Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet26 Marzu 2024Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

Il-Kummissjoni tapprova valutazzjoni preliminari pożittiva tat-tieni talba għal pagament ta’ Malta għal EUR 58.9 miljun taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Next Gen EU logo

Illum, il-Kummissjoni approvat valutazzjoni preliminari pożittiva tat-tieni talba għal pagament ta’ Malta għal EUR 58.9 miljun taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-qofol ta’ NextGenerationEU. 

Wara l-valutazzjoni tagħha tat-talba għall-pagament, ippreżentata minn Malta fiol-21 ta’ Diċembru 2023, il-Kummissjoni kkonkludiet b’mod preliminari li Malta lestiet b’mod sodisfaċenti l-34 stadju importanti u mira stabbiliti fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill għat-tieni pagament parzjali. 


It-talba għall-pagament tkopri passi importanti fit-twettiq ta’ 24 riforma u 10 investimenti li se jixprunaw bidla pożittiva għaċ-ċittadini u n-negozji f’Malta fl-oqsma tal-kostruzzjoni, il-ġestjoni tal-iskart, l-effiċjenza enerġetika, it-trasport, id-diġitalizzazzjoni, il-kura tas-saħħa, l-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ġustizzja, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, u t-tassazzjoni.


Il-miżuri ewlenin f’din it-talba għal pagament jinkludu:

  • L-ikkuntrattar ta’ faċilità mill-aktar avvanzata għad-dijanjożi u t-trattament tal-kanċer: Il-kanċer huwa t-tieni kawża ewlenija tal-mewt (28%) f’Malta, b’eluf ta’ Maltin li qabel kien ikollhom jivvjaġġaw barra mill-pajjiż għal dijanjożi u kura tal-kanċer ta’ kwalità. Bl-għajnuna tal-Pjan ta’ Malta, ġew iffirmati kuntratti għall-bini u t-tqegħid fis-servizz ta’ waħda minn madwar 100 faċilità ta’ aċċeleratur lineari b’reżonanza manjetika (MR LINAC) madwar id-dinja. Din il-faċilità ta’ livell għoli se tippermetti dijanjożi personalizzata tal-kanċer u trattament bi preċiżjoni għolja, b’benefiċċji aktar rapidi u b’effetti sekondarji mnaqqsa. Filwaqt li wrew il-benefiċċji tas-Suq Uniku, il-komponenti ewlenin tal-makkinarju nkisbu kemm mill-Iżvezja (Elekta) kif ukoll min-Netherlands (Philips). Dan l-investiment huwa kontribut importanti lejn l-implimentazzjoni tal-Pjan tal-Ewropa biex Jingħeleb il-Kanċer. 
  • Riforma biex jitnaqqas l-iskart fl-industrija tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni: F’Malta, 85% tal-iskart totali ġġenerat huwa l-iskart tal-kostruzzjoni u d-demolizzjoni (meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 35%), filwaqt li b’mod ġenerali l-pajjiż għadu lura milli jilħaq il-miri tiegħu ta’ riċiklaġġ u rkupru tal-materjal. Biex jitnaqqas l-iskart u jiġu stimulati l-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-materjal, ġew adottati erba’ standards ġodda tal-kostruzzjoni taħt il-Pjan ta’ Malta: (1) l-aħjar prattiki għal (de) kostruzzjoni għall-prevenzjoni tal-iskart; (2) il-klassifikazzjoni tal-iskart tal-kostruzzjoni u tad-demolizzjoni biex tiġi ffaċilitata s-separazzjoni fuq il-post; (3) xogħlijiet ta’ skavar xierqa għall-użu mill-ġdid ta’ blat skavat; (4) twieqi u bibien standardizzati interni u esterni ta’ abitazzjonijiet residenzjali għal użu mill-ġdid aktar faċli. Din ir-riforma se tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għal Ekonomija Ċirkolari, filwaqt li tnaqqas ir-rimi fil-miżbliet f’konformità mad-Direttiva tal-UE dwar ir-rimi ta’ skart f’terraferma u tirrispetta l-ġerarkija tal-iskart tal-UE. 
  • L-introduzzjoni ta’ regoli tal-ipprezzar ta’ trasferiment biex tiġi promossa l-ġustizzja fit-tassazzjoni: Malta adottat liġi ġdida li tintroduċi regoli dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment fit-taxxa korporattiva tagħha minn Jannar 2024. Ir-regoli l-ġodda se jipprevjenu lill-kumpaniji multinazzjonali bbażati f’Malta milli jimmanipulaw il-prezzijiet u jittrasferixxu l-profitti lejn ġurisdizzjonijiet b’taxxa baxxa jew żero biex jevitaw li jħallsu t-taxxi u jnaqqsu d-dħul tal-baġit. Ir-regoli se jgħinu wkoll biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn in-negozji lokali u barranin. Malta hija l-aħħar Stat Membru fl-UE li adotta dawn ir-regoli. Din ir-riforma se tgħin lil Malta tallinja ruħha mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE għat-Tassazzjoni Korporattiva, inklużi r-regoli armonizzati dwar l-ipprezzar ta’ trasferiment fl-UE. Ir-riforma tat-taxxa importanti li jmiss se tiżgura li l-pagamenti ta’ dividendi, imgħax u royalties ma jħallux lill-UE mhux intaxxata.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni issa bagħtet il-valutazzjoni preliminari tagħha tal-issodisfar minn Malta tal-istadji importanti u l-miri meħtieġa għal dan il-pagament lill-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF), li għandu erba’ ġimgħat biex jagħti l-opinjoni tiegħu. Il-pagament lil Malta jista’ jsir wara l-opinjoni tal-KEF, u l-adozzjoni ta’ deċiżjoni ta’ pagament mill-Kummissjoni.

Kuntest ġenerali

Il-pjan Malti għall-irkupru u r-reżiljenza jinkludi firxa wiesgħa ta’ miżuri ta’ investiment u riforma (aktar informazzjoni dwar il-Pjan Malti, inkluża mappa tal-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza f’Malta hija disponibbli hawnhekk). Il-pjan se jiġi ffinanzjat b’EUR 328.2 miljun f’għotjiet. It-talba għall-pagament approvata b’mod preliminari llum issegwi l-ewwel talba għall-pagament ta’ Malta, li ġiet approvata mill-Kummissjoni fis-27 ta’ Jannar 2023 u mħallsa lil Malta fit-8 ta’ Marzu 2023. 

 

Din it-talba għal pagament se ġġib il-fondi mħallsa lil Malta taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza għal EUR 166.3 miljun (inklużi l-EUR 41.1 miljun fi prefinanzjament li rċeviet fis-17 ta’ Diċembru 2021 u l-prepagament ta’ EUR 14 miljun taħt REPowerEU li rċeviet fl-14 ta’ Diċembru 2023), li jikkorrispondu għal ftit aktar minn 50% tal-fondi kollha fil-pjan Malti, b’ 39 % tal-istadji importanti u l-miri kollha fil-pjan issodisfati.

Aqra r-rapport hawn:

Pubblikazzjonijiet ġenerali26 Marzu 2024
RRP Report Maltese


Għal aktar informazzjoni

Il-valutazzjoni preliminari tal-Kummissjoni tat-tieni talba għal pagament ta’ Malta

Mistoqsijiet u tweġibiet dwar l-ewwel talba ta’ żborż ta’ Malta taħt NextGenerationEU

Il-pjan ta’ Malta għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Ħarsa ġenerali lejn il-pjan, pjan sħiħ u d-dokumenti relatati l-oħra kollha

Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Mappa tal-proġett tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Tabella ta’ Valutazzjoni għall-Irkupru u r-Reżiljenza 

Ir-Regolament dwar il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

L-UE bħala l-entità li qed tissellef

 

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
26 Marzu 2024
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta