Illum il-Kummissjoni adottat l-ewwel Strateġija tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal komprensiva, kif ukoll proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal, biex tippromwovi opportunitajiet indaqs għat-tfal f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali.
Bi tħejjija għaż-żewġ inizjattivi, il-Kummissjoni, flimkien ma' organizzazzjonijiet globali ewlenin tad-drittijiet tat-tfal, ġabret il-fehmiet ta' aktar minn 10,000 tifel u tifla.
L-Istrateġija tal-UE: sitt oqsma tematiċi u azzjoni proposta
- It-tfal bħala aġenti tal-bidla fil-ħajja demokratika: Il-Kummissjoni qed tipproponi firxa ta' azzjonijiet — mill-produzzjoni ta' testi legali adattati għat-tfal sal-konsultazzjonijiet mat-tfal fil-kuntest tal-Konferenza dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa u l-implimentazzjoni tal-Patt Klimatiku u tal-Patt Ekoloġiku. L-Istati Membri għandhom jipprovdu wkoll riżorsi li jippermettu l-parteċipazzjoni tat-tfal fil-ħajja ċivika u demokratika.
- Id-dritt tat-tfal li jilħqu l-potenzjal sħiħ tagħhom irrispettivament mill-kuntest soċjali tagħhom: Il-Kummissjoni qed tfittex li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal biex tiġġieled il-faqar fost it-tfal u l-esklużjoni soċjali. Pereżempju, il-Kummissjoni se tindirizza s-saħħa mentali tat-tfal, u taħdem fuq l-introduzzjoni ta' ikel tajjeb għas-saħħa u sostenibbli fl-iskejjel tal-UE. Il-Kummissjoni se tistinka għal standards ta' edukazzjoni u kura bikrija fl-UE kollha u tibni edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità.
- Id-dritt tat-tfal li jkunu ħielsa mill-vjolenza: Il-Kummissjoni se tipproponi leġiżlazzjoni biex tiġġieled il-vjolenza bbażata fuq is-sess u dik domestika u se tressaq rakkomandazzjonijiet għall-prevenzjoni ta' prattiki dannużi kontra n-nisa u l-bniet. L-Istati Membri qed iġu mistiedna li jibnu sistemi integrati għall-protezzjoni tat-tfal u jtejbu l-funzjonament tagħhom, kif ukoll biex isaħħu r-reazzjoni għall-vjolenza fl-iskejjel, u biex jadottaw leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi l-kastig tal-ġisem fl-ambjenti kollha.
- Id-dritt tat-tfal għal ġustizzja adattata għat-tfal, bħala vittmi, xhieda, suspettati, akkużati li wettqu reat, jew parti fi kwalunkwe proċediment ġudizzjarju. Il-Kummissjoni, pereżempju, se tikkontribwixxi għal taħriġ ġudizzjarju speċjalizzat u se taħdem mal-Kunsill tal-Ewropa biex timplimenta l-Linji Gwida tal-2010 dwar Ġustizzja Adattata għat-Tfal, l-Istati Membri huma mistiedna jappoġġaw it-taħriġ pereżempju, u jiżviluppaw alternattivi robusti għal azzjoni ġudizzjarja bħal alternattivi għad-detenzjoni jew il-medjazzjoni f'każijiet ċivili.
- Id-dritt tat-tfal li jinnavigaw b'mod sikur fl-ambjent diġitali u jisfruttaw l-opportunitajiet tiegħu: Il-Kummissjoni se taġġorna l-Istrateġija Ewropea għal Internet Aħjar għat-Tfal u l-Att dwar is-Servizzi Diġitali propost għandu l-għan li jipprovdi esperjenza online sikura. Il-Kummissjoni qed tappella lill-Istati Membri biex jimplimentaw b'mod effettiv ir-regoli dwar il-protezzjoni tat-tfal li jinsabu fid-Direttiva riveduta dwar is-Servizzi tal-Media Awdjoviżiva u biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-ħiliet diġitali bażiċi tat-tfal. Il-Kummissjoni tħeġġeġ ukoll lill-kumpaniji tal-ICT biex jindirizzaw l-imġiba dannuża online u jneħħu l-kontenut illegali.
- Id-drittijiet tat-tfal madwar id-dinja: Id-drittijiet tat-tfal huma universali u l-UE ssaħħaħ l-impenn tagħha li tipproteġi, tippromwovi u tissodisfa dawn id-drittijiet globalment u fl-isfera multilaterali. Dan se jinkiseb pereżempju billi jiġu allokati 10 % tal-finanzjament tal-għajnuna umanitarja għall-edukazzjoni f'emerġenzi u kriżijiet fit-tul. Il-Kummissjoni se tħejji Pjan ta' Azzjoni għaż-Żgħażagħ sal-2022 biex tippromwovi l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tat-tfal globalment, u biex issaħħaħ il-kapaċitajiet tal-protezzjoni tat-tfal fid-Delegazzjonijiet tal-UE. Il-Kummissjoni żżomm ukoll politika ta' tolleranza żero fir-rigward tat-tħaddim tat-tfal.
Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal il-ġdida
Fl-2019, kważi 18-il miljun tifel u tifla fl-UE (22.2 % tal-popolazzjoni tat-tfal) għexu f'unitajiet domestiċi f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali. Dan iwassal għal ċiklu interġenerazzjonali ta' żvantaġġ, b'effetti profondi u fit-tul fuq it-tfal. Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal għandha l-għan li tkisser dan iċ-ċiklu u trawwem opportunitajiet indaqs billi tiggarantixxi aċċess għal sett ta' servizzi ewlenin għat-tfal fil-bżonn (taħt it-18-il sena f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali).
Skont il-Garanzija Ewropea għat-Tfal, huwa rrakkomandat li l-Istati Membri jipprovdu aċċess bla ħlas u effettiv għat-tfal fil-bżonn biex:
- edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal – pereżempju, l-evitar ta' klassijiet segregati;
- edukazzjoni u attivitajiet ibbażati fl-iskola — pereżempju, tagħmir adegwat għat-tagħlim mill-bogħod, u vjaġġi skolastiċi;
- mill-inqas ikla waħda tajba għas-saħħa kull jum tal-iskola; u
- il-kura tas-saħħa – pereżempju, l-iffaċilitar tal-aċċess għal eżamijiet mediċi u programmi ta' skrinjar tas-saħħa.
Dawn is-servizzi għandhom ikunu bla ħlas u faċilment disponibbli għat-tfal fil-bżonn.
Il-Kummissjoni tirrakkomanda wkoll li l-Istati Membri jipprovdu lit-tfal fil-bżonn b'aċċess effettiv għan-nutrizzjoni tajba għas-saħħa u akkomodazzjoni adegwata: Pereżempju, it-tfal għandhom jirċievu ikliet tajbin għas-saħħa anke barra mill-ġranet tal-iskola, u t-tfal mingħajr dar u l-familji tagħhom għandu jkollhom aċċess għal akkomodazzjoni adegwata.
Meta jidentifikaw it-tfal fil-bżonn u jfasslu l-miżuri nazzjonali tagħhom, jenħtieġ li l-Istati Membri jqisu l-ħtiġijiet speċifiċi ta' dawk li ġejjin minn ambjenti żvantaġġati, bħal dawk li jesperjenzaw problema ta' persuni mingħajr dar, diżabbiltajiet, b'sitwazzjonijiet prekarji tal-familja, kuntesti ta' migrazzjoni, kuntesti razzjali jew etniċi minoritarji jew dawk li jinsabu f'kura alternattiva.
Il-finanzjament tal-UE biex jappoġġa dawn l-azzjonijiet huwa disponibbli taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus (EFS+), li jiffinanzja proġetti li jippromwovu l-inklużjoni soċjali, jiġġieled il-faqar u jinvesti fin-nies, kif ukoll il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, InvestEU, u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.
Il-Membri tal-Kulleġġ qalu:
Il-Viċi President għad-Demokrazija u d-Demografija, Dubravka Šuica, qalet: “Din l-Istrateġija komprensiva ġdida tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal hija pass importanti fil-ħidma tagħna għat-tfal u magħhom. Nirringrazzjaw lil kull tifel u tifla għall-kontribut tagħhom għal din l-inizjattiva importanti. Din tibgħat messaġġ ta' tama u hija sejħa għal azzjoni fl-UE kollha u lil hinn minnha. B'din l-Istrateġija, aħna nġeddu l-impenn tagħna biex nibnu soċjetajiet aktar b'saħħithom, reżiljenti u ugwali għal kulħadd, fejn it-tfal kollha jkunu inklużi, protetti u mogħtija s-setgħa. Il-politika tal-lum u ta' għada ssir kemm għal uliedna kif ukoll flimkien magħhom. Dan huwa l-mod kif insaħħu d-demokraziji tagħna.”
Il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, qal: “Anke qabel il-pandemija, 22 % tat-tfal fl-UE kienu f'riskju ta' faqar jew esklużjoni soċjali. Dan għandu jkun inkonċepibbli fl-Ewropa. Matul is-sena li għaddiet, dawn l-inugwaljanzi li kienu jeżistu qabel saru saħansitra akbar. Jeħtieġ li nkissru dan iċ-ċiklu perikoluż u niżguraw li t-tfal fil-bżonn ikollhom aċċess għal ikla tajba għas-saħħa, edukazzjoni, kura tas-saħħa u akkomodazzjoni adegwata, irrispettivament mill-kuntest li ġejjin minnu. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tappoġġa lill-Istati Membri b'kull mod li tista' tagħmel differenza reali fil-ħajja tat-tfal.”
Il-Kummissarju għall-Ġustizzja, Didier Reynders, qal: “Kull tifel jew tifla fl-UE huma intitolati għall-istess protezzjoni u aċċess għal servizzi ewlenin, irrispettivament mill-kuntest li ġejjin minnu. Madankollu, 1 minn kull 3 tifel u tifla fl-UE esperjenzaw xi forma ta' trattament differenzjali. Minn aċċess inugwali għat-teknoloġija diġitali jew appoġġ soċjoekonomiku, għal nuqqas ta' protezzjoni mill-abbuż fid-dar, hemm wisq tfal li jeħtieġu għajnuna addizzjonali. L-istrateġija l-ġdida li qed nippreżentaw illum hija pjan biex nipprovdu dan.”
Il-passi li jmiss
L-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE se tiġi mmonitorjata fil-livell tal-UE u f'dak nazzjonali, u l-Kummissjoni se tirrapporta lura dwar il-progress fil-Forum annwali tal-UE dwar id-Drittijiet tat-Tfal . Fi tmiem l-2024 se ssir l-evalwazzjoni tal-istrateġija, bil-parteċipazzjoni tat-tfal.
Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jadottaw malajr il-proposta għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi Garanzija Ewropea għat-Tfal. Fi żmien sitt xhur mill-adozzjoni tagħha, il-gvernijiet huma mħeġġa jissottomettu lill-Kummissjoni pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali dwar kif jimplimentawha. Il-Kummissjoni se timmonitorja l-progress permezz tas-Semestru Ewropew u toħroġ, fejn meħtieġ, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi.
Il-Kuntest
Kif enfasizzat minn aktar minn 10,000 tifel u tifla fil-kontribut tagħhom għat-tħejjija tal-pakkett tal-lum, it-tfal fl-UE u barra minnha għadhom ibatu minn esklużjoni soċjoekonomika u diskriminazzjoni minħabba l-oriġini, l-istatus, is-sess jew l-orjentazzjoni sesswali tagħhom – jew dik tal-ġenituri tagħhom. L-ilħna tat-tfal mhux dejjem jinstemgħu u l-fehmiet tagħhom mhux dejjem jiġu kkunsidrati fi kwistjonijiet li jikkonċernawhom. Dawn l-isfidi ġew aggravati mill-pandemija tal-COVID-19. Il-Kummissjoni qed twieġeb bi Strateġija ġenerali għall-erba' snin li ġejjin li għandha l-għan li tibni fuq l-azzjoni kollha tal-UE biex tipproteġi u tippromwovi d-drittijiet tat-tfal, b'azzjonijiet ċari għal titjib. Għandha tappoġġa wkoll lill-Istati Membri biex jagħmlu l-aħjar użu mill-fondi tal-UE.
Il-President von der Leyen ħabbret il-Garanzija Ewropea għat-Tfal fil-Linji Gwida Politiċi tagħha għall-2019-2024. Il-Garanzija Ewropea għat-Tfal tikkomplementa t-tieni pilastru tal-Istrateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal. Hija wkoll ir-riżultat ewlieni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, adottat fit-4 ta' Marzu 2021, u jwieġeb direttament għall-Prinċipju 11 tal-Pilastru: Kura tat-tfal u appoġġ għat-tfal. Il-Pjan ta' Azzjoni jipproponi mira għall-UE li tnaqqas b'mill-inqas 15-il miljun in-numru ta' persuni fir-riskju tal-faqar jew l-esklużjoni soċjali sal-2030, inklużi mill-inqas 5 miljun tifel u tifla.
Għal aktar informazzjoni
Paġni tal-web u Skedi informattivi: Strateġija dwar id-Drittijiet tat-Tfal u Garanzija Ewropea għat-Tfal
Stqarrija għall-istampa — “It-tfal jitkellmu dwar id-drittijiet u l-futur li jridu”
L-Ewropa tagħna. Id-drittijiet Tagħna. Il-ġejjieni tagħna. Ir-Rapport sħiħ/ Ir-rapport fil-qosor hawnhekk
L-aħħar informazzjoni fuq il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Strateġija tal-UE dwar id-drittijiet tat-tfal: Verżjoni adattata għat-tfal
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 24 Marzu 2021