Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet14 Marzu 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta7 min qari

Il-Kummissjoni tipproponi riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE biex tagħti spinta lis-sorsi rinnovabbli, tipproteġi aħjar lill-konsumaturi u ttejjeb il-kompetittività industrijali

Family
European Commission, 2023

Illum, il-Kummissjoni pproponiet li tirriforma d-disinn tas-suq tal-elettriku tal-UE biex taċċellera żieda qawwija fl-enerġija rinnovabbli u t-tneħħija gradwali tal-gasstagħmel il-kontijiet tal-konsumatur inqas dipendenti fuq prezzijiet volatili tal-fjuwils fossilitipproteġi aħjar lill-konsumaturi minn żidiet fil-prezzijiet futuri u manipulazzjoni potenzjali tas-suq, kif ukoll tagħmel l-industrija tal-UE nadifa u aktar kompetittiva.

L-UE kellha suq tal-elettriku effiċjenti u integrat sew għal aktar minn 20 sena, u b'hekk ippermettiet lill-konsumaturi jgawdu l-benefiċċji ekonomiċi ta' suq uniku tal-enerġija, filwaqt li tiżgura s-sigurtà tal-enerġija u tistimula l-proċess ta' dekarbonizzazzjoni. Il-kriżi tal-enerġija xprunata mill-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, enfasizzat il-ħtieġa għal adattament ta' malajr tas-suq tal-elettriku sabiex tappoġġa aħjar it-tranżizzjoni ekoloġika u toffri lill-konsumaturi tal-enerġija, kemm l-unitajiet domestiċi u kemm in-negozji, aċċess mifrux għal elettriku affordabbli, rinnovabbli u mhux fossili

Ir-riforma proposta tipprevedi reviżjonijiet ta' diversi partijiet tal-leġiżlazzjoni tal-UE - b'mod partikolari r-Regolament dwar l-Elettriku, id-Direttiva dwar l-Elettriku, u r-Regolament REMIT. Tintroduċi miżuri li jinċentivaw kuntratti fit-tul b'produzzjoni ta' potenza elettrika mhux fossili u ġġib aktar soluzzjonijiet nodfa u flessibbli fis-sistema sabiex tikkompeti mal-gass, bħar-rispons tad-domanda u l-ħżin. Dan se jnaqqas l-impatt tal-fjuwils fossili fuq il-kontijiet tal-elettriku tal-konsumatur, kif ukoll jiżgura li t-tnaqqis tal-kost tal-enerġija rinnovabbli jiġi rifless fihom. Barra minn hekk, ir-riforma proposta tagħti spinta lill-kompetizzjoni miftuħa u ġusta fis-swieq tal-enerġija bl-ingrossa Ewropej billi issaħħaħ t-trasparenza tas-suq u l-integrità.

Il-bini ta' sistema tal-enerġija bbażata fuq sorsi rinnovabbli mhux biss se tkun kruċjali biex jitnaqqsu l-kontijiet tal-konsumatur, iżda wkoll biex tiġi żgurata provvista tal-enerġija sostenibbli u indipendenti għall-UE, f'konformità mal-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Pjan REPowerEU. Din ir-riforma, li hi parti mill-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku, se tippermetti wkoll lill-industrija Ewropea jkollha aċċess għal provvista tal-enerġija rinnovabbli, mhux fossili u affordabbli li hija faċilitatur ewlieni tad-dekarbonizzazzjoni u tat-tranżizzjoni ekoloġika. Biex nilħqu l-miri tagħna dwar l-enerġija u l-klima, l-użu tal-enerġija rinnovabbli jeħtieġ li jittriplika sa tmiem dan id-deċennju.

Il-protezzjoni u l-għoti tas-setgħa lill-konsumaturi 

Prezzijiet għoljin u volatili, bħal dawk li dehru fl-2022 ipprovokati mill-gwerra tal-enerġija tar-Russja kontra l-UE, poġġew piż żejjed fuq il-konsumaturi. Din il-proposta se tippermetti lill-konsumaturi u lill-fornituri jibbenefikaw minn aktar stabbiltà fil-prezzijiet ibbażata fuq teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli u mhux fossili.  B'mod kruċjali, se tagħti lill konsumaturi għażla kbira ta' kuntratti u informazzjoni aktar ċara qabel ma jiffirmaw kuntratti biex ikunu jistgħu jiżguraw prezzijiet siguri, fit-tul u jevitaw riskji eċċessivi u volatilità. Fl-istess ħin, xorta se jkunu jistgħu jagħżlu li jkollhom kuntratti ta' pprezzar dinamiku biex jieħdu vantaġġ mill-varjabbiltà tal-prezzijiet biex jużaw l-elettriku meta jkun irħas (eż. biex jiċċarġjaw il-karozzi elettriċi, jew jużaw il-pompi tas-sħana).

Barra milli tespandi l-għażla tal-konsumatur, ir-riforma għandha l-għan li trawwem stabbiltà fil-prezzijiet billi tnaqqas ir-riskju tal-falliment tal-fornitur. Il-proposta tirrikjedi li l-fornituri jiġġestixxu r-riskji tal-prezzijiet tagħhom tal-anqas sal-limitu tal-volumi taħt kuntratti fissi, sabiex ikunu inqas esposti għal żidiet qawwija fil-prezzijiet u għall-volatilità tas-suq. Hi tobbliga ukoll lill-Istati Membri jistabbilixxu fornituri tal-aħħar alternattiva sabiex l-ebda konsumatur ma jitħalla mingħajr elettriku.

Il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli hija msaħħa b'mod sinifikanti. Skont ir-riforma proposta, l-Istati Membri se jipproteġu lill-konsumaturi vulnerabbli bl-arretrati milli jiġu maqtugħa. Kif ukoll, tippermetti lill-Istati Membri jestendu l-prezzijiet bl-imnut irregolati lill-unitajiet domestiċi u lill-SMEs f'każ ta' kriżi.

Skont il-proposta, ir-regoli dwar il-kondiviżjoni tal-enerġija rinnovabbli qed jiġu aġġornati wkoll. Il-konsumaturi se jkunu jistgħu jinvestu f'parks tal-enerġija tar-riħ u solari u jbigħu l-elettriku solari żejjed prodott minn fuq il-bjut mhux biss lill-fornitur tagħhom imma anke lill-ġirien. Pereżempju, l-inkwilini se jkunu jistgħu jaqsmu l-enerġija solari żejda prodotta minn fuq il-bjut ma' ġar.

Sabiex itejbu l-flessibbiltà tas-sistema tal-enerġija, l-Istati Membri issa se jkunu meħtieġa jaċċessaw l-bżonnijiet tagħhom, jistabbilixxu objettivi sabiex jżidu l-flessibbiltà tal-fjuwils mhux fossili, u se jkollhom il-possibbiltà li jintroduċu skemi ta' appoġġ ġodda speċjalment għar-rispons tad-domanda u l-ħżin. Ir-riforma tippermetti ukoll lill-operaturi tas-sistema jakkwistaw tnaqqis fid-domanda fis-sigħat l-aktar intensivi. Flimkien ma' din il-proposta, illum il-Kummissjoni ħarġet ukoll rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri dwar l-avvanz tal-innovazzjoni, it-teknoloġiji u l-kapaċitajiet tal-ħżin.

It-tisħiħ tal-prevedibbiltà u l-istabbiltà tal-kostijiet tal-enerġija biex tingħata spinta lill-kompetittività industrijali

Matul is-sena li għaddiet, ħafna kumpaniji ġew affettwati b'mod sever mill-prezzijiet tal-enerġija eċċessivament volatili. Biex ittejjeb il-kompetittività tal-industrija tal-UE u biex tnaqqas l-esponiment tagħha għal prezzijiet volatili, il-Kummissjoni qed tipproponi li tiffaċilita l-użu ta' kuntratti fit-tul aktar stabbli bħall-Ftehimiet dwar ix-Xiri tal-Enerġija (PPAs) - li permezz tagħhom il-kumpaniji jistabbilixxu l-provvisti diretti tagħhom stess tal-enerġija u b'hekk ikunu jistgħu japprofittaw minn prezzijiet aktar stabbli ta' produzzjoni ta' potenza elettrika rinnovabbli u mhux fossili. Sabiex jiġu indirizzati l-ostakli attwali bħar-riskji ta' kreditu tax-xerrejja, ir-riforma tobbliga lill-Istati Membri jiżguraw d-disponibbiltà tal-garanziji bbażati fuq is-suq għall-PPAs.

Sabiex jipprovdu lill-produtturi tal-potenza elettrika stabbilita tad-dħul u jipproteġu lill-industrija mill-volatilità tal-prezzijiet, l-appoġġ kollu għal-pubbliku għal investimenti ġodda f'ġenerazzjoni tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli u mhux fossili inframarġinali u must-run, se jkun fil-forma ta' Kuntratti bidirezzjonali għad-Differenza (CfDs), filwaqt li l-Istati Membri huma obbligati li jikkanalizzaw id-dħul żejjed lill-konsumaturi. Barra minn hekk ir-riforma se tagħti spinta lill-likwidità tas-swieq għal kuntratti fit-tul li jiżguraw il-prezzijiet futuri, magħrufa bħala “kuntratti forward.” Din se tippermetti lil aktar fornituri u konsumaturi jipproteġu lilhom infushom kontra prezzijiet eċċessivament volatili matul perjodi itwal ta' żmien. 

Se jkun hemm ukoll obbligi ġodda biex jiffaċilitaw l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-sistema u jtejbu l-prevedibbiltà għall-ġenerazzjoni. Dawn jinkludu obbligi ta' trasparenza għal operaturi tas-sistema fir-rigward tal-konġestjoni tal-grilja u n-negozjar tal-iskadenzi eqreb lejn il-ħin reali.

Fl-aħħar nett, biex jiġu żgurati swieq kompetittivi u l-iffissar ta' prezzijiet trasparenti, l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u r-regolaturi nazzjonali se jkollhom kapaċità msaħħa biex jimmonitorjaw l-integrità u t-trasparenza tas-suq tal-enerġija. B'mod partikolari, ir-Regolament aġġornat dwar l-Integrità u t-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija bl-Ingrossa (REMIT) se jiżgura data ta' kwalità aħjar kif ukoll jsaħħaħ r-rwol tal-ACER fl-investigazzjonijiet tal-każijiet ta' abbuż tas-suq potenzjali ta' natura transfruntiera. B'mod ġenerali, dan se jżid il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-industrija tal-UE kontra kwalunkwe abbuż tas-suq.

Il-passi li jmiss

Ir-riforma proposta issa se jkollha tiġi diskussa u maqbula mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill qabel ma tidħol fis-seħħ.     

Kuntest

Mis-sajf tal-2021, il-prezzijiet tal-enerġija raw żidiet qawwija u volatilità bla preċedent, u kellhom impatt qawwi fuq l-unitajiet domestiċi tal-UE u l-ekonomija, speċjalment wara l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja li kkawżat kriżi tal-enerġija fl-Ewropa. Ħafna konsumaturi raw il-kontijiet tagħhom jiżdiedu minħabba ż-żieda fil-prezzijiet tal-gass, minkejja li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli diġà qed ikopru aktar minn terz tad-domanda tal-elettriku tal-UE.

L-UE rreaġixxiet malajr billi introduċiet firxa wiesgħa ta' miżuri biex jittaffa l-impatt tal-prezzijiet bl-ingrossa għoljin u volatili tal-enerġija fuq l-unitajiet domestiċi u n-negozji. Madanakollu l-Kunsill Ewropew appella lill-Kummissjoni biex taħdem malajr fuq riforma strutturali tas-suq tal-elettriku, bl-objettiv doppju li tiġi żgurata s-sovranità tal-enerġija Ewropea u tinkiseb in-newtralità klimatika. Ir-riforma proposta twieġeb għal din is-sejħa mill-Mexxejja tal-UE u tħabbret mill-President von der Leyen fid-Diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni s-sena l-oħra. Hi tifforma wkoll parti mill-Pjan Industrijali tal-Patt Ekoloġiku li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija b'emissjonijiet żero netti tal-Ewropa u jaċċellera t-tranżizzjoni lejn in-newtralità klimatika.

Għal aktar informazzjoni

Mistoqsijiet u tweġibiet

Skeda informattiva

Proposta għal Regolament emendatorju biex jittejjeb id-disinn tas-suq tal-elettriku tal-Unjoni

Proposta għal Regolament emendatorju biex tittejjeb il-protezzjoni tal-Unjoni kontra l-manipulazzjoni tas-suq fis-suq tal-enerġija bl-ingrossa

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar ir-riforma tad-disinn tas-suq tal-elettriku

Rakkomandazzjoni Dokument ta' Ħidma tal-Persunal dwar il-ħżin

Disinn tas-suq tal-elettriku

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
14 Marzu 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta