Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa2 Diċembru 2021Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

Il-Kummissjoni ttenni s-sejħiet biex jiżdied it-tilqim, l-iskjerament rapidu ta' boosters, il-viġilanza u r-reazzjoni rapida għall-varjant Omicron

Covid

Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta approċċ komuni u koordinat tal-UE biex tindirizza b'mod effettiv l-isfidi tal-COVID-19 li qed ifeġġ mill-ġdid f'ħafna Stati Membri din il-ħarifa.

Il-każijiet qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla u qed tinħoloq pressjoni ġdida fuq l-isptarijiet, li titlob azzjoni urġenti u determinata. It-theddida potenzjali l-ġdida mill-varjant Omicron qed iżżid ma' dan it-tħassib, u tenfasizza l-importanza li l-pandemija tiġi indirizzata biex isir progress lejn is-sigurtà tas-saħħa fit-tul, kemm fl-UE kif ukoll globalment.

Fi kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen: “Matul l-aħħar ġimgħatejn, ħafna minna rawha direttament: il-COVID-19 reġa' feġġ biex jinfetta wħud mill-ħbieb, mill-kollegi, mill-membri tal-familja jew mill-maħbubin tagħna. In-numri tal-każijiet qed jiżdiedu b'rata mgħaġġla u qed jitfgħu pressjoni dejjem aktar qawwija fuq l-isptarijiet u l-ħaddiema tas-saħħa tagħna. U ma' dan kollu, il-wasla tal-varjant Omicron li preżumibbilment hu kontaġġuz ħafna u b'hekk jitlob l-akbar attenzjoni tagħna. Iżda ninsab konvinta li l-UE għandha l-ħila li tindirizza dawn l-isfidi. Illum qed nippreżentaw firxa wiesgħa ta' azzjonijiet, mill-intensifikar tal-isforzi tagħna tat-tilqim u l-investiment fit-trattamenti, sat-titjib tal-monitoraġġ u l-prevenzjoni, u t-tisħiħ tas-solidarjetà globali tagħna. Sadanittant intenni l-appell urġenti tiegħi lill kulħadd: tlaqqmu, ħudu l-booster, u segwu r-regoli biex tipproteġu ruħkom.”

Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari, żiedet tgħid: “It-trażmissibbiltà għolja tal-varjant Delta, diskrepanza fl-immunità għolja b'mod sinifikanti u t-tnaqqis tal-interventi mhux farmaċewtiċi se jġibulna xitwa diffiċli. L-emerġenza tal-varjant Omicron tkompli biss iżżid il-ħtieġa urġenti għat-tlaqqim u l-ħtieġa li nżidu l-immunità tagħna sabiex inwaqqfu l-ktajjen ta' trażmissjoni. Fejn hemm bżonn, jeħtieġ li jiġu introdotti miżuri effettivi tas-saħħa pubblika, inkluż it-tbegħid soċjali u l-maskri. Għandna naġixxu malajr u b'mod deċiżiv biex nillimitaw it-tixrid tal-virus u ntaffu l-impatt tiegħu.”

Iż-żieda f'daqqa ta' każijiet ta' mard serju, speċjalment fost dawk mhux imlaqqma, irriżultat fi pressjoni enormi fuq l-isptarijiet u fuq il-persunal tal-kura tas-saħħa li diġà mgħobbi ż-żejjed. Dan għandu wkoll impatt dirett fuq is-saħħa tal-pazjenti li ma għandhomx COVID peress li għal darb'oħra l-aċċess għall-kura tas-saħħa għal kundizzjonijiet oħra jitqiegħed taħt pressjoni kbira minħabba l-ħtieġa li jiġu kkurati l-pazjenti bil-COVID-19. 

Azzjoni koordinata għall-ġlieda kontra l-COVID-19

L-UE u l-Istati Membri għandhom juru l-kapaċità li jirreaġixxu b'mod rapidu sabiex jindirizzaw iż-żieda fil-virus u biex ikomplu bl-impenn tagħhom għal rispons fit-tul b'saħħtu u sostenibbli għal din it-theddida. Dan jitlob azzjonijiet determinati u urġenti, inklużi:

  • L-UE u l-Istati Membri għandhom ikomplu jimplimentaw strateġija konġunta biex jillimitaw id-dħul tal-varjant OMICRON fl-UE, b'reviżjonijiet regolari u ta' kuljum ta' restrizzjonijiet essenzjali fuq l-ivvjaġġar. L-UE u l-Istati Membri għandhom ikunu lesti li jimponu l-kontrolli kollha meħtieġa;
  • L-Istati Membri għandhom imexxu kampanji mġedda indirizzati lejn il-persuni mhux imlaqqma fil-gruppi ta' età eliġibbli kollha, bi strateġiji nazzjonali mmirati biex jindirizzaw l-eżitazzjoni għat-tilqim;
  • L-Istati Membri għandhom jużaw malajr id-dożi booster biex iżommu livelli qawwija ta' protezzjoni kontra l-virus fosthom il-varjant OMICRON, ibda mill-aktar gruppi vulnerabbli;
  • L-aġenziji tal-UE għandhom jiżguraw li l-gwida xjentifika meħtieġa tkun disponibbli malajr;
  • Il-Kummissjoni se żżid l-isforzi biex tipproduċi, tawtorizza u takkwista b'mod konġunt terapewtiċi kontra l-COVID-19;
  • Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-proposti tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa u r-regolament tal-HERA dwar sitwazzjonijiet ta' kriżi sa tmiem l-2021;
  • L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu prekawzjonijiet u restrizzjonijiet immirati u proporzjonati biex jillimitaw it-tixrid tal-virus, isalvaw il-ħajjiet u jnaqqsu l-pressjoni fuq is-sistemi tal-kura tas-saħħa. Għandha tiġi żgurata l-koordinazzjoni sħiħa tal-UE. Il-wasla tal-varjant OMICRON tfisser li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni u l-komunikazzjoni ta' miżuri speċifiċi dwar il-kuntatti matul il-perjodu ta' tmiem is-sena;
  • L-Istati Membri għandhom jimplimentaw l-approċċ rivedut għall-moviment liberu b'perjodu ta' validità standard ta' 9 xhurgħaċ-ċertifikat diġitali tal-COVID tal-UE;
  • L-UE u l-Istati Membri għandhom jaċċelleraw l-isforzi tat-Tim Ewropa fir-rigward tal-kondiviżjoni tat-tilqim biex tintlaħaq il-mira tat-tilqim globali ta' 70% fl-2022 maqbula fis-summit tal-G20 f'Ottubru 2021, u b'appoġġ għall-bini tal-kapaċità għas-sekwenzjar, l-ittestjar u t-tilqim. Għandu jkun hemm ukoll pożizzjoni ċara tal-UE dwar it-triq 'il quddiem fl-iżgurar ta' arkitettura tas-saħħa globali aktar b'saħħitha, aktar ekwa u aċċellerata.

Il-President talbet lill-Professur Peter Piot biex ikun il-Kap Konsulent Xjentifiku tal-Kummissjoni għall-Epidemiji, fl-ambitu tal-mandat eżistenti tiegħu.

Informazzjoni ġenerali

L-Istrateġija tal-UE għall-vaċċini tibqa' l-għodda primarja tal-UE biex tintemm il-pandemija billi tipprevjeni u tnaqqas it-trażmissjoni tal-każijiet, kif ukoll ir-rati tal-ammissjonijiet fl-isptar u l-imwiet ikkawżati mill-marda. Din hija kkomplimentata bl-Istrateġija tal-UE dwar il-prodotti terapewtiċi kontra l-COVID-19. Huma jagħmlu parti minn Unjoni Ewropea tas-Saħħa b'saħħitha li tħaddem approċċ tal-UE kkoordinat biex tipproteġi aħjar is-saħħa taċ-ċittadini tagħna, u tattrezza lill-UE u lill-Istati Membri tagħha biex jipprevjenu u jindirizzaw aħjar il-pandemiji futuri, u ttejjeb ir-reżiljenza tas-sistemi tas-saħħa tal-Ewropa.

Għal Aktar Informazzjoni

Komunikazzjoni

Rispons għall-Coronavirus

Vaċċini sikuri kontra l-COVID-19

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
2 Diċembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta