il-qrati jkunu jistgħu jieħdu deċiżjoni malajr biex iwarrbu l-proċedimenti jekk każ ikun manifestament infondat. F'sitwazzjoni bħal din, l-oneru tal-prova jkun fuq ir-rikorrent li jipprova li l-każ ma jkunx manifestament bla bażi;
  • Spejjeż proċedurali - ikun ir-rikorrent li jkollu jġorr l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż tal-avukati tal-konvenut, jekk kawża tiġi miċħuda bħala abbużiva;
  • Kumpens għad-danni - dak li jkun fil-mira ta' SLAPP ikollu d-dritt li jitlob u jikseb kumpens sħiħ għad-dannu materjali u immaterjali;
  • Penali dissważivi - sabiex jiġi evitat li r-rikorrenti jibdew proċedimenti abbużivi bil-qorti, il-qrati se jkunu jistgħu jimponu penali dissważivi fuq dawk li jressqu kawżi bħal dawn quddiem il-qorti.
  • Protezzjoni kontra sentenzi ta' pajjiżi terzi - l-Istati Membri għandhom jirrifjutaw ir-rikonoxximent ta' sentenza li tkun ġejja minn pajjiż mhux tal-UE, kontra persuna domiċiljata fi Stat Membru, jekk jinstab li l-proċedimenti ikunu manifestament bla bażi jew abbużivi skont il-liġi tal-Istat Membru. Il-persuna fil-mira se tkun tista' wkoll titlob kumpens għad-danni u l-ispejjeż fi Stat Membru fejn hija domiċiljata.

Rakkomandazzjoni lill-Istati Membri 

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni adottata llum ukoll tikkomplementa d-Direttiva u tħeġġeġ lill-Istati Membri jaraw li:

  • L-oqfsa legali nazzjonali jipprovdu s-salvagwardji meħtieġa, simili għal dawk fil-livell tal-UE, biex jindirizzaw każijiet domestiċi ta' SLAPPs. Dan jinkludi l-iżgurar tas-salvagwardji proċedurali ta' ċaħda malajr ta' proċedimenti bil-qorti manifestament infondati. Jeħtieġ ukoll li l-Istati Membri jiżguraw li r-regoli tagħhom applikabbli għall-malafama, li hija waħda mill-aktar raġunijiet komuni għat-tnedija ta' SLAPPs, ma jkollhomx impatt mhux ġustifikat fuq il-libertà tal-espressjoni, fuq l-eżistenza ta' ambjent medjatiku miftuħ, liberu u pluralistiku, u fuq il-parteċipazzjoni pubblika.
  • Ikun hemm disponibbli taħriġ għall-professjonisti legali u l-persuni potenzjalment fil-mira ta' SLAPP biex itejbu l-għarfien u l-ħiliet tagħhom biex jittrattaw b'mod effettiv dawn il-proċedimenti tal-qorti. In-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju (European Judicial Training Network, EJTN) se jkun involut biex jiżgura l-koordinazzjoni u li dik l-informazzjoni tinxtered fl-Istati Membri kollha;
  • Jiġu organizzati kampanji ta' sensibilizzazzjoni u ta' informazzjoni, sabiex il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem jindunaw meta jkunu qed jiffaċċjaw SLAPP;
  • Il-persuni fil-mira ta' SLAPP ikollhom aċċess għal appoġġ individwali u indipendenti, pereżempju minn ditti legali li jiddefendu persuni fil-mira ta' SLAPP pro bono;
  • Id-data aggregata miġbura fil-livell nazzjonali dwar proċedimenti nil-qorti manifestament bla bażi jew abbużivi kontra l-parteċipazzjoni pubblika tiġi rrapportata lill-Kummissjoni fuq bażi annwali, mill-2023 'l quddiem.

Il-passi li jmiss

Id-Direttiva proposta se jkollha tiġi nnegozjata u adottata mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel ma tkun tista' ssir liġi tal-UE.

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni hija direttament applikabbli. L-Istati Membri se jkollhom iħejju rapport lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni 18-il xahar wara l-adozzjoni tar-Rakkomandazzjoni.

Kuntest

Il-Pjan ta' Azzjoni għad-Demokrazija Ewropea, adottat f'Diċembru 2020, ħabbar sensiela ta' inizjattivi biex jappoġġaw u jissalvagwardjaw il-libertà u l-pluraliżmu tal-media. F'dan il-kuntest, f'Settembru 2021 il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel Rakkomandazzjoni tagħha lill-Istati Membri dwar is-sikurezza tal-ġurnalisti. Illum qed isir pass ieħor b'miżuri għall-protezzjoni tal-ġurnalisti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili kontra litigazzjoni abbużiva. L-użu ta' SLAPPs qed jiżdied fl-UE, b'persuni fil-miria li spiss jiffaċċjaw diversi kawżi f'daqqa u f'diversi ġurisdizzjonijiet. Tali proċedimenti tal-qorti għandhom impatt negattiv fuq ir-rieda u l-kapaċità tal-ġurnalisti u tad-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem li jkomplu l-ħidma tagħhom, u effett dissważiv fuq il-libertà tal-espressjoni, il-libertà tal-informazzjoni u dibattitu pubbliku pluralistiku.

Il-prevalenza ta' SLAPP hija kwistjoni ta' tħassib serju f'xi Stati Membri, kif identifikat mir-Rapporti tal-2020 u tar-Rapport tal-2021 dwar l-Istat tad-Dritt. Fl-2021, il-Media Freedom Rapid Response (MFRR) iddokumenta 439 twissija (fejn kien hemm 778 persuna jew entità relatata mal-midja li kienu qed jiġu attakkati) f'24 Stat Membru tal-UE, inklużi SLAPPs. F'aktar minn wieħed minn ħamsa minn dawk l-inċidenti (22.1 % - 97 twissija) l-atturi tal-media kienu qed jiffaċċjaw konsegwenzi legali.

Flimkien ma' theddid dejjem jiżdied għas-sikurezza fiżika u online tagħhom, it-theddid legali u l-litigazzjoni abbużiva jkomplu jżidu ma' ambjent fejn l-attività ostili kontra l-ġurnalisti qed tikber u jista' jkollha impatt serju fuq ir-rieda u l-ħila tagħhom li jkomplu l-ħidma tagħhom. Eżempju traġiku tal-użu ta' SLAPP huwa dak tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia li kienet qed tiffaċċja aktar minn 40 kawża fi żmien il-qtil tagħha fl-2017. L-għan tal-kawżi SLAPPs mhuwiex li jkun hemm aċċess għall-ġustizzja iżda biex il-konvenuti jiġu ffastidjati, intimidati u msikkta permezz tat-tul tal-proċeduri, tal-pressjoni finanzjarja u t-theddida ta' sanzjonijiet kriminali. Il-ġurnalisti mhumiex l-uniċi persuni fil-mira; id-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċjalment dawk li jaħdmu fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem u dak tal-ambjent, ukoll ikollhom iħabbtu wiċċhom ma' SLAPPs.

Bħala parti mill-isforzi tagħha biex tipproteġi l-indipendenza u l-pluraliżmu tal-midja, u kif imħabbar mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2021, il-Kummissjoni se tippreżenta l-Att dwar il-Libertà tal-Media. Din l-inizjattiva hija mistennija li tiġi adottata fit-tielet kwart ta' din is-sena.

Għal aktar informazzjoni

Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni:

Skeda informattiva dwar kif id-demokraziji tal-UE tista' tissaħħaħ: Protezzjoni aħjar għall-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem

Il-Koalizzjoni kontra SLAPPs fl-Ewropa (CASE)

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
27 April 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta