Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet18 Ottubru 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta12 min qari

Il-Kummissjoni tagħmel proposti addizzjonali biex tiġġieled il-prezzijiet għoljin tal-enerġija u tiżgura s-sigurtà tal-provvista

Light bulbs

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi regolament ġdid ta' emerġenza biex tindirizza l-prezzijiet għoljin tal-gass fl-UE u tiżgura s-sigurtà tal-provvista matul din ix-xitwa. Dan se jsir permezz ta' xiri konġunt tal-gass, mekkaniżmi li jillimitaw il-prezzijiet fil-borża tal-gass TTF, miżuri ġodda dwar l-użu trasparenti tal-infrastruttura u s-solidarjetà bejn l-Istati Membri, u l-isforzi kontinwi biex titnaqqas id-domanda tal-gass. Ir-Regolament fih l-elementi ewlenin li ġejjin:

  • L-aggregazzjoni tad-domanda tal-UE u x-xiri konġunt tal-gass biex jiġu nnegozjati prezzijiet aħjar u jitnaqqas ir-riskju li l-Istati Membri jisfaw f'kompetizzjoni bejniethom fis-suq globali, filwaqt li tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-UE kollha.
  • Avvanz fil-ħidma biex jinħoloq parametru referenzjarju ġdid għall-ipprezzar tal-LNG sa Marzu 2023; u fuq terminu qasir jiġi propost mekkaniżmu ta' korrezzjoni tal-prezzijiet biex jiġi stabbilit limitu tal-prezz dinamiku għat-tranżazzjonijiet fil-borża tal-gass TTF, u parametru jew bandwith temporanji biex jiġu evitati żidiet estremi tal-prezzijiet fis-swieq tad-derivattivi;
  • Regoli ta' solidarjetà prestabbiliti bejn l-Istati Membri f'każ ta' nuqqasijiet ta' provvista, li jestendu l-obbligu ta' solidarjetà għall-Istati Membri li huma mingħajr konnessjoni diretta permezz tal-pipelines biex jiġu involuti wkoll dawk b'faċilitajiet tal-LNG; u proposta biex jinħoloq mekkaniżmu għall-allokazzjoni tal-gassgħall-Istati Membri affettwati mill-emerġenza tal-provvista tal-gass fil-livell reġjonali jew tal-Unjoni.

Flimkien ma' miżuri diġà miftiehma dwar it-tnaqqis fid-domanda għall-gass u l-elettriku, il-ħżin tal-gass, u r-ridistribuzzjoni tas-surplus ta' profitti fis-settur tal-enerġija, dawn il-passi l-ġodda se jtejbu l-istabbiltà fis-swieq tal-gass Ewropej matul din ix-xitwa u fis-snin li ġejjin. Il-miżuri se jgħinu wkoll biex itaffu aktar il-pressjoni tal-prezzijiet li jġarrbu ċ-ċittadini u l-industrija Ewropej, filwaqt li jiżguraw is-sigurtà tal-provvista u l-funzjonament tas-suq intern. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll il-ħidma tagħha f'oqsma oħra, inkluża r-reviżjoni tal-Qafas Temporanju ta' Għajnuna mill-Istat għall-kriżijiet aktar tard dan ix-xahar, u l-iżvilupp ulterjuri tal-modi biex jiġi limitat l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-gass fuq il-prezzijiet tal-elettriku.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se twettaq valutazzjoni tal-ħtiġijiet fuq ir-REPowerEU biex tħaffef it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u tevita l-frammentazzjoni fis-suq uniku bl-għan li tfassal proposti biex issaħħaħ il-qawwa finanzjarja tal-UE għar-REPowerEU. Il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll użu flessibbli mmirat tal-finanzjament tal-Politika ta' Koeżjoni biex tindirizza l-impatt tal-kriżi attwali tal-enerġija fuq iċ-ċittadini u n-negozji, billi tintuża sa 10 % tal-allokazzjoni nazzjonal totali għall-2014-2020, b'valur ta' kważi EUR 40 biljun.

Xiri konġunt

Filwaqt li l-UE għamlet progress qawwi fil-mili tal-ħażna tal-gass tagħha għal din ix-xitwa, u mil-lum kisbet mili ta' aktar minn 92 %, jeħtieġ li nħejju għall-possibbiltà ta' aktar tfixkil, u nqiegħdu pedament sod għas-sena ta' wara. Għalhekk, nipproponu li l-UE tiġi mgħammra b'għodod legali ġodda biex tixtri l-gass b'mod konġunt. Il-Kummissjoni tikkuntratta fornitur ta' servizzi biex jorgranizza aggregazzjoni tad-domanda fil-livell tal-UE, billi jiġbor flimkien il-ħtiġijiet tal-importazzjoni tal-gass u jfittex offerti fis-suq biex tiġi ssodisfata d-domanda. Nipproponu parteċipazzjoni obbligatorja mill-impriżi tal-Istati Membri fl-aggregazzjoni tad-domanda tal-UE biex jintlaħqu mill-inqas 15 % tal-miri rispettivi tagħhom għall-mili tal-gass. Il-kumpaniji jkunu jistgħu jiffurmaw konsorzju Ewropew għax-xiri tal-gass, f'konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tal-UE. Ix-xiri konġunt se jgħin lill-Istati Membri u lill-kumpaniji ż-żgħar b'mod partikolari, li jinsabu f'sitwazzjoni inqas favorevoli bħala xerrejja, biex jaċċessaw volumi tal-gass f'kundizzjonijiet aħjar. 

Ir-Regolament jinkludi wkoll dispożizzjonijiet biex tissaħħaħ it-trasparenza tax-xiri maħsub u konkluż għall-provvista tal-gass, sabiex jiġi vvalutat jekk l-objettivi tas-sigurtà tal-provvista u s-solidarjetà tal-enerġetika humiex issodisfati. Il-Kummissjoni għandha tiġi infurmata qabel il-konklużjoni ta' kwalunkwe xiri jew memorandum ta' qbil dwar gass li jkun ogħla minn volum ta' 5TWh (ftit aktar minn 500 miljun metru kubu) u tista' toħroġ rakkomandazzjoni f'każ ta' impatt potenzjalment negattiv fuq il-funzjonament tax-xiri konġunt, is-suq intern, is-sigurtà tal-provvista jew is-solidarjetà tal-enerġija.

Indirizzar tal-prezzijiet għoljin fil-boroż tal-gass

Għalkemm il-prezzijiet bl-ingrossa naqsu mill-ogħla livell tagħhom tas-sajf tal-2022, dawn għadhom għoljin b'mod mhux sostenibbli għal numru dejjem akbar ta' Ewropej. Abbażi tal-ħidma preċedenti li wettaqna mal-Istati Membri biex intaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin tal-elettriku u niddistribwixxu mill-ġdid il-profitti eċċessivi tas-settur tal-enerġija liċ-ċittadini u lill-industrija, illum qed nipproponu intervent aktar immirat fil-prezzijiet tal-gass fis-suq. Ħafna kuntratti tal-gass fl-Ewropa huma indiċjati mal-borża ewlenija Ewropea tal-gass, it-TTF, li ma għadux jirrifletti l-prezz tat-tranżazzjonijiet tal-LNG fl-UE. Għalhekk il-Kummissjoni qed tiżviluppa parametru referenzjarju komplementari ġdid tal-prezzijiet mal-ACER biex tindirizza din l-isfida sistemika. Il-parametru referenzjarju ġdid se jipprevedi pprezzar stabbli u prevedibbli għat-tranżazzjonijiet tal-LNG. Skont ir-Regolament propost, il-Kummissjoni tagħti lill-ACER il-kompitu li toħloq għodda ta' valutazzjoni tal-prezzijiet oġġettiva u ta' kuljum u sussegwentement parametru referenzjarju li jista' jintuża mill-operaturi tas-suq tal-enerġija biex jindiċjaw il-prezz fil-kuntratti tal-gass tagħhom.

Waqt li qed jiġi żviluppat dan il-parametru referenzjarju, il-Kummissjoni tipproponi li tistabbilixxi mekkaniżmu biex jiġu limitati l-prezzijiet permezz tal-borża ewlenija Ewropea tal-gass, it-TTF, biex jiskatta meta jkun meħtieġ. Il-mekkaniżmu tal-korrezzjoni tal-prezzijiet jistabbilixxi, fuq bażi temporanja, limitu tal-prezz dinamiku għat-tranżazzjonijiet fit-TTF. Tranżazzjonijiet bi prezz ogħla mil-limitu dinamiku ma jitħallewx iseħħu fit-TTF. Dan se jgħin biex tiġi evitata volatilità estrema u prezzijiet eċċessivi. Barra minn hekk, biex tiġi limitata l-volatilità eċċessiva tal-prezzijiet u jiġu evitati żidiet estremi fil-prezzijiet fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija, il-Kummissjoni tipproponi l-introduzzjoni ta' parametru temporanju ġdid taż-żieda fil-prezzijiet fl-istess jum li għandu jiġi stabbilit mill-boroż tad-derivattivi tal-UE. Dan il-mekkaniżmu se jipproteġi lill-operaturi tal-enerġija minn ċaqliq kbir fil-prezzijiet fl-istess jum.

Sabiex ittaffi l-kwistjonijiet ta' likwidità li ħafna kumpaniji tal-enerġija qed jiffaċċjaw bħalissa biex , jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġini tagħhom meta jużaw is-swieq tad-derivattivi, illum il-Kummissjoni adottat regoli ġodda għall-parteċipanti fis-suq, filwaqt li espandiet il-lista ta' kollateral eliġibbli fuq bażi temporanja għal kollaterali mhux fi flus, inklużi garanziji tal-gvern. It-tieni, il-Kummissjoni adottat regoli ġodda li jżidu l-livell limitu tal-ikklerjar minn EUR 3 biljun għal EUR 4 biljun. Taħt dan il-livell limitu, id-ditti mhux finanzjarji mhux se jkunu soġġetti għal rekwiżiti ta' marġni fuq id-derivattivi OTC (barra l-Borża) tagħhom. Dawn iż-żewġ miżuri se jipprovdu l-għajnuna tant meħtieġa għall-kumpaniji, filwaqt li jżommu wkoll l-istabbiltà finanzjarja. L-introduzzjoni ta' dawn il-miżuri ssegwi konsultazzjoni estensiva mar-regolaturi Ewropej u nazzjonali, kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati u mal-parteċipanti fis-suq. Fl-aħħar nett, l-ACER u l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) qed isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom, billi ħolqu Task Force konġunta ġdida, biex isaħħu l-kapaċitajiet tagħhom li jimmonitorjaw u jidentifikaw il-manipulazzjoni u l-abbuż possibbli tas-suq fis-swieq tal-enerġija spot u tad-derivattivi tal-Ewropa, bħala miżura prekawzjonarja biex tiġi protetta l-istabbiltà tas-suq.

Solidarjetà u tnaqqis fid-domanda

Il-Kummissjoni qed timmonitorja mill-qrib il-miżuri għat-tnaqqis fid-domanda. Minn analiżi preliminari abbażi tar-rappurtar mill-Istati Membri joħroġ li f'Awwissu u Settembru l-konsum tal-gass tal-UE kien 15 % inqas mill-medja tal-ħames snin preċedenti. Se jkunu meħtieġa sforzi simili kull xahar sa Marzu sabiex ikun hemm konformità mar-Regolament tal-Kunsill. L-Istati Membri se jirrappurtaw kull xahrejn dwar il-progress tagħhom. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tiskatta t-Twissija tal-UE jew tirrevedi tali miri jekk il-miżuri attwali ma jkunux biżżejjed. Sabiex issaħħaħ l-istat ta' tħejjija għal emerġenzi possibbli, il-Kummissjoni tipproponi wkoll miżuri li jippermettu lill-Istati Membri jkomplu jnaqqsu l-konsum mhux essenzjali biex jiġi żgurat li l-gass qed jiġi fornut lil servizzi u industriji essenzjali, u biex tiġi estiża l-protezzjoni tas-solidarjetà biex tkopri volumi kritiċi ta' gass għall-ġenerazzjoni tal-elettriku. Dan, taħt l-ebda ċirkostanza, ma għandu jaffettwa l-konsum tal-unitajiet domestiċi li huma klijenti vulnerabbli.

Billi mhux l-Istati Membri kollha daħħlu fis-seħħ il-ftehimiet ta' solidarjetà bilaterali meħtieġa, il-Kummissjoni tipproponi li jiġu stabbiliti regoli prestabbiliti. Dan se jiżgura li kwalunkwe Stat Membru li jkun qed jiffaċċja emerġenza jirċievi l-gass minn oħrajn bi skambju għal kumpens ġust. L-obbligu li tiġi pprovduta solidarjetà se jiġi estiż għall-Istati Membri mhux konnessi li għandhom faċilitajiet tal-LNG diment li l-gass ikun jista' jiġi ttrasportat lejn l-Istat Membru fejn ikun meħtieġ. Sabiex jiġi ottimizzat l-użu tal-LNG u l-infrastruttura tal-pipelines, il-Kummissjoni tipproponi għodod ġodda biex tipprovdi informazzjoni dwar il-kapaċità disponibbli, u mekkaniżmi ġodda biex jiġi żgurat li l-kapaċità ma tiġix ikkuntrattata u titħalla ma tintużax mill-operaturi tas-suq. Illum il-Kummissjoni qed tipproponi wkoll Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-ħarsien tal-infrastruttura kritika fid-dawl tas-suspett ta' sabotaġġ tal-pipelines tal-gass Nord Stream 1 & 2.

Sfond

Il-Kummissjoni ilha tindirizza l-kwistjoni taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija matul din l-aħħar sena, u l-Istati Membri implimentaw ħafna miżuri fil-livell nazzjonali li l-Kummissjoni pprovdiet permezz tas-Sett ta' Għodod għall-Prezzijiet tal-Enerġija adottat f'Ottubru 2021.

Is-sitwazzjoni tas-suq tal-enerġija marret għall-agħar b'mod konsiderevoli mindu l-invażjoni Russa tal-Ukrajna u wara li r-riżorsi tal-enerġija intużaw bħala arma biex tirrikatta l-Ewropa u dan aggrava s-sitwazzjoni tal-provvista li kienet diġà limitata wara l-pandemija tal-COVID-19. Peress li r-Russja kompliet timmanipula l-provvisti tal-gass billi waqfet il-konsenji lejn l-Ewropa mingħajr raġunijiet ġustifikati, il-limitazzjoni u t-tensjoni fis-swieq żdiedu. Għalhekk, il-Kummissjoni espandiet is-Sett ta' Għodod għall-Prezzijiet tal-Enerġija fir-Rebbiegħa tal-2022 bil-Komunikazzjoni dwar Interventi tas-suq tal-enerġija għall-immedjat u għal titjib fit-tul tad-disinn tas-suq tal-elettriku u bil-Pjan REPowerEU. Il-Kummissjoni pproponiet obbligi minimi ġodda għall-ħżin tal-gass u miri għat-tnaqqis fid-domanda tal-gass ħalli jiġi ffaċilitat il-bilanċ bejn il-provvista u d-domanda fl-Ewropa, u l-Istati Membri adottaw dawn il-proposti malajr qabel is-sajf.

Il-prezzijiet komplew jogħlew matul ix-xhur tas-sajf, li kienu kkaratterizzati anke minn kundizzjonijiet estremi tat-temp ikkawżati mit-tibdil fil-klima. B'mod partikolari, in-nixfiet u s-sħana estrema kellhom impatt fuq il-ġenerazzjoni tal-elettriku mill-enerġija idroelettrika u mill-enerġija nukleari, u dan wassal biex tkompli tonqos il-provvista.  Għalhekk, f'Settembru, il-Kummissjoni pproponiet u l-Istati Membri qablu dwar miżuri addizzjonali bbażati fuq l-Artikolu 122 tat-Trattat biex titnaqqas id-domanda għall-elettriku u jinġabru profitti mhux mistennija fis-settur tal-enerġija biex jiġi distribwit aktar dħul liċ-ċittadini u lill-industrija. Il-proposti tal-lum jikkomplementaw il-passi li diġà ttieħdu, u jkomplu l-ħidma tagħna biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni eċċezzjonali fis-swieq tal-enerġija globali u Ewropej. Illum il-Kummissjoni ppubblikat ukoll l-ewwel parti tar-Rapport annwali tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija.

Kwotazzjonijiet mill-membri tal-Kulleġġ tal-Kummissarji

Il-President Ursula von der Leyen stqarret: “Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna għandha konsegwenzi serji fuq is-swieq tal-enerġija globali u Ewropej. Aħna naġixxu b'unità u ħejjejna tajjeb għax-xitwa li ġejja, billi mlejna l-ħażniet tal-gass tagħna, iffrankajna l-enerġija, u sibna fornituri ġodda. Issa nistgħu nindirizzaw il-prezzijiet eċċessivi u volatili b'aktar sigurtà. Se nintroduċu mekkaniżmu temporanju biex nillimitaw il-prezzijiet eċċessivi din ix-xitwa, filwaqt li niżviluppaw parametru referenzjarju ġdid sabiex l-LNG jiġi nnegozjat bi prezz aktar ġust. Qed nipprovdu għodod legali għax-xiri konġunt tal-gass mill-UE, qed niżguraw is-solidarjetà fis-sigurtà tal-provvista għall-Istati Membri kollha u qed ninnegozjaw mal-fornituri tal-gass affidabbli tagħna biex niggarantixxu l-gass bi prezzijiet affordabbli. Iżda rridu wkoll naċċelleraw l-investiment fl-enerġija rinnovabbli u fl-infrastruttura. Li ninvestu aktar u aktar malajr fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa huwa r-rispons strutturali tagħna għal din il-kriżi tal-enerġija.”

Fi kliem il-Viċi President Eżekuttiv, Frans Timmermans: “Il-ftit xtiewi li jmiss se jkunu diffiċli, iżda l-pakkett tal-lum jgħin biex il-familji Ewropej jibqgħu għas-sħana u biex l-industrija tibqa' għaddejja. Billi nieħdu miżuri issa u niżviluppaw l-għodod biex nixtru l-gass flimkien minflok ma nikkompetu ma' xulxin, nistgħu nerġgħu nidħlu fl-istaġun tat-tisħin li jmiss b'biżżejjed gass maħżun. B'reazzjoni għall-prezzijiet estremament volatili kkawżati mill-użu tal-enerġija bħala arma minn Putin, il-Kummissjoni qed taħdem ukoll biex tirritorna l-istabbiltà fis-suq tal-enerġija. Iżda l-fjuwils fossili rħas mhux se jirritornaw u jeħtieġ li naċċelleraw it-tranżizzjoni tagħna lejn sorsi ta' enerġija rinnovabbli. Huwa għalhekk li jeħtieġ li nikkunsidraw modi kif niffinanzjaw investiment addizzjonali fit-tranżizzjoni tal-Ewropa lejn l-enerġija ekoloġika permezz tar-REPowerEU.” 

Il-Viċi President Eżekuttiv, Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: “F'sitwazzjonijiet ta' kriżi b'nuqqasijiet ta' provvista, l-għaqda tal-forzi biex ninnegozjaw tista' tkun mod effettiv biex niksbu prezzijiet aħjar u kundizzjonijiet aħjar. Fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-gass, ninsabu lesti li nakkumpanjaw ditti li lesti jidħlu f'konsorzju ta' xiri konġunt, soġġett għal salvagwardji u f'konformità mar-regoli tal-kompetizzjoni tagħna. L-għan tagħna huwa li niżguraw li l-benefiċċji kollha tax-xiri konġunt ikunu jistgħu jiġu sfruttati u distribwiti ulterjorment.”

Fi kliem il-Kummissarju għall-Enerġija, Kadri Simson: “L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja biddlet b'mod fundamentali s-sitwazzjoni fis-suq tal-enerġija tal-UE. L-għodod u r-regoli li servewna tajjeb qabel m'għadhomx adegwati biex niżguraw provvista tal-enerġija sigura u affordabbli. Biex nindirizzaw din il-kriżi b'mod effettiv, jeħtieġ li nkunu nistgħu nixtru l-gass flimkien, niġġieldu l-prezzijiet eċċessivament għoljin, u niżguraw is-solidarjetà bejn l-Istati Membri tagħna f'każ ta' skarsezzi. Il-passi li ħadna s'issa qed jaħdmu, bil-prezzijiet qed jonqsu u d-domanda qed tonqos. Iżda l-proposti tal-lum huma meħtieġa għal tħejjija aħjar għal din ix-xitwa u għas-snin li ġejjin.” 

Il-Kummissarju għas-Servizzi finanzjarji, l-istabbiltà finanzjarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, Mairead McGuinness, qalet: “Il-miżuri tagħna llum huma sinifikanti għall-operaturi tal-enerġija u għas-swieq tad-derivattivi tal-enerġija, filwaqt li jżommu l-istabbiltà fis-sistema finanzjarja. Dawn il-miżuri b'limitu ta' żmien u mmirati jiffukaw fuq it-tnaqqis tal-istress tal-likwidità li xi ditti tal-enerġija ffaċċjaw biex jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-marġni tagħhom u biex jindirizzaw il-volatilità estrema tal-prezzijiet fis-swieq tad-derivattivi tal-enerġija. Ħdimna mill-qrib mal-ESMA, l-EBA u l-ACER, kif ukoll mar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija u tal-finanzi. Il-gwerra brutali tar-Russja kontra l-Ukrajna qed ikollha impatt fuq is-swieq tal-enerġija b'konsegwenzi anki għall-konsumaturi u n-negozji, li qed nindirizzaw illum.”

Għal Aktar Informazzjoni

Komunikazzjoni dwar l-Emerġenza tal-Enerġija — it-tħejjija, ix-xiri u l-protezzjoni tal-UE flimkien

Proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar koordinazzjoni aħjar tax-xiri tal-gass, skambji transfruntiera tal-gass u parametri referenzjarji affidabbli tal-prezzijiet

Mistoqsija u Tweġiba / Memo

Skeda informattiva dwar l-Emerġenza tal-enerġija

Skeda informattiva dwar l-azzjonijiet tal-UE dwar il-prezzijiet għoljin tal-enerġija

Is-Seba' Rapport dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Ottubru 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta