Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet7 Diċembru 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Il-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda biex ittejjeb il-benessri tal-annimali

Animal Welfare

Kif imħabbar mill-Istrateġija tagħna “Mill-Għalqa sal-Platt”, l-aġenda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew għall-agrikoltura sostenibbli u l-produzzjoni tal-ikel, illum il-Kummissjoni pproponiet l-akbar riforma tar-regoli tal-UE dwar it-trattament xieraq tal-annimali waqt it-trasport f'20 sena. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll, għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, regoli ġodda tal-UE dwar il-benessri u t-traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates, li jitnisslu, jinżammu u jiġu kkummerċjalizzati għal skopijiet ekonomiċi, bħala annimali tal-kumpanija.

Il-pakkett jinkludi reviżjoni tar-regoli attwali tal-UE għall-annimali fit-trasport, li se ttejjeb il-benessri tal-1.6 biljun annimal ittrasportat fl-UE jew minnha kull sena. Ir-regoli l-ġodda jirriflettu l-aktar evidenza u għarfien xjentifiċi reċenti, kif ukoll l-aktar żviluppi teknoloġiċi reċenti.

Ir-regoli l-ġodda dwar il-benessri u t-traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates, se jistabbilixxu, għall-ewwel darba, standards uniformi tal-UE għat-tnissil, l-akkomodazzjoni u kif wieħed jieħu ħsieb il-klieb u l-qtates fi stabbilimenti tat-tnissil u ħwienet tal-annimali domestiċi, u santwarju tal-annimali. It-traċċabbiltà tal-klieb u l-qtates se tiġi msaħħa wkoll permezz ta' identifikazzjoni u reġistrazzjoni obbligatorji f'bażijiet ta' datanazzjonali biex jiġi miġġieled il-kummerċ illegali u jiġu kkontrollati aħjar il-kundizzjonijiet tal-benessri tal-annimali fl-istabbilimenti.

Finalment, il-Kummissjoni qed tipproponi passi oħra biex tindirizza l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI) “Fur Free Europe”, li tappellagħal projbizzjoni tal-UE fuq it-trobbija ta' annimali għall-fer u fuq il-bejgħ ta' prodotti li fihom dan it-tip ta' fer fis-Suq Uniku. Il-Kummissjoni tilqa' l-inizjattiva u tirrikonoxxi li l-benessri tal-annimali għadu tħassib serju għaċ-ċittadini Ewropej.

Regoli aħjar għat-trasport tal-annimali

Ir-regoli eżistenti tal-UE għall-annimali fit-trasport għandhom 20 sena. Dawn m'għadhomx jirriflettu r-realtajiet attwali, l-aħħar għarfien u pariri xjentifiċi, l-għanijiet ta' sostenibbiltà jew it-tħassib leġittimu taċ-ċittadini tagħna fir-rigward tat-trattament xieraq tal-annimali. Il-proposta tal-lum għalhekk tiffoka fuq oqsma ewlenin, li huma vitali biex jiġi żgurat it-trattament xieraq tal-annimali fit-trasport:

  • Il-ħinijiet tal-ivvjaġġar se jitqassru u matul vjaġġi twal, l-annimali jridu jinħattu għal xi ħinijiet biex jistrieħu, jieklu u jixorbu. Se japplikaw regoli speċjali għall-annimali għall-qatla, u għall-annimali vulnerabbli bħal għoġġiela mhux miftuma u annimali tqala.
  • Il-kwoti biex jiġi żgurat spazju minimu għall-annimali differentise jiżdiedu u jiġu adattati għal kull speċi.
  • It-trasport f'temperaturi estremi se jkun soġġett għal kundizzjonijiet stretti, inkluż li t-trasport isir biss billejl jekk it-temperaturi jaqbżu t-30 grad. Barra minn hekk, meta t-temperaturi jkunu inqas minn 0°C, il-vetturi tat-triq iridu jkunu mgħottija u ċ-ċirkolazzjoni tal-arja fil-kompartiment tal-annimali trid tiġi kkontrollata, sabiex l-annimali jiġu protetti mir-riħ matul il-vjaġġ. Jekk it-temperaturi jinżlu taħt -5°C, flimkien mal-miżuri msemmija qabel, il-vjaġġ ma jistax idum iżjed minn 9 sigħat
  • Ir-regoli għall-esportazzjoni ta' annimali ħajjin mill-Unjoni se jsiru aktar stretti, u se jinkludu kontrolli aħjar f'pajjiżi terzi biex jintlaħqu standards ekwivalenti għal dawk li nsibu fl-UE.
  • Se nagħmlu l-aħjar użu minn għodod diġitali biex jiġi ffaċilitat l-infurzar tar-regoli tat-trasport (eż. pożizzjonament f'ħin reali tal-vetturi; bażi tad-data ċentrali).

Benessri aħjar tal-klieb u l-qtates 

Madwar 44 % tad-djar fl-UE għandhom annimal domestiku. Il-kummerċ tal-klieb u l-qtates kiber b'mod konsiderevoli f'dawn l-aħħar snin, b'valur annwali ta' €1.3 biljun. Madankollu, l-istandards tal-benessri tal-annimali għat-tnissil professjonali, iż-żamma u l-bejgħ tal-klieb u l-qtates ivarjaw ħafna bejn l-Istati Membri. Hemm ukoll evidenza estensiva ta' prattiki ta' standard inferjuri.u ta' abbuż.

Barra minn hekk, il-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates żdied ħafna, aċċellerat minn suq online li qed jikber li issa jammonta għal 60 % tal-bejgħ kollu tal-klieb u l-qtates fl-UE. Rapport ġdid ippubblikat illum jikkundanna l-firxa tal-kummerċ illegali tal-klieb u l-qtates, kif ukoll il-lakuni attwali li jippermettu li dan iseħħ.

Il-proposta tal-lum ma tippreżentax regolamenti ġodda għaċ-ċittadini u s-sidien tal-annimali domestiċi. Dan jistabbilixxi regoli uniformi tal-UE għall-benessri tal-klieb u l-qtates li jitrabbew jew jinżammu fi stabbilimenti tat-tnissil, fil-ħwienet tal-annimali domestiċi u f'santwarji tal-annimali:

  • Għall-ewwel darba, se japplikaw standards minimi għat-tnissill-akkomodazzjoni, il-kura u t-trattament ta' dawn l-annimali madwar l-UE.
  • Rekwiżiti stretti ta' traċċabbiltà flimkien ma' kontrolli awtomatizzati għall-bejgħ online, se jgħinu lill-awtoritajiet jikkontrollaw it-tnissil u l-kummerċ tal-klieb u l-qtates u lix-xerrejja biex jivverifikaw li l-identifikazzjoni u r-reġistrazzjoni tagħhom ikunu kif suppost.
  • L-Istati Membri se jkollhom joffru taħriġ lil dawk li jaħdmu mal-annimali u kull min jixtri kelb jew qattus se jiġi infurmat dwar kemm hija importanti li tkun sid responsabbli.
  • L-importazzjonijiet ta' klieb u qtates se jkollhom jissodisfaw standards ta' benessri ekwivalenti.

Risposta għall-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “Fur Free Europe”

Illum il-Kummissjoni wieġbet ukoll għal Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej. L-inizjattiva “Fur Free Europe” tistieden lill-Kummissjoni tieħu azzjoni biex tipprojbixxi: (i) iż-żamma u l-qtil tal-annimali għall-iskop uniku jew ewlieni tal-produzzjoni tal-fer u (ii) it-tqegħid tal-fer tal-annimali mrobbijin fl-irziezet, u tal-prodotti li fihom dan it-tip ta' fer, fis-suq tal-UE. Din l-inizjattiva tqajjem ukoll kwistjonijiet importanti rigward il-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u tal-ambjent, li l-Kummissjoni se tivvaluta skont l-approċċ tagħha “Saħħa Waħda”, li għandu bħala prinċipju ewlieni r-rikonoxximent li s-saħħa tal-bniedem, tal-annimali u dik ambjentali huma marbutin b'mod li ma jinħallx.

Il-Kummissjoni inkarigat lill-EFSA biex tipprovdi opinjoni xjentifika dwar il-benessri tal-annimali mrobbija għall-fer. Filwaqt li tibni fuq dan il-kontribut xjentifiku, u fuq valutazzjoni tal-impatti ekonomiċi u soċjali, il-Kummissjoni mbagħad se tikkomunika dwar l-aktar azzjoni xierqa.

Il-Passi li Jmiss 

Il-proposti leġiżlattivi issa se jkunu ppreżentati lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej, l-EFSA se tibda l-valutazzjoni xjentifika tagħha abbażi tat-talba tal-Kummissjoni u tagħti l-opinjoni xjentifika tagħha sa Marzu 2025.

Il-Kummissjoni se tkompli wkoll bil-ħidma preparatorja tagħha fuq proposti oħra dwar it-trattament xieraq tal-annimali, kif imħabbar fl-Istrateġija “Mill-Għalqa sal-Platt”.

Għal aktar Informazzjoni

Ir-Regolament dwar il-benessri tal-klieb u l-qtates u t-traċċabbiltà tagħhom

Ir-Regolament dwar il-protezzjoni tal-annimali waqt it-trasport 

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Benessri tal-Annimali waqt it-trasport

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-Benessri tal-Klieb u l-Qtates

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej “Fur Free Europe”

Skeda informattiva dwar il-Benessri tal-Annimali waqt it-trasport

Skeda informattiva dwar il-Benessri tal-Klieb u l-Qtates

Saħħa Pubblika - Il-Kummissjoni Ewropea

Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
7 Diċembru 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta