Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet26 April 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

Il-Kummissjoni tipproponi regoli ġodda ta' governanza ekonomika adattati għall-futur

money

Illum il-Kummissjoni ppreżentat proposti leġiżlattivi biex timplimenta l-aktar riforma komprensiva tar-regoli ta' governanza ekonomika tal-UE mill-perjodu ta' wara l-kriżi ekonomika u finanzjarja 'l hawn. L-objettiv ċentrali ta' dawn il-proposti huwa li tissaħħaħ is-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku u jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv fl-Istati Membri kollha permezz ta' riformi u investiment.

Il-proposti jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-qafas attwali. Iqisu l-ħtieġa li jitnaqqsu l-livelli ta' dejn pubbliku li żdiedu ferm, jibbażaw ruħhom fuq it-tagħlimiet meħuda mir-rispons ta' politika tal-UE għall-kriżi tal-COVID-19 u jħejju lill-UE għall-isfidi tal-ġejjieni billi jappoġġaw il-progress lejn ekonomija ekoloġika, diġitali, inklużiva u reżiljenti u jagħmlu l-UE aktar kompetittiva.

Ir-regoli l-ġodda se jiffaċilitaw ir-riformi u l-investiment neċessarji u jgħinu biex jitnaqqsu l-proporzjonijiet għoljin tad-dejn pubbliku b'mod realistiku, gradwali u sostnut, f'konformità mad-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2022 tal-President von der Leyen. Ir-riforma se tissimplifikal-governanza ekonomika, se ttejjeb is-sjieda nazzjonali, se tagħmel enfasi akbar fuq il-perjodu ta' żmien medju u se ssaħħaħ l-infurzar, fi ħdan qafas komuni trasparenti tal-UE.

Il-proposti huma frott perjodu estiż ta' riflessjoni u proċess wiesa' ta' konsultazzjoni.

Sjieda nazzjonali aktar b'saħħitha bi pjanijiet komprensivi fuq perjodu ta' żmien medju, abbażi ta' regoli komuni tal-UE

Il-pjanijiet fiskali-strutturali nazzjonali fuq perjodu ta' żmien medju huma l-pedament tal-proposti tal-Kummissjoni.

L-Istati Membri se jfasslu u jippreżentaw pjanijiet li jistabbilixxu l-miri fiskali tagħhom, miżuri biex jindirizzaw l-iżbilanċi makroekonomiċi u r-riformi u l-investimenti prijoritarji fuq perjodu ta' mill-inqas erba' snin. Dawn il-pjanijiet se jiġu vvalutati mill-Kummissjoni u approvati mill-Kunsill abbażi ta' kriterji komuni tal-UE.

L-integrazzjoni tal-objettivi fiskali, ta' riforma u ta' investiment fi pjan uniku fuq perjodu ta' żmien medju se tgħin biex jinħoloq proċess koerenti u simplifikat. Dan se jsaħħaħ is-sjieda nazzjonali billi jipprovdi lill-Istati Membri b'marġni ta' manuvra akbar meta jiġu biex jistabbilixxu l-perkorsi ta' aġġustament fiskali u l-impenji ta' riforma u ta' investiment tagħhom stess. L-Istati Membri se jippreżentaw rapporti ta' progress annwali biex jiffaċilitaw monitoraġġ u infurzar aktar effettivital-implimentazzjoni ta' dawn l-impenji.

Il-proċess il-ġdid ta' sorveljanza fiskali se jiġi integrat fis-Semestru Ewropew, li se jibqa' l-qafas ċentrali għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u tal-impjiegi.

Regoli aktar sempliċi li jqisu l-isfidi fiskali differenti  

Is-sitwazzjonijiet fiskali, l-isfidi u l-prospetti ekonomiċi jvarjaw immens bejn is-27 Stat Membru tal-UE. Għaldaqstant, approċċ wieħed tajjeb għal kulħadd ma jaħdimx. Il-proposti jfittxu li jersqu lejn qafas ta' sorveljanza bbażat aktar fuq ir-riskju li jpoġġi s-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku fil-qalba tiegħu, u fl-istess waqt jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dan l-approċċ se jaderixxi ma' qafas komuni trasparenti tal-UE.

Il-pjanijiet tal-Istati Membri se jistabbilixxu l-perkorsi ta' aġġustament fiskali tagħhom. Dawn se jiġu fformulati f'termini ta' miri tan-nefqa pluriennali, li se jkunu l-indikatur operazzjonali uniku għas-sorveljanza fiskali, u b'hekk ir-regoli fiskali jiġu ssimplifikati.

Għal kull Stat Membru b'defiċit tal-gvern ogħla minn 3 % tal-PDG jew dejn pubbliku ogħla minn 60 % tal-PDG, il-Kummissjoni se toħroġ “trajettorja teknika” speċifika għall-pajjiż. Din it-trajettorja se tfittex li tiżgura li d-dejn jaqbad it-triq tan-niżla b'mod plawżibbli jew jibqa' f'livelli prudenti, u li d-defiċit jibqa' jew jitniżżel u jinżamm taħt it-3 % tal-PDG fuq perjodu ta' żmien medju.

Għall-Istati Membri b'defiċit tal-gvern taħt it-3 % tal-PDG u dejn pubbliku taħt is-60 % tal-PDG, il-Kummissjoni se tipprovdi informazzjoni teknikalill-Istati Membri biex tiżgura li d-defiċit tal-gvern jinżamm taħt il-valur ta' referenza ta' 3 % tal-PDG fuq perjodu ta' żmien medju wkoll.

Dawn it-trajettorji tekniċi u l-informazzjoni teknika se jiggwidaw lill-Istati Membri meta jfasslu l-miri tan-nefqa pluriennali li se jinkludu fil-pjanijiet tagħhom.  

Se japplikaw salvagwardji komuni biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà tad-dejn. Il-valuri ta' referenza ta' 3 % u 60 % tal-PDG għad-defiċit u d-dejn mhumiex se jinbidlu. Il-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG se jkollu jkun aktar baxx fi tmiem il-perjodu kopert mill-pjan milli fil-bidu ta' dak il-perjodu; u se jkollu jiġi implimentat aġġustament fiskali minimu ta' 0,5 % tal-PDG fis-sena bħala parametru referenzjarju sakemm id-defiċit jibqa' ogħla minn 3 % tal-PDG. Barra minn hekk, l-Istati Membri li jibbenefikaw minn perjodu ta' aġġustament fiskali estiż se jkun jeħtiġilhom jiżguraw li l-isforz fiskali ma jiġix pospost għas-snin aħħarin.

Klawżoli liberatorji ġenerali u speċifiċi għall-pajjiż se jippermettu devjazzjonijiet mill-miri tan-nefqa f'każ ta' reċessjoni ekonomika severa fl-UE jew fiż-żona tal-euro kollha kemm hi jew ta' ċirkostanzi eċċezzjonali mhux fil-kontroll tal-Istat Membru b'impatt maġġuri fuq il-finanzi pubbliċi. Il-Kunsill, abbażi ta' rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, se jiddeċiedi dwar l-attivazzjoni u d-diżattivazzjoni ta' dawn il-klawżoli.

L-iffaċilitar tar-riformi u l-investiment għall-prijoritajiet tal-UE

Ir-riformi u l-investiment huma t-tnejn essenzjali. It-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, it-tisħiħ tar-reżiljenza ekonomika u soċjali u l-ħtieġa li tissaħħaħ il-kapaċità tas-sigurtà tal-Ewropa se jirrikjedu investiment pubbliku kbir u sostnut fis-snin li ġejjin. Ir-riformi li jtejbu t-tkabbir sostenibbli u inklużiv jibqgħu komponent essenzjali ta' pjanijiet kredibbli għat-tnaqqis tad-dejn. L-interazzjoni pożittiva bejn ir-riformi u l-investiment diġà qed turi l-benefiċċji tagħha taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza tan-NextGenerationEU.

Għalhekk, il-proposti għandhom l-għan li jiffaċilitaw u jħeġġu lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri importanti ta' riforma u ta' investiment. L-Istati Membri se jibbenefikaw minn perkors ta' aġġustament fiskali aktar gradwali jekk, fil-pjanijiet tagħhom, jieħdu impenn b'rabta ma' sett ta' riformi u investiment li jikkonformaw ma' kriterji speċifiċi u trasparenti.

Jingħata lok għal infurzar effettiv 

Ir-regoli jirrikjedu infurzar. Filwaqt li l-proposti jipprovdu lill-Istati Membri b'aktar kontroll fuq it-tfassil tal-pjanijiet tagħhom fuq perjodu ta' żmien medju, huma stabbilew ukoll reġim ta' infurzar aktar strett biex jiżguraw li l-Istati Membri jwettqu l-impenji li jieħdu fil-pjanijiet fiskali-strutturali tagħhom fuq perjodu ta' żmien medju.

Għall-Istati Membri li jiffaċċjaw sfidi sostanzjali ta' dejn pubbliku, it-tbegħid mill-perkors ta' aġġustament fiskali miftiehem, awtomatikament iwassal għall-ftuħ ta' proċedura ta' defiċit eċċessiv.

In-nuqqas ta' twettiq tal-impenji ta' riforma u ta' investiment li jiġġustifika estensjoni tal-perjodu ta' aġġustament fiskali jista' jwassal biex il-perjodu ta' aġġustament jitqassar.

Il-passi li jmiss 

Ftehim rapidu dwar ir-reviżjoni tar-regoli fiskali tal-UE u elementi oħra tal-qafas ta' governanza ekonomika huwa prijorità urġenti fil-mument kritiku attwali tal-ekonomija tal-UE.

Il-Kunsill, fil-konklużjonijiet approvati wkoll mill-Kunsill Ewropew, appella biex il-ħidma leġiżlattiva tiġi konkluża fl-2023. Il-Kummissjoni tappella lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jilħqu ftehim malajr kemm jista' jkun dwar il-proposti leġiżlattivi ppreżentati llum, sabiex jingħata rispons adegwat għall-isfidi li ġejjin.

Kuntest

Il-qafas ta' governanza ekonomika tal-UE huwa magħmul mill-qafas ta' politika fiskali tal-UE (il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir u r-rekwiżiti għall-oqfsa fiskali nazzjonali) u mill-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, li huma implimentati fil-kuntest tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika, kif ukoll il-qafas għall-programmi ta' assistenza finanzjarja makroekonomika.

Il-proposti leġiżlattivi ppreżentati llum ġew b'segwitu għad-dibattitu dwar ir-rieżami tal-qafas ta' sorveljanza ekonomika li tnieda għall-ewwel darba fi Frar 2020. Il-partijiet ikkonċernati kkontribwew b'mod wiesa' għad-dibattitu dwar il-futur tal-qafas permezz ta' diversi fora, inkluż stħarriġ pubbliku online. Il-Kummissjoni ġabret fil-qosor il-punti prinċipali tagħha li siltet fir-rigward tal-konsultazzjoni online f'rapport ippubblikat f'Marzu 2022. Dawn il-kontribuzzjonijiet ipprovdew kontribut siewi għall-proposti ta' riforma mill-Kummissjoni.

F'Novembru 2022, il-Kummissjoni ppreżentat orjentazzjonijiet għal qafas ta' governanza ekonomika tal-UE riformat. F'Marzu 2023, il-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) adotta konklużjonijiet dwar l-orjentazzjonijiet tal-Kummissjoni li mbagħad ġew approvati mill-Kunsill Ewropew.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
26 April 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta