Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet20 Mejju 2021

Il-Kummissjoni tiffirma t-tielet kuntratt ma' BioNTech-Pfizer għal 1.8 biljun doża addizzjonali

p051168-242792.jpg
© EU
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ffirmat it-tielet kuntratt mal-kumpaniji farmaċewtiċi BioNTech u Pfizer. Dan jirriżerva 1.8 biljun doża addizzjonali f'isem l-Istati Membri kollha tal-UE, bejn tmiem l-2021 u l-2023. Se jippermetti x-xiri ta' 900 miljun doża tal-vaċċin attwali u ta' vaċċin ieħor adattat għall-varjanti, bl-għażla li jinxtraw 900 miljun doża addizzjonali.

Il-kuntratt jirrikjedi li l-produzzjoni tal-vaċċin tkun ibbażata fl-UE u li l-komponenti essenzjali jkunu ġejjin mill-UE. Jistipula wkoll li, mill-bidu tal-provvista fl-2022, il-konsenja lejn l-UE tkun garantita. Bis-saħħa tal-kooperazzjoni stabbilita sew mal-kumpaniji permezz tal-kuntratti attwali u l-arranġamenti stabbiliti, se jiġu żgurati konsenji tad-dożi fil-ħin. Il-possibbiltà għall-Istati Membri li jerġgħu jbigħu jew jagħtu dożi lill-pajjiżi fil-bżonn barra mill-UE jew permezz tal-Faċilità COVAX ġiet rinforzata, u dan jikkontribwixxi għal aċċess globali u ġust għall-vaċċin madwar id-dinja. Dan il-kuntratt il-ġdid se jsaħħaħ il-kapaċità tal-produzzjoni tal-vaċċin tal-UE u b'hekk jippermetti li jiġu servuti swieq oħra madwar id-dinja.

p050877-567664_0.jpg
© EU

 

Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, qalet: “Bil-firma tagħna daħal fis-seħħ il-kuntratt il-ġdid, u dan hu aħbar tajba għall-ġlieda twila tagħna biex nipproteġu liċ-ċittadini Ewropej mill-virus u l-varjanti tiegħu. Il-produzzjoni u l-konsenja fl-UE huma garantiti sa 1.8 biljun doża. Il-kuntratti potenzjali ma' manifatturi oħra se jsegwu l-istess mudell, għall-benefiċċju ta' kulħadd.”

Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, qalet: “Jeħtieġ li nkunu pass qabel il-virus. Dan ifisser li jkollna aċċess għal vaċċini adattati biex jipproteġuna mit-theddida tal-varjanti, għal vaċċini booster biex titwal l-immunità, kif ukoll għall-protezzjoni tal-popolazzjoni żagħżugħa tagħna. L-enfasi tagħna hija prijorità fuq it-teknoloġiji li taw prova tas-siwi tagħhom, bħall-vaċċini tal-mRNA, iżda aħna nżommu l-alternattivi tagħna miftuħin. Ix-xhur li għaddew urew biċ-ċar il-ħtieġa li jkun hemm aċċess għal portafoll wiesa' ta' vaċċini u teknoloġiji differenti, kif ukoll ta' sħab affidabbli. Issa li r-ritmu tat-tilqim qed jiżdied kuljum u l-ħidma fuq terapiji effettivi qed tikber, nistgħu nħarsu 'l quddiem b'aktar ottimiżmu u kunfidenza.”

Il-kuntratt tal-lum mal-alleanza BioNTech-Pfizer ikompli jibni fuq il-portafoll wiesa' ta' vaċċini li għandhom jiġu prodotti fl-Ewropa, inkluż il-kuntratti ffirmati diġà ma' AstraZeneca, Sanofi-GSK, Janssen Pharmaceutica NV, Curevac u Moderna, kif ukoll ma' BioNTech/Pfizer innifisha. Il-Kummissjoni tat awtorizzazzjoni kkundizzjonata għall-kummerċjalizzazzjoni għall-vaċċini żviluppati minn BioNTech u Pfizer, Moderna, AstraZeneca u Johnson and Johnson. Dan il-portafoll diversifikat tal-vaċċini jiżgura li l-Ewropa jkollha aċċess għal biżżejjed dożi biex timmunizza l-popolazzjoni kollha tagħha inkluż għall-varjanti tal-virus.

BioNTech hija kumpanija bbażata fil-Ġermanja li taħdem flimkien mal-kumpanija Pfizer li hija bbażata fl-Istati Uniti biex tiżviluppa vaċċin ibbażat fuq l-RNA messaġġier (mRNA). L-mRNA għandu rwol fundamentali fil-bijoloġija, billi jittrasferixxi struzzjonijiet mid-DNA lejn il-makkinarju li jipproduċi l-proteini fiċ-ċelloli. F'vaċċin mRNA, dawn l-istruzzjonijiet joħolqu frammenti tal-virus li ma jagħmlux ħsara u li l-ġisem tal-bniedem jużahom biex jibni reazzjoni immuni għall-prevenzjoni jew għall-ġlieda kontra l-mard.

Il-Kummissjoni ddeċidiet li tkompli tappoġġa dan il-vaċċin abbażi ta' valutazzjoni xjentifika soda, tat-teknoloġija użata, tal-esperjenza tal-kumpaniji fl-iżvilupp tal-vaċċini u tal-kapaċità ta' produzzjoni tagħhom biex jipprovdu l-vaċċin lill-UE kollha. Il-Kummissjoni se tikkumplimenta wkoll dan il-kuntratt b'kuntratti oħrajn għal vaċċini bbażati fuq teknoloġiji oħra, u b'hekk jitkompla l-approċċ ta' portafoll ta' suċċess li hija adottat sa mill-bidu nett.

Kuntest

Fis-17 ta' Ġunju, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat strateġija Ewropea biex taċċellera l-iżvilupp, il-manifattura u l-introduzzjoni ta' vaċċini effettivi u sikuri kontra l-COVID-19. Sabiex tikkumpensa għad-dritt li tixtri għadd speċifiku ta' dożi ta' vaċċini f'perjodu ta' żmien partikolari, il-Kummissjoni tiffinanzja bil-quddiem parti mill-ispejjeż li jiffaċċaw il-produtturi tal-vaċċini taħt il-forma ta' Ftehimiet ta' Xiri bil-Quddiem.

Fid-dawl tal-varjanti attwali u ġodda tas-SARS-CoV-2, il-Kummissjoni u l-Istati Membri qed jinnegozjaw ftehimiet ġodda ma' kumpaniji li diġà jagħmlu parti mill-portafoll tal-vaċċin tal-UE li jippermettu x-xiri mgħaġġel ta' vaċċini adattati fi kwantitajiet suffiċjenti biex tiġi rinforzata u mtawla l-immunità.

Sabiex jixtru l-vaċċini l-ġodda, l-Istati Membri jistgħu jużaw il-pakkett REACT-EU, wieħed mill-akbar programmi taħt l-istrument il-ġdid Next Generation EU li jkompli u jestendi r-rispons għall-kriżi u l-miżuri ta' tiswija tad-dannu kkawżat mill-kriżi.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
20 Mejju 2021