Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet28 Lulju 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta2 min qari

Il-Kummissjoni ttejjeb il-protezzjoni tat-tfal mill-ġugarelli mhux sikuri

Press conference by Didier Reynders, European Commissioner, on the Safety Gate report

Illum, il-Kummissjoni pproponiet Regolament dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli li tirrevedi r-regoli attwali biex tipproteġi lit-tfal mir-riskji potenzjali tal-ġugarelli. Il-ġugarelli li jitqiegħdu fis-suq tal-UE huma diġà fost l-aktar ġugarelli sikuri fid-dinja. Ir-regoli proposti se jkomplu jtejbu din il-protezzjoni, b'mod partikolari mill-kimiċi perikolużi. Dawn ir-regoli għandhom ukoll l-għan li jnaqqsu l-għadd kbir ta' ġugarelli mhux sikuri li għadhom qed jinbiegħu fl-UE, speċjalment online, billi jżidu l-kundizzjonijiet ekwi bejn il-ġugarelli manifatturati fl-UE u dawk importati. Fl-istess ħin, se jkomplu jiżguraw il-moviment liberu tal-ġugarelli fis-Suq Uniku.

Filwaqt li tibni fuq ir-regoli eżistenti, il-proposta tal-lum taġġorna r-rekwiżiti tas-sikurezza li l-ġugarelli jridu jilħqu biex jiġu kkummerċjalizzati fl-UE, kemm jekk ikunu manifatturati fl-UE u kemm jekk ikunu manifatturati xi mkien ieħor. B'mod aktar speċifiku, il-proposta tal-lum:

  • Se żżid il-protezzjoni mill-kimiċi perikolużi: Il-proposta mhux biss iżżomm il-projbizzjoni attwali tas-sustanzi karċinoġeniċi, mutaġeniċi jew tossiċi għar-riproduzzjoni (CMR), iżda tipprojbixxi l-użu ta' kimiċi perikolużi oħra fil-ġugarelli wkoll. Il-mira tal-proposta huma l-kimiċi li huma partikolarment perikolużi għat-tfal. Pereżempju, fil-ġugarelli, se tipprojbixxi l-użu tal-kimiċi li jaffettwaw is-sistema endokrinali (l-interferenti endokrinali) u l-kimiċi li jaffettwaw is-sistema respiratorja jew li huma tossiċi għal xi organu speċifiku.
  • Se ssaħħaħ l-infurzar: Il-proposta tiżgura li l-ġugarelli sikuri biss se jinbiegħu fl-UE. Il-ġugarelli kollha se jkunu meħtieġa jkollhom Passaport Diġitali tal-Prodott, li se jinkludi informazzjoni dwar il-konformità mar-Regolament propost. Fil-fruntieri tal-UE, l-importaturi se jkollhom jissottomettu l-passaporti diġitali tal-prodotti għall-ġugarelli kollha, inkluż għal dawk il-ġugarelli li jinbiegħu online. Fil-fruntieri esterni, sistema ġdida tal-IT se tiskrinja l-passaporti diġitali tal-prodotti kollha u se tidentifika l-vjeġġi li għandhom bżonn kontrolli doganali dettaljati. L-ispetturi nazzjonali se jkomplu jkunu responsabbli mit-twettiq tal-kontrolli fuq il-ġugarelli. Barra minn hekk, jekk ikun hemm ġugarelli li jippreżentaw riskji li mhumiex previsti b'mod ċar mir-Regolament, il-proposta tiżgura li l-Kummissjoni jkollha s-setgħa li teżiġi li dawn il-ġugarelli jitneħħew mis-suq.

Kuntest

Il-ġugarelli huma rregolati mid-Direttiva 2009/48/KE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli. Id-Direttiva eżistenti tistabbilixxi r-rekwiżiti tas-sikurezza li l-ġugarelli għandhom jilħqu biex jitqiegħdu fis-suq tal-UE, irrilevanti jekk humiex manifatturati fl-UE jew f'pajjiżi terzi. Dan jiffaċilita l-moviment liberu tal-ġugarelli fis-Suq Uniku.

Madankollu, wara evalwazzjoni tad-Direttiva, il-Kummissjoni identifikat għadd ta' dgħufijiet fl-applikazzjoni prattika tad-Direttiva mill-adozzjoni tagħha fl-2009 'l hawn. B'mod partikolari, hemm bżonn ta' livell ogħla ta' protezzjoni mir-riskji possibbli tal-ġugarelli, speċifikament mir-riskji maħluqa mill-kimiċi perikolużi. L-evalwazzjoni kkonkludiet ukoll li jeħtieġ li d-Direttiva tiġi implimentata b'aktar effiċjenza, b'mod partikolari fir-rigward tal-bejgħ online.

Barra minn hekk, l-Istrateġija tal-UE dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà appellat għat-tisħiħ tal-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-gruppi vulnerabbli mill-kimiċi l-aktar perikolużi. B'riżultat ta' dan, il-Kummissjoni qed tressaq dawn ir-regoli ġodda biex tiżgura li l-ġugarelli sikuri biss jinbiegħu fl-UE.

Għal aktar informazzjoni 

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Proposta għal Regolament dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli

Evalwazzjoni tad-Direttiva 2009/48/KE dwar is-Sikurezza tal-Ġugarelli

Strateġija dwar is-Sustanzi Kimiċi għas-Sostenibbiltà

Abbona biex tirċievi bl-email u bla ħlas il-bullettin tal-Kummissjoni Ewropea dwar is-Suq Intern, l-Industrija, l-Intraprenditorija u l-SMEs

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
28 Lulju 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta