Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet4 Mejju 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Il-Kummissjoni tirrakkomanda azzjonijiet għall-ġlieda kontra l-piraterija online tal-isports u ta' avvenimenti diretti oħra

Cameraman

Illum il-Kummissjoni adottat Rakkomandazzjoni dwar kif għandha tiġi miġġielda l-piraterija online fuq skala kummerċjali tal-isports u ta' avvenimenti diretti oħra, bħal kunċerti u spettakli teatrali. Hija tħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-awtoritajiet nazzjonali, lid-detenturi tad-drittijiet u lill-fornituri tas-servizzi intermedjarji biex jieħdu miżuri effettivi, bilanċjati u xierqa biex jiġġieldu t-trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati ta' tali streamings, f'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali. Bl-intensifikazzjoni tal-ġlieda kontra l-piraterija online, ir-Rakkomandazzjoni se tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kompetittività tal-industriji sportivi u kreattivi tal-UE.

L-isports u l-avvenimenti diretti jikkontribwixxu għat-trawwim ta' xena kulturali Ewropea diversa, filwaqt li jiġbru liċ-ċittadini flimkien u jipprovdu sens ta' komunità. L-organizzazzjoni ta' avvenimenti bħal dawn kif ukoll it-trażmissjoni diretta tagħhom jeħtieġu investimenti sostanzjali, u fl-istess ħin jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u għall-ħolqien tal-impjiegi. L-istreaming mhux awtorizzat jista' jikkawża telf sinifikanti fid-dħul tal-artisti, tal-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi u diretti u tax-xandara, u b'hekk jipperikola l-vijabbiltà tas-servizzi li joffru.

Ir-Rakkomandazzjoni tiffoka fuq tliet oqsma ewlenin:

  • Trattament fil-pront ta' avviżi relatati ma' avvenimenti diretti: filwaqt li tibni fuq l-Att dwar is-Servizzi Diġitali, tenfasizza l-importanza ta' azzjoni urġenti mill-fornituri ta' servizzi ta' hosting sabiex il-ħsara kkawżata mill-istreaming illegali titnaqqas kemm jista' jkun.
  • Inibizzjonijiet dinamiċi: abbażi tar-rimedji pprovduti fid-Direttiva dwar l-Infurzar, u filwaqt li tibni fuq l-esperjenzi ta' wħud mill-Istati Membri, ir-Rakkomandazzjoni tħeġġeġ l-użu ta' inibizzjonijiet ta' imblukkar imfassla apposta għal avvenimenti diretti u, fil-każ ta' avvenimenti sportivi diretti, tħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu locus standi lill-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi biex jitolbu inibizzjoni fejn attwalment dan ma huwiex possibbli.
  • Offerti kummerċjali u sensibilizzazzjoni: tirrakkomanda wkoll li l-organizzaturi u x-xandara ta' avvenimenti diretti u sportivi jżidu d-disponibbiltà, l-affordabbiltà u l-attraenza tal-offerti kummerċjali tagħhom lill-utenti finali madwar l-Unjoni. Hija tappella lill-Istati Membri biex iżidu l-għarfien tal-utenti fost il-konsumaturi rigward l-offerti legali biex igawdu dan it-tip ta' kontenut, u rigward il-kwistjoni tal-piraterija fost l-awtoritajiet tal-infurzar.

Ir-rakkomandazzjoni ssaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali rilevanti, u bejn id-detenturi tad-drittijiet u l-intermedjarji biex il-fenomenu tat-trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati ta' avvenimenti diretti jiġi indirizzat aħjar. Objettiv importanti huwa li jiġi żgurat skambju regolari ta' informazzjoni fost l-awtoritajiet amministrattivi dwar il-miżuri applikati, l-isfidi tagħhom u l-prattiki tajba kontra l-piraterija online ta' avvenimenti diretti. Il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri hija importanti fid-dawl tan-natura tal-piraterija, li sseħħ bejn il-fruntieri.

Fl-aħħar nett, ir-Rakkomandazzjoni tistabbilixxi sistema ta' monitoraġġsoda biex tivvaluta l-effetti tagħha fuq il-ġlieda kontra l-piraterija u biex, jekk ikun meħtieġ, tikkunsidra aktar miżuri. Din il-ħidma se ssir bl-appoġġ tal-Osservatorju Ewropew tal-Ksur tad-Drittijiet tal-Proprjetà Intellettwali (l-Osservatorju tal-EUIPO) u se tinvolvi l-istabbiliment ta' Indikaturi Ewlenin tal-Prestazzjoni (KPIs) ċari biex jitwettaq monitoraġġ effettiv.

Passi li jmiss

Flimkien mal-Osservatorju tal-EUIPO, il-Kummissjoni se timmonitorja l-effetti ta' din ir-Rakkomandazzjoni mill-qrib. Illum, qed inniedu l-proċess għall-istabbiliment tal-KPIs għall-monitoraġġ, li se jiġu ffinalizzati qabel is-sajf.

Abbażi ta' dan l-eżerċizzju ta' monitoraġġ, il-Kummissjoni se tivvaluta l-effetti tar-Rakkomandazzjoni fuq it-trażmissjonijiet mill-ġdid mhux awtorizzati ta' avvenimenti sportivi diretti u ta' avvenimenti diretti oħra sas-17 ta' Novembru 2025. Din hija wkoll l-iskadenza sa meta l-Kummissjoni se tevalwa l-mod kif l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jinteraġixxi ma' atti legali oħra, inkluża l-leġiżlazzjoni dwar id-drittijiet tal-awtur. L-implimentazzjoni tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali se tagħti spinta lill-ġlieda usa' kontra l-kontenut illegali fuq il-pjattaformi online, b'impatt sostanzjali wkoll fuq it-trażmissjonijiet mill-ġdid online mhux awtorizzati ta' avvenimenti sportivi diretti u ta' avvenimenti diretti oħra.

Il-Kummissjoni mbagħad tiddeċiedi jekk humiex meħtieġa miżuri addizzjonali fil-livell tal-UE, fid-dawl tal-iżviluppi teknoloġiċi u tal-evoluzzjoni tal-kanali ta' distribuzzjoni u tax-xejriet tal-konsum. 

Sfond

Ir-Rakkomandazzjoni hija segwitu tar-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar l-isfidi tal-organizzaturi ta' avvenimenti sportivi fl-ambjent diġitali, li ġiet adottata f'Mejju 2021. Il-Kummissjoni kkonsultat lill-partijiet ikkonċernati waqt it-tħejjija tar-Rakkomandazzjoni f'laqgħa li saret fi Frar 2023 mar-rappreżentanti tax-xandara, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet sportivi, l-organizzazzjonijiet ta' spettakli diretti, l-intermedjarji online u l-awtoritajiet nazzjonali. Wettqet ukoll diskussjonijiet mal-Istati Membri fil-kuntest tal-Kumitat ta' Kuntatt dwar id-Drittijiet tal-Awtur.

Ir-Rakkomandazzjoni tibni wkoll fuq il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Proprjetà Intellettwali tal-2020, li rrikonoxxa li l-persistenza tal-iffalsifikar u tal-piraterija hija waħda mill-isfidi ewlenin li jipprevjenu lill-Ewropa milli tikkapitalizza fuq l-assi intellettwali tagħha biex tagħti spinta lill-irkupru u lir-reżiljenza.

Diġà jeżistu rimedji legali għall-ġlieda kontra l-piraterija online, b'mod partikolari l-Att dwar is-Servizzi Diġitali u d-Direttiva dwar l-Infurzar (id-Direttiva 2004/48/KE). B'mod partikolari, l-Att dwar is-Servizzi Diġitali jissimplifika l-ipproċessar tal-avviżi mibgħuta lill-fornituri ta' servizzi ta' hosting f'każ ta' kontenut illegali. Barra minn hekk, skont id-Direttiva dwar l-Infurzar, id-detenturi tad-drittijiet jistgħu jiksbu inibizzjonijiet li jordnaw lill-intermedjarji online jimblukkaw l-aċċess għal kontenut mhux awtorizzat, jew ineħħuh. Ir-Rakkomandazzjoni tindika kif dawn ir-rimedji jistgħu jintużaw fil-każ speċifiku ta' avvenimenti diretti.

Għal aktar informazzjoni

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-ġlieda kontra l-piraterija online tal-isports u ta' avvenimenti diretti oħra

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
4 Mejju 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta