Illum, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat firxa ta' azzjonijiet fuq terminu qasir u medju biex issaħħaħ is-sigurtà tal-ikel globali u biex tappoġġa lill-bdiewa u lill-konsumaturi fl-UE fid-dawl taż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel u fl-ispejjeż tal-input, bħall-enerġija u l-fertilizzanti. Iż-żieda fil-prezzijiet globali tal-prodotti bażiċi, aċċellerata aktar bl-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, tenfasizza għal darb'oħra l-ħtieġa li l-agrikoltura u l-ktajjen tal-provvista tal-ikel tal-UE jsiru aktar reżiljenti u sostenibbli, f'konformità mal-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt.
Il-Kummissjoni hija impenjata li tieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura li l-UE, bħala esportatur nett tal-ikel u wieħed mill-akbar produtturi agroalimentari, tikkontribwixxi għas-sigurtà tal-ikel globali, b'mod partikolari fl-Ukrajna, fl-Afrika ta' Fuq u fil-Lvant Nofsani li jiddependu ħafna fuq l-importazzjonijiet taċ-ċereali, kif ukoll fl-Asja u fl-Afrika sub-Saħarjana. L-UE hija fornitur ewlieni ta' assistenza umanitarja u għall-iżvilupp fir-rigward tal-ikel u tas-sistemi tal-ikel.
Bħalissa, id-disponibbiltà tal-ikel ma tinsabx f'riskju fl-UE, peress li l-kontinent huwa fil-biċċa l-kbira awtosuffiċjenti għal ħafna prodotti agrikoli. Madankollu, is-settur agrikolu tagħna huwa importatur nett ta' prodotti speċifiċi bħall-proteini tal-għalf. Din il-vulnerabbiltà, flimkien mal-ispejjeż għoljin tal-input bħall-fertilizzanti u l-enerġija fossili, qed joħolqu sfidi ta' produzzjoni għall-bdiewa u qed jirriskjaw li jżidu l-prezzijiet tal-ikel.
Il-Viċi President Eżekuttiv tal-Kummissjoni Valdis Dombrovskis qal: “Il-gwerra tar-Russja kontra l-Ukrajna ħolqot bosta problemi anke fir-rigward tas-sigurtà tal-ikel globali. Wasal iż-żmien biex l-Ewropa turi s-solidarjetà tagħha rigward l-ikel: jeħtieġ li tgħin lill-Ukrajna, lin-nies u lill-bdiewa tagħha kif ukoll lill-pajjiżi vulnerabbli importaturi tal-ikel madwar id-dinja li qed jaffaċċjaw żieda fil-prezzijiet u nuqqasijiet potenzjali. Se nkomplu nipprovdu għajnuna umanitarja biex intaffu t-tbatija tal-Ukreni billi niżguraw l-aċċess tagħhom għall-oġġetti u s-servizzi bażiċi, b'mod partikolari għall-ikel. Fl-istess ħin, irridu nevitaw kull restrizzjoni fuq l-esportazzjoni biex nikkontrollaw il-prezzijiet tal-ikel. Għalkemm l-UE mhux qed taffaċċja riskju ta' sigurtà tal-ikel, xorta għandna nindirizzaw il-kwistjonijiet tal-affordabbiltà tal-ikel u nieħdu passi biex l-agrikoltura u l-ktajjen tal-provvista tagħna jkunu aktar reżiljenti u sostenibbli biex ilaħħqu ma' kriżijiet futuri.”
Il-Kummissarju għall-Agrikoltura Janusz Wojciechowski qal: “Mhux se nħallu lill-Ukrajna taffaċċja l-aggressjoni Russa waħedha. L-ewwel prijorità tagħna hija li niżguraw li l-Ukreni jkollhom biżżejjed ikel, fjuwil u ilma. Se ngħinuhom ukoll biex ikomplu jħawlu u jkabbru ċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin, li huma tant meħtieġa kemm għalihom stess kif ukoll għad-dinja kollha, u biex jiffaċilitaw l-esportazzjonijiet tagħhom. L-UE hija superpotenza agrikola u se niżguraw li l-bdiewa tagħna jkollhom l-appoġġ sħiħ tal-Kummissjoni biex iwieġbu għall-ħtiġijiet globali tal-ikel. Dan se nagħmluh billi naħdmu biex il-ktajjen tal-provvista tal-ikel tagħna jsiru aktar sostenibbli u reżiljenti għall-kriżijiet futuri.”
Tisħiħ tas-sigurtà tal-ikel globali
Is-sigurtà tal-ikel fl-Ukrajna mifnija bil-gwerra hija ta' tħassib kbir, b'mod partikolari fi bliet assedjati fejn ir-Russja tidher li qed timmira u teqred deliberatament il-postijiet tal-ħżin tal-ikel.
Il-Kummissjoni qed tappoġġa lill-Ukrajna fl-iżvilupp u fl-implimentazzjoni ta' strateġija għas-sigurtà tal-ikel fuq terminu qasir u medju biex fejn ikun possibbli, tiżgura li l-inputs jaslu għand l-azjendi agrikoli u li jinżammu l-faċilitajiet tat-trasport u tal-ħżin sabiex l-Ukrajna tkun tista' titma' liċ-ċittadini tagħha u eventwalment terġa' tikseb is-swieq tal-esportazzjoni tagħha.
Programm ta' Appoġġ ta' Emerġenza tal-UE ta' €330 miljun għall-Ukrajna se jgħin biex jiġi żgurat l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi bażiċi kif ukoll il-protezzjoni tal-popolazzjoni. Il-programm għandu l-għan li jgħin biex tittaffa t-tbatija tal-Ukreni billi jiżgura l-aċċess għall-oġġetti u s-servizzi bażiċi kif ukoll il-protezzjoni tagħhom. Għanijiet importanti oħra se jkunu l-bini mill-ġdid tal-infrastruttura ċivili fuq skala żgħira, l-ippjanar strateġiku u l-iżgurar tas-sigurtà tal-enerġija.
Il-Kummissjoni se tiżgura segwitu u analiżi regolari tal-prezzijiet tal-ikel u tal-insigurtà tal-ikel u se tkompli tinvolvi ruħha f'korpi internazzjonali u multilaterali (FAO, WTO, G7, G20) biex tikkoordina l-politiki. Barra minn hekk, l-UE żiedet l-assistenza umanitarja għar-reġjuni u għall-gruppi tal-popolazzjoni l-aktar milquta mill-insigurtà tal-ikel.
Fil-programm tal-2021-27 għall-kooperazzjoni internazzjonali, l-UE se taħdem biex tiżviluppa s-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel ma' madwar 70 pajjiż sieħeb. Barra dan, fis-Summit dwar in-Nutrizzjoni għat-Tkabbir li sar f'Tokjo f'Diċembru 2021, l-UE u l-Istati Membri tagħha impenjaw ruħhom li jkomplu jindirizzaw il-malnutrizzjoni b'wedgħa sostanzjali ta' €4.3 biljuni, li jinkludu mill-inqas €2.5 biljuni mill-UE għall-kooperazzjoni internazzjonali bl-objettiv tan-nutrizzjoni fil-perjodu 2021-2024.
Barra minn hekk, l-UE se tkompli tippromwovi bis-saħħa l-evitar tar-restrizzjonijiet fuq l-esportazzjoni u l-projbizzjonijiet fuq l-esportazzjoni tal-ikel u li jkun hemm suq uniku li jiffunzjona sew.
Din il-kriżi profonda tikkonferma l-ħtieġa li titħaffef it-tranżizzjoni tas-sistema tal-ikel lejn is-sostenibbiltà u r-reżiljenza fuq livell globalibiex issir tħejjija aħjar għall-kriżijiet futuri. Bħala segwitu għas-Summit tan-NU dwar is-Sistemi tal-Ikel tal-2021, il-Kummissjoni se timpenja ruħha fi tmien koalizzjonijiet li kollha għandhom bħala għan it-trasformazzjoni tas-sistema tal-ikel, ir-reżiljenza u t-tkabbir sostenibbli tal-produttività.
Appoġġ lill-bdiewa u lill-konsumaturi tal-UE
Biex tittejjeb l-affordabbiltà tal-ikel, l-Istati Membri jistgħu jimplimentaw ukoll rati mnaqqsa ta' Taxxa fuq il-Valur Miżjud u jħeġġu lill-operaturi ekonomiċi biex irażżnu l-prezzijiet bl-imnut. L-Istati Membri jistgħu jużaw ukoll il-fondi tal-UE bħall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn (FEAD) li jappoġġa l-azzjonijiet tal-pajjiżi tal-UE biex jipprovdu ikel u/jew assistenza materjali bażika lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' tħejjija u rispons għall-Kriżijiet tas-Sigurtà tal-Ikel (EFSCM) li għadu kif twaqqaf u li jiġbor flimkien l-amministrazzjonijiet Ewropej u nazzjonali u l-atturi privati tul il-katina tal-provvista, se jwettaq immappjar bir-reqqa tar-riskji u tal-vulnerabbiltajiet tal-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE, segwit minn rakkomandazzjonijiet u miżuri ta' mitigazzjoni xierqa.
Biex jissodisfa r-rwol tiegħu bħala fornitur globali tal-ikel li jkompli jkun involut bis-sħiħ fit-tranżizzjoni ambjentali, is-settur agrikolu tal-UE jeħtieġ l-appoġġ kollu tagħna. Għal dan il-għan, illum il-Kummissjoni adottat il-miżuri li ġejjin:
- Pakkett ta' appoġġ ta' €500 miljun, anke billi tintuża r-riżerva għall-kriżijiet, biex jappoġġa l-produtturi l-aktar affettwati mill-konsegwenzi serji tal-gwerra fl-Ukrajna. Abbażi ta' dan, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu appoġġ finanzjarju addizzjonali lill-bdiewa biex jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel globali jew biex jindirizzaw it-tfixkil fis-suq minħabba ż-żieda fl-ispejjeż tal-input jew fir-restrizzjonijiet għall-kummerċ. L-appoġġ għall-bdiewa involuti fi prattiki sostenibbli għandu jingħata prijorità filwaqt li jiġi żgurat ukoll li l-miżuri jkunu mmirati lejn is-setturi u l-bdiewa li huma l-aktar milquta mill-kriżi;
- Mis-16 ta' Ottubru 2022, aktar avvanzi għal pagamenti direttigħall-bdiewa kif ukoll għall-miżuri ta' żvilupp rurali relatati maż-żoni u mal-annimali;
- Miżuri ta' xibka ta' sikurezza tas-suq biex jappoġġaw is-suq tal-laħam tal-majjal fid-dawl tas-sitwazzjoni partikolarment diffiċli tas-settur;
- Deroga eċċezzjonali u temporanja li tippermetti l-produzzjoni ta' kull għalla għal skopijiet ta' ikel u għalf fuq raba' mistrieħfilwaqt li jinżamm il-livell sħiħ tal-pagament ta' ekoloġizzazzjoni għall-bdiewa. Dan se jkabbar il-kapaċità tal-produzzjoni tal-UE minkejja d-disponibbiltà limitata ta' art fertili.
- Flessibbiltajiet temporanji u speċifiċi għar-rekwiżiti ta' importazzjoni eżistenti fuq l-għalf tal-annimali se jikkontribwixxu biex tittaffa l-pressjoni fuq is-suq tal-għalf.
Il-Kummissjoni pproponiet Qafas Temporanju għall-Kriżijiet ġdid u awtonomu li jkopri wkoll il-bdiewa, il-produtturi tal-fertilizzanti u s-settur tas-sajd. Dan jippermetti li tingħata għajnuna mill-Istat lill-bdiewa affettwati minn żidiet sinifikanti fl-ispejjeż tal-input. Il-prezzijiet u l-provvisti tal-fertilizzanti għall-bdiewa se jiġu mmonitorjati biex jiġi żgurat li ma jiġux ipperikolati l-prospetti għall-ħsad tal-UE.
Il-Kummissjoni tipproponi wkoll li l-Istati Membri jikkomunikaw id-datadwar il-ħażniet privati tal-komoditajiet essenzjali għall-ikel u l-għalffuq bażi ta' kull xahar biex ikollha ħarsa ġenerali f'waqtha u akkurata tad-disponibbiltà tagħhom.
Tisħiħ tar-reżiljenza u tas-sostenibbiltà tas-sistemi tal-ikel tagħna
Is-sostenibbiltà tal-ikel hija parti integrali mis-sigurtà tal-ikel. Bl-implimentazzjoni tat-tranżizzjonijiet meħtieġa stabbiliti fl-istrateġija mill-Għalqa sal-Platt u fl-istrateġija għall-Bijodiversità, il-Kummissjoni se tiżgura li mhux se tiddgħajjef il-produttività ġenerali tal-agrikoltura tal-UE. Dan ifisser użu akbar tal-innovazzjoni biex tikkontribwixxi għal żieda sostenibbli fir-rendimenti, bħall-biedja ta' preċiżjoni, it-tekniki ġenomiċi ġodda, il-ġestjoni mtejba tan-nutrijenti, il-ġestjoni integrata tal-pesti, l-alternattivi bijoloġiċi għall-pestiċidi kimiċi, eċċ.
Jeħtieġ aktar minn qatt qabel li tissaħħaħ ir-reżiljenza billi titnaqqas id-dipendenza tal-agrikoltura Ewropea fuq l-enerġija, l-importazzjonijiet intensivi fl-enerġija u l-importazzjonijiet tal-għalf. Ir-reżiljenza teħtieġ sorsi ta' importazzjoni u swieq disponibbli diversifikati permezz ta' politika kummerċjali multilaterali u bilaterali robusta. Il-programm Orizzont Ewropa se jinvesti fir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiġi sostitwit l-użu ta' fertilizzanti sintetiċi. L-effiċjenza akbar fl-użu tan-nitroġenu, it-tranżizzjoni lejn ammonijaka rinnovabbli għall-fertilizzanti u l-valorizzazzjoni tal-bijomassa huma fost il-proposti ppreżentati mill-Kummissjoni. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jużaw l-istrumenti kollha disponibbli fil-pjanijiet strateġiċi tal-PAK tagħhom għall-perjodu 2023-2027. Dan jikkonċerna pereżempju l-użu ta' għodod għall-ġestjoni tar-riskju, l-iżvilupp ta' biedja ta' preċiżjoni jew l-appoġġ akkoppjat biex tingħata spinta lill-għelejjel li fihom il-proteini.
Għal aktar informazzjoni
Anness dwar is-salvagwardja tas-sigurtà tal-ikel u t-tisħiħ tar-reżiljenza tas-sistemi tal-ikel
Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar il-miżuri adottati mill-Kummissjoni Ewropea
Il-Mekkaniżmu Ewropew ta' tħejjija u rispons għall-kriżijiet tas-sigurtà tal-ikel
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 23 Marzu 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta