Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa16 Diċembru 2021Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Il-Kummissjoni tinvesti mal-EUR 1 biljun taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa għal konnettività innovattiva u sigura

Digital Wifi

Illum il-Kummissjoni adottat l-ewwel Programm ta' Ħidma għall-parti diġitali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE Diġitali), li jiddefinixxi l-kamp ta' applikazzjoni u l-objettivi tal-azzjonijiet appoġġati mill-UE meħtieġa biex jittejbu l-infrastrutturi tal-konnettività diġitali tal-Ewropa għal tliet snin. Dawn l-azzjonijiet se jirċievu mal-EUR 1 biljun f'finanzjament (2021–2023).

Bit-trawwim ta' investimenti pubbliċi u privati, l-FNE Diġitali se tikkontribwixxi għal proġetti ta' konnettività ta' interess komuni għall-UE u għall-introduzzjoni ta' infrastruttura sikura u sostenibbli ta' prestazzjoni għolja, inklużi networks tal-Gigabits u tal-5G fl-UE kollha. It-titjib tal-infrastruttura tal-konnettività tal-Ewropa se jkun fundamentali biex tinkiseb it-trasformazzjoni diġitali tal-Ewropa, kif deskritt fil-Perkors lejn id-Deċennju Diġitali, u biex jiġi żgurat li sal-2030 l-unitajiet domestiċi tal-UE jkollhom konnettivita f'gigabits u ż-żoni abitati kollha jiġu koperti mill-5G.

Il-Viċi President Eżekuttiv għal Ewropa Lesta għall-Era Diġitali, Margrethe Vestager, qalet hekk: “L-investiment fil-konnettività transfruntiera se jkompli jaqdi rwol ewlieni fit-trasformazzjoni tal-Ewropa u tal-kompetittività tagħha. It-titjib tan-networks u l-infrastruttura se jiżgura li ċ-ċittadini u n-negozji Ewropej ikollhom aċċess għal impjiegi ġodda, li jikkompetu fi swieq ġodda u li jqawwu l-operat tagħhom.

Thierry Breton, il-Kummissarju għas-Suq Intern, żied jgħid: “Il-konnettività sikura u rapida hija l-pilastru li fuqu se nibnu d-Deċennju Diġitali tal-Ewropa. Se tagħti lill-Ewropej aċċess għall-ħiliet diġitali, tippermetti lin-negozji jinnovaw u tappoġġa d-disponibbiltà ta' applikazzjonijiet bla preċedent f'oqsma bħas-saħħa, l-edukazzjoni u s-servizzi pubbliċi online.

Il-programm ta' finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa se jsaħħaħ ukoll in-networks tal-konnettività billi jappoġġa infrastrutturi ewlenin ġodda jew itejjeb dawk eżistenti fl-UE u f'pajjiżi terzi. Dan kien essenzjali għall-interkonnessjoni tal-kapaċitajiet diġitali, bħall-cloud, id-data u l-computing, li jidħlu fl-ambizzjoni tal-UE li tibqa' diġitalment sovrana.

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Diġitali

FNE Diġitali mistennija tappoġġja l-azzjonijiet ewlenin li ġejjin:

  • L-implimentazzjoni tal-infrastrutturi 5G fl-Ewropa, b'mod partikolari l-kopertura 5G matul il-kurituri transfruntiera u l-5G għall-komunitajiet intelliġenti
  • L-implimentazzjoni ta' networks ewlenin ġodda jew tal-aġġornament sinifikanti ta' dawk eżistenti, inklużi federazzjonijiet tal-cloud, infrastrutturi ta' komunikazzjoni tal-quantum ultrasiguri, għat-titjib tal-prestazzjoni tan-networks tal-komunikazzjonijiet elettroniċi fi ħdan u bejn Stati Membri kif ukoll bejn l-Unjoni u pajjiżi terzi.
  • L-implimentazzjoni tal-infrastruttura tal-konnettività diġitali relatata mal-proġetti transfruntiera fl-oqsma tat-trasport jew tal-enerġija u/jew li jappoġġaw pjattaformi diġitali operazzjonali assoċjati direttament ma' infrastrutturi tat-trasport jew tal-enerġija.

Il-Passi li Jmiss

L-ewwel sejħiet għall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa Diġitali se jiġu varati fil-bidu ta' Jannar 2022. Il-partijiet ikkonċernati se jkunu jistgħu jattendu “jum ta' informazzjoni” ftit wara t-tnedija, sabiex isiru jafu aktar dwar il-prijoritajiet u l-aspetti ewlenin tas-sejħiet, kif ukoll dwar il-proċess ta' evalwazzjoni u ta' għoti.

Kuntest

B'baġit ippjanat sa EUR 2 biljun sal-2027, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Diġitali se tappoġġa t-trasformazzjoni diġitali u l-miri tad-Deċennju Diġitali tal-Ewropa għall-konnettività mobbli u fissa. Din tagħmel parti mill-programm Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, li jappoġġja l-investiment fin-networks trans-Ewropej diġitali, tat-trasport u tal-enerġija, b'valur ta' EUR 33,7 biljun bejn 2021 u 2027.

L-ewwel ġenerazzjoni tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa 2014-2020 tejbet l-infrastrutturi li jgħaqqdu lill-Istati Membri u ġabet Wi-Fi bla ħlas lill-komunitajiet lokali permezz tal-programm WiFi4EU Appoġġat wkoll l-użu ta' networks ta' kapaċità għolja ħafna f'żoni rurali u semirurali madwar l-Ewropa permezz tal-Fond għall-Broadband Nikkollegaw l-Ewropa (CEBF).

Għal aktar informazzjoni

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Programm ta' Ħidma

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - FNE Diġitali

Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa - Implimentazzjoni

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 Diċembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta