Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet14 Diċembru 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta1 min qari

Il-Kummissjoni toħroġ il-pagamenti ta’ prefinanzjament tar-REPowerEU lil Malta taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza

Malta's Recovery & Resilience Plan

Illum, il-Kummissjoni żborżat EUR 13.9 miljun lil Malta fi prefinanzjament relatat mal-fondi REPowerEU taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF). Dawn il-pagamenti ta’ prefinanzjament se jgħinu biex tingħata spinta lill-implimentazzjoni tal-miżuri kruċjali ta’ investiment u riforma deskritti f’kull kapitolu tar-REPowerEU. Dan se jaċċellera t-twettiq tal-objettivi tal-Pjan REPowerEU biex tiġi ffrankata l-enerġija, tiġi prodotta enerġija nadifa u jiġu ddiversifikati l-provvisti tal-enerġija, bil-ħsieb li l-Ewropa ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi ferm qabel l-2030, fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja. 

L-iżborżi tal-lum jinkludu wkoll pagamenti lill-Estonja, lis-Slovakkja, lis-Slovenja u lil Franza, wara l-approvazzjoni mill-Kunsill tal-pjan rivedut ta’ kull pajjiż, li jinkludi kapitolu tar-REPowerEU. 

Il-pagamenti ta’ prefinanzjament huma ekwivalenti għal sa 20% tal-fondi addizzjonali mitluba għall-finanzjament tal-kapitolu REPowerEU ta’ kull pajjiż. 

Aktar informazzjoni dwar il-miżuri inklużi fil-kapitoli tar-REPowerEU tista’ tinstab għal Malta hawnhekk. Għal aktar informazzjoni dwar REPowerEU u r-rabta mal-RRF, jekk jogħġbok ikkonsulta dan il-Q&A.

(Għal aktar informazzjoni: Veerle Nuyts — Tel.: + 32 2 29 96302)

Miżuri REPowerEU fil-pjan ta’ Malta

Il-pjan ta’ Malta issa jinkludi riforma waħda u investiment wieħed biex titnaqqas id-dipendenza tagħha fuq il-fjuwils fossili, f’konformità ma’ wieħed mill-objettivi tal-Pjan REPowerEU

Biex tiffinanzja din l-ambizzjoni akbar, Malta talbet li sehem mir-Riżerva ta’ Aġġustament għall-Brexit tagħha jiġi ttrasferit għall-pjan, li jammonta għal EUR 40 miljun. Dawn il-fondi jiżdiedu mal-għotja REPowerEU ta’ Malta ta’ EUR 30 miljun. 

Miżuri ewlenin għar-REPowerEU

Il-miżuri tar-REPowerEU jinkludu riforma tas-sistema tal-permessi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli u investiment ta’ EUR 70 miljun fil-grilja tal-elettriku

Ir-riforma se tgħin biex jitħaffu l-proċeduri għall-għoti ta’ permessi għal proġetti tal-enerġija rinnovabbli u tintroduċi obbligu li jiġu installati pannelli solari fuq il-bjut fuq ċerti binjiet ġodda. 

L-investiment se jsaħħaħ u jespandi l-grilja tal-elettriku u s-servizzi tad-distribuzzjoni, filwaqt li jibni wkoll kapaċità ċentralizzata għall-ħżin tal-batteriji.  

Flimkien, dawn il-miżuri huma mistennija jżidu s-sehem ta’ Malta tal-enerġija rinnovabbli u jaċċelleraw id-dekarbonizzazzjoni tas-setturi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija, tal-bini u tat-trasport.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
14 Diċembru 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta