Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu l-ewwel passi lejn il-bini tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa mħabbra mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha dwar l-Istat tal-Unjoni. Il-Kummissjoni qed tressaq sett ta' proposti biex issaħħaħ il-qafas tas-sigurtà tas-saħħa tal-UE, u biex issaħħaħ l-istat ta' tħejjija għall-kriżijiet u r-rwol ta' rispons tal-aġenziji ewlenin tal-UE. Sabiex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-pandemija tal-COVID-19 u l-emerġenzi tas-saħħa futuri, hija meħtieġa iktar koordinazzjoni fil-livell tal-UE. Filwaqt li jisiltu tagħlimiet mill-kriżi attwali, il-proposti tal-lum se jiżguraw tħejjija u rispons iktar b'saħħithom matul il-kriżijiet tas-saħħa attwali u futuri.
Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen qalet: “L-għan tagħna huwa li nipproteġu s-saħħa taċ-ċittadini Ewropej kollha. Il-pandemija tal-coronoavirus enfasizzat il-ħtieġa ta' aktar koordinazzjoni fl-UE, ta' sistemi tas-saħħa aktar reżiljenti, u ta' tħejjija aħjar għal kriżijiet futuri. Qed inbiddlu l-mod kif nindirizzaw it-theddid transkonfinali għas-saħħa. Illum, bdejna nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa, biex nipproteġu liċ-ċittadini b'kura ta' kwalità għolja waqt kriżi, u biex l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jkunu mgħammra biex jipprevjenu u jiġġestixxu emerġenzi tas-saħħa li jaffettwaw l-Ewropa kollha.”
Il-Viċi President għall-Promozzjoni tal-Istil ta' Ħajja Ewropew, Margaritis Schinas, qalet: “Illum, qed nagħmlu pass kbir u sinifikanti lejn Unjoni tas-Saħħa tal-UE ġenwina. Qed insaħħu l-ġestjoni tal-kriżijiet komuni tagħna biex inħejju u nirreaġixxu għal theddid transkonfinali serju għas-saħħa. L-aġenziji tal-UE tagħna jeħtieġ li jkunu mgħammra b'mandati aktar b'saħħithom biex jipproteġu aħjar liċ-ċittadini tal-UE. Biex niġġieldu kontra l-pandemija tal-COVID-19 u l-emerġenzi tas-saħħa futuri, l-unika triq' il quddiem hija iktar koordinazzjoni flimkien b'għodod aktar effiċjenti fil-livell tal-UE.”
Stella Kyriakides, il-Kummissarju għas-Saħħa u s-Sikurezza Alimentari qalet: “Is-saħħa hija aktar minn qatt qabel tħassib essenzjali għaċ-ċittadini tagħna. Fi żminijiet ta' kriżi, iċ-ċittadini bi dritt jistennew li l-UE tieħu rwol aktar attiv. Illum qed insaħħu l-pedamenti għal UE iktar sigura, imħejjija aħjar u iktar reżiljenti fil-qasam tas-saħħa. Din se tkun bidla sinifikanti għall-kapaċità ta' rispons kollettiv. Il-qofol tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa se jkun it-tħejjija u li flimkien, bħala Unjoni, niffaċċjaw it-theddid komuni għas-saħħa. Jeħtieġ li nagħmlu dan sabiex nilħqu l-aspettattivi taċ-ċittadini tagħna.”
Il-proposti tal-lum jiffukaw biex jagħtu ħajja ġdida lill-qafas legali eżistenti għat-theddid transkonfinali serju għas-saħħa, kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-istat ta' tħejjija għall-kriżijiet u r-rwol tar-rispons tal-aġenziji ewlenin tal-UE, jiġifieri ċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC) u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA).
Qafas tas-sigurtà tas-saħħa tal-UE iktar b'saħħtu
Biex jinħoloq mandat iktar robust għall-koordinazzjoni mill-Kummissjoni u l-aġenziji tal-UE, illum il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament ġdid dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa. Il-qafas il-ġdid se:
- Tissaħħaħ it-tħejjija: Se jiġu żviluppati pjan u rakkomandazzjonijiet tal-UE dwar il-kriżi tas-saħħa u t-tħejjija għall-pandemija għall-adozzjoni ta' pjanijiet fil-livelli nazzjonali, flimkien ma' oqfsa komprensivi u trasparenti għar-rappurtar u l-awditjar. It-tħejjija tal-pjanijiet nazzjonali tkun appoġġata miċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u minn aġenziji oħra tal-UE. Il-pjanijiet se jiġu awditjati u ttestjati tal-istress mill-Kummissjoni u mill-aġenziji tal-UE.
- Is-sorveljanza tiġi rinforzata: Se tinħoloq sistema ta' sorveljanza integrata u msaħħa fil-livell tal-UE, bl-użu tal-intelliġenza artifiċjali u ta' mezzi teknoloġiċi avvanzati oħra.
- Titjib fir-rappurtar tad-data: L-Istati Membri se jkunu meħtieġa jżidu r-rappurtar tagħhom tal-indikaturi tas-sistemi tas-saħħa (eż. id-disponibbiltà ta' sodod tal-isptar, il-kura speċjalizzata u l-kapaċità ta' kura intensiva, l-għadd ta' persunal mediku mħarreġ eċċ.).
- Id-dikjarazzjoni ta' sitwazzjoni ta' emerġenza tal-UE twassal għal iktar koordinazzjoni u tippermetti l-iżvilupp, il-ħażna u l-akkwist ta' prodotti rilevanti għall-kriżijiet.
Aġenziji tal-UE iktar b'saħħithom u iktar operattivi
Iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard u l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kienu fuq quddiem nett fil-ħidma tal-UE biex tindirizza l-COVID-19 mindu faqqgħet il-pandemija. Madankollu, il-COVID-19 wera li ż-żewġ aġenziji jeħtieġ li jiġu rinfruzati u mgħammra b'mandati iktar b'saħħithom biex jipproteġu aħjar liċ-ċittadini tal-UE u jindirizzaw it-theddid transkonfinali għas-saħħa.
Il-mandat tal-ECDC se jiġi rinfurzat sabiex ikun jista' jappoġġa lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri fl-oqsma li ġejjin:
- is-sorveljanza epidemjoloġika permezz ta' sistemi integrati li jippermettu sorveljanza f'ħin reali
- it-tħejjija u ppjanar tar-rispons, ir-rappurtar u l-awditjar
- l-għoti ta' rakkomandazzjonijiet mhux vinkolanti u l-għażliet għall-ġestjoni tar-riskju
- il-kapaċità li jiġi mmobilizzat u skjerat it-TaskForce tas-Saħħa tal-UE biex jassisti r-rispons lokali fl-Istati Membri
- il-bini ta' netwerk ta' laboratorji ta' referenza tal-UE u ta' netwerk għas-sustanzi ta' oriġini umana
Il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini se jiġi rinfurzat sabiex tkun tista' tiffaċilita rispons ikkoordinat fil-livell tal-Unjoni għall-kriżijiet tas-saħħa billi:
- jsiru monitoraġġ u mitigazzjoni tar-riskju ta' skarsezzi ta' mediċini kritiċi u ta' apparat mediku
- jingħataw pariri xjentifiċi dwar mediċini li jista' jkollhom il-potenzjal li jittrattaw, jipprevjenu jew jiddijanjostikaw il-mard li jikkawża dawk il-kriżijiet
- jiġu kkoordinati studji għall-monitoraġġ tal-effettività u s-sikurezza tal-vaċċini
- jiġu kkoordinati provi kliniċi.
Illum il-Kummissjoni qed tistabbilixxi wkoll l-elementi ewlenin tal-Awtorità futura għar-Rispons f'Każ ta' Emerġenza tas-Saħħa (HERA), li għandhom jiġu proposti sa tmiem l-2021. Struttura bħal din tkun element ġdid importanti li jappoġġa r-rispons aħjar fil-livell tal-UE għat-theddid transkonfinali għas-saħħa.
Għal iktar informazzjoni
Is-sit web tal-Unjoni Ewropea tas-Saħħa
Skeda informattiva – Unjoni Ewropea tas-Saħħa – nindirizzaw il-kriżijiet tas-saħħa flimkien
Skeda informattiva – Unjoni Ewropea tas-Saħħa – nindirizzaw il-kriżijiet tas-saħħa flimkien
Komunikazzjoni: Nibnu Unjoni Ewropea tas-Saħħa: tħejjija u reżiljenza
Proposta għal Regolament dwar theddid transkonfinali serju għas-saħħa
Proposta biex jiġi estiż il-mandat tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini
Proposta biex jiġi estiż il-mandat taċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard
Ir-rispons tal-UE għall-Coronavirus
Ħarsa ġenerali lejn ir-rispons tal-Kummissjoni
Id-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 11 Novembru 2020