Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa26 Jannar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Il-Kummissjoni tressaq dikjarazzjoni dwar drittijiet u prinċipji diġitali għal kulħadd fl-UE

Digital

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jiffirmaw dikjarazzjoni ta' drittijiet u prinċipji li se tiggwida t-trasformazzjoni diġitali fl-UE.

L-abbozz tad-dikjarazzjoni dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali għandu l-għan li jagħti punt ta' referenza ċar lil kulħadd dwar it-tip ta' trasformazzjoni diġitali li l-Ewropa tippromwovi u tiddefendi. Id-Dikjarazzjoni se tipprovdi wkoll gwida għal dawk li jfasslu l-politika u għall-kumpaniji meta jittrattaw teknoloġiji ġodda. Id-drittijiet u l-libertajiet minquxa fil-qafas legali tal-UE u l-valuri Ewropej espressi mill-prinċipji, għandhom jiġu rrispettati online bħalma huma offline. Ladarba d-Dikjarazzjoni tkun approvata b'mod konġunt, din se tiddefinixxi wkoll l-approċċ għat-trasformazzjoni diġitali li l-UE se tippromwovi madwar id-dinja.

Il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, Margrethe Vestager, stqarret: “Irridu teknoloġiji sikuri li jaħdmu għan-nies u li jirrispettaw id-drittijiet u l-valuri tagħna. Anki meta nkunu online. U rridu lil kulħadd ikollu s-setgħa biex jieħu sehem attiv f'soċjetajiet li qed jiġu aktar diġitalizzati. Din id-dikjarazzjoni tagħtina punt ta' referenza ċar għad-drittijiet u l-prinċipji għad-dinja online.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern Thierry Breton qal: “Irridu lill-Ewropej ikunu jafu: li jekk se tkunu qed jgħixu, tistudjaw, taħdmu, tagħmlu n-negozju fl-Ewropa, tistgħu tiddependu fuq konnettività tal-aqwa klassi, aċċess bla xkiel għas-servizzi pubbliċi u spazju diġitali sikur u ġust. Id-dikjarazzjoni dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali tistabbilixxi wkoll darba għal dejjem li dak li hu illegali offline għandu jkun ukoll illegali online. L-għan tagħna huwa li nippromwovu wkoll dawn il-prinċipji bħala standard għad-dinja.

Drittijiet u prinċipji fl-era diġitali

L-abbozz tad-dikjarazzjoni jkopri d-drittijiet u l-prinċipji ewlenin għat-trasformazzjoni diġitali, bħal dak li n-nies u d-drittijiet tagħhom ikunu fiċ-ċentru tat-trasformazzjoni, li jiġu sostnuti s-solidarjetà u l-inklużjoni, li tiġi żgurata l-libertà tal-għażla online, li titrawwem il-parteċipazzjoni fl-ispazju pubbliku diġitali, li tiżdied is-sikurezza, is-sigurtà u l-awtonomizzazzjoni tal-individwi, kif ukoll li tkun promossa s-sostenibbiltà tal-futur diġitali.

Dawn id-drittijiet u l-prinċipji għandhom jakkumpanjaw lin-nies fl-UE fil-ħajja tagħhom ta' kuljum: konnettività diġitali affordabbli u b'veloċità għolja kullimkien u għal kulħadd, klassijiet mgħammra tajjeb u għalliema b'ħiliet diġitali, aċċess bla xkiel għas-servizzi pubbliċi, ambjent diġitali sikur għat-tfal, id-dritt għall-iskonnettjar wara l-ħinijiet tax-xogħol, il-ksib ta' informazzjoni li tkun faċli biex tinftiehem dwar l-impatt ambjentali tal-prodotti diġitali tagħna u l-kontroll dwar kif id-data personali tagħhom qed tiġi użata u ma' min qed tiġi kondiviża.

Id-dikjarazzjoni hija stabbilita fid-dritt tal-UE, mit-Trattati sal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, iżda wkoll fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Din id-dikjarazzjoni hija bbażata fuq l-esperjenza tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali. L-ex President tal-Parlament Ewropew David Sassoli kien ippromwova l-idea tal-aċċess għall-Internet bħala uman ġdid fl-2018. Il-promozzjoni u l-implimentazzjoni tal-prinċipji stabbiliti fid-dikjarazzjoni se jkunu kwistjoni ta' impenn u responsabbiltà politiċi komuni kemm għall-Unjoni kif ukoll għall-Istati Membri fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom. Sabiex jiġi żgurat li d-dikjarazzjoni se jkollha effetti konkreti fil-prattika, f'Settembru l-Kummissjoni pproponiet li timmonitorja l-progress u tevalwa l-lakuni li jkunu nstabu waqt l-evalwazzjoni u tirrakkomanda xi azzjonijiet permezz ta' rapport annwali dwar l-“Istat tad-Deċennju Diġitali”.

Il-Passi li Jmiss

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill huma mistiedna jiddiskutu l-abbozz tad-dikjarazzjoni, u biex japprovawha fl-ogħla livell sa dan is-sajf.

Kuntest

Fid-9 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni ppreżentat il-viżjoni tagħha għat-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa sal-2030 fil-Komunikazzjoni tagħha dwar Il-Kumpass Diġitali: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali. F'Settembru 2021, il-Kummissjoni introduċiet qafas ta' governanza robust biex jintlaħqu l-miri diġitali fil-forma ta' Perkors għad-Deċennju Diġitali. Waqt diskors li sar fl-avveniment “Leading the Digital Decade” f'Sines, il-Portugall, fl-1 ta' Ġunju 2021, il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen qalet: “Aħna nħaddnu teknoloġiji ġodda. Iżda se nibqgħu nappoġġaw il-valuri tagħna.”

Il-Kummissjoni wettqet ukoll konsultazzjoni pubblika miftuħa li uriet appoġġ wiesa' għall-Prinċipji Diġitali Ewropej — tmien ċittadini tal-UE minn għaxra jqisuha utli li Unjoni Ewropea tiddefinixxi u tippromwovi viżjoni komuni Ewropea dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali — u wettqet ukoll stħarriġ speċjali tal-Ewrobarometru. Stħarriġiet annwali tal-Ewrobarometru se jiġbru data kwalitattiva, ibbażata fuq il-perċezzjoni taċ-ċittadini dwar kif il-prinċipji diġitali minquxa fid-dikjarazzjoni jiġu implimentati fl-UE.

Id-dikjarazzjoni hija bbażata wkoll fuq inizjattivi preċedenti mill-Kunsill, inkluż id-Dikjarazzjoni ta' Tallinn dwar l-eGvern, id-Dikjarazzjoni ta' Berlin dwar is-Soċjetà Diġitali u l-Gvern Diġitali bbażat fuq il-Valur, u d-Dikjarazzjoni ta' Liżbona — Demokrazija Diġitali bi Skop għal mudell ta' trasformazzjoni diġitali li jsaħħaħ id-dimensjoni umana tal-ekosistema diġitali bħala s-Suq Uniku Diġitali bħala l-qalba tiegħu. 

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Dikjarazzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet u l-Prinċipji Diġitali

Skeda informattiva dwar id-drittijiet u l-prinċipji diġitali għal kulħadd fl-UE

Il-Kumpass Diġitali: l-approċċ Ewropew għad-Deċennju Diġitali

Komunikazzjoni dwar il-Perkors għad-Deċennju Diġitali

Dikjarazzjoni ta' Tallinn dwar l-eGvern

Dikjarazzjoni ta' Berlin dwar is-Soċjetà Diġitali u l-Gvern Diġitali bbażat fuq il-Valur

Dikjarazzjoni ta' Liżbona — Demokrazija Diġitali bi Skop

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
26 Jannar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta