Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet22 Marzu 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Il-Kummissjoni tniedi punt uniku ta' servizz biex tappoġġa lir-riċerkaturi tal-Ukrajna

research

Illum, il-Kummissjoni nediet il-portal “Żona Ewropea tar-Riċerka għall-Ukrajna” (ERA4Ukraine), punt uniku ta' servizz għall-informazzjoni u s-servizzi ta' appoġġ għar-riċerkaturi u l-innovaturi li qed jaħarbu mill-Ukrajna. Il-portal jiġbor flimkien inizjattivi fil-livell tal-UE, ikklassifikati skont il-pajjiżi u minn gruppi mhux governattivi. Huwa għandu l-għan li jgħin lir-riċerkaturi milquta jsibu akkomodazzjoni u opportunitajiet ta' xogħol, jiffaċilita r-rikonoxximent tad-diplomi tagħhom, u joffri servizzi oħra.

Il-portal ERA4Ukraine tnieda fuq in-network eżistenti EURAXESS, li jappoġġa lir-riċerkaturi billi jgħaqqad aktar minn 600 ċentru u 43 portal nazzjonali madwar l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Orizzont Ewropa. L-informazzjoni kollha dalwaqt se tkun disponibbli kemm bl-Ingliż kif ukoll bl-Ukren. Kull Stat Membru u pajjiż assoċjat għandu portal nazzjonali li fuqu se jiġu pprovduti servizzi ta' appoġġ b'mod strutturat. S'issa, hemm disponibbli 30 portal tal-pajjiżi.

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ qalet: “Aħna nappoġġaw lir-riċerkaturi u l-innovaturi tal-Ukrajna li qed iħabbtu wiċċhom ma' ċirkostanzi bla preċedent minħabba l-invażjoni Russa kontra pajjiżhom. Ix-xjenzati u r-riċerkaturi Ukreni jikkontribwixxu b'mod ewlieni għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE. Sakemm tiġi rratifikata l-assoċjazzjoni tal-Ukrajna ma' Orizzont Ewropa, aħna żgurajna li l-benefiċjarji ta' suċċess diġà jkunu jistgħu jirċievu finanzjament mill-programmi tar-R&I tal-UE. It-tnedija tal-lum tal-ERA4Ukraine hija azzjoni importanti oħra li tappoġġa lill-pari Ukreni tagħna.” 

Bl-istess mod, diġà l-ġimgħa l-oħra, Maria Leptin, il-President tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka (ERC) talbet lill-5600 benefiċjarju tal-ERC kollha biex jipprovdu impjieg temporanju lir-riċerkaturi refuġjati u lill-persunal ta' appoġġ mill-Ukrajna. Din l-inizjattiva l-ġdida tal-ERC hija inkluża fil-portal ERA4Ukraine. S'issa, fi żmien ftit jiem biss, waslu 380 offerta. F'dan ir-rigward ġiet ippubblikata stqarrija għall-istampa hawnhekk.

Inizjattivi oħra tal-UE jinkludu l-aċċess għal Science4Refugees, inizjattiva eżistenti EURAXESS li tipprovdi internships, impjiegi part-time u full-time lir-refuġjati, kif ukoll aċċess għal Komunità Ewropea tar-Riċerka, is-solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna u l-MSCA — Riċerkaturi f'riskju.

Il-portal ERA4Ukraine jorbot ukoll ma' #Science4Ukraine, grupp komunitarju ta' xjenzati tar-riċerka u studenti voluntiera minn istituzzjonijiet akkademiċi fl-Ewropa u madwar id-dinja. Il-voluntiera jiġbru u jxerrdu informazzjoni dwar opportunitajiet ta' appoġġ fil-livelli universitarji, nazzjonali u internazzjonali għal studenti gradwati u riċerkaturi affiljati direttament ma' xi istituzzjoni akkademika tal-Ukrajna.

Sfond

L-aggressjoni militari Russa kontra l-Ukrajna ħolqot l-akbar kriżi umanitarja li l-Ewropa rat f'għexieren ta' snin. Il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri qed jaħdmu fuq il-fronti kollha biex jappoġġaw lill-Ukrajna bl-għajnuna umanitarja u l-protezzjoni ċivili. Fl-istess ħin il-Kummissjoni ħadet diversi passi biex tipprovdi appoġġ fil-qasam tar-riċerka u l-innovazzjoni.

F'Ottubru 2021, l-Ukrajna ffirmat il-ftehim tagħha li tassoċja kemm mal-Programmi ta' Riċerka u Taħriġ tal-Euratom kif ukoll ma' Orizzont Ewropa. Dan għadu mhux fis-seħħ minħabba dewmien fil-proċess ta' ratifikazzjoni min-naħa tal-Ukrajna, li issa twaqqaf. Fil-frattemp, il-Kummissjoni ħadet passi amministrattivi biex tiżgura li benefiċjarji Ukreni ta' suċċess ikunu jistgħu jirċievu finanzjament mill-programmi tar-R&I tal-UE.

Fit-3 ta' Marzu, il-Kummissarju Gabriel ħabbret li l-Kummissjoni Ewropea mhux se timpenja ruħha fi proġetti ta' kooperazzjoni ulterjuri ma' entitajiet Russi. Hija ssospendiet it-tħejjijiet tal-ftehimiet ta' għotja ta' proġetti taħt il-programm Orizzont Ewropa li jinvolvu organizzazzjonijiet ta' riċerka Russi. L-iffirmar ta' kuntratti ġodda ġie sospiż sakemm jingħata avviż ieħor. Barra minn hekk, il-ħlasijiet lil entitajiet Russi taħt kuntratti eżistenti ġew sospiżi sakemm jingħata avviż ieħor.

ERA4Ukraine huwa ospitat fuq EURAXESS, inizjattiva unika pan-Ewropea li twassal informazzjoni u servizzi ta' appoġġ lir-riċerkaturi professjonali. Bl-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri u l-pajjiżi assoċjati, dan jappoġġa l-mobbiltà tar-riċerkaturi u l-iżvilupp tal-karriera, filwaqt li fl-istess ħin itejjeb il-kollaborazzjoni xjentifika bejn l-Ewropa u d-dinja. EURAXESS huwa network ta' aktar minn 600 ċentru u 43 portal nazzjonali madwar l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi assoċjati. L-Iżvizzera u r-Renju Unit għandhom ukoll amministraturi nazzjonali fi ħdanu.

Għal aktar informazzjoni

ERA4Ukraine

ERC for Ukraine 

Diskors tal-President Ursula von der Leyen

Diskors tal-Kummissarju Mariya Gabriel

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
22 Marzu 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta