
Biex jitfakkar l-ewwel Jum l-Awturi Ewropej, Malta Libraries waqqfet il-Librerija tal-Awturi tal-UE, li bħala l-ewwel ġebla se jkollha 27 rebbieħ tal- Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura minn kull stat membru tal-UE.
Is-27 ta’ Marzu, 2023, ingħażel bħala l-ewwel Jum l-Awturi Ewropej, inizjattiva tal-Kummissjoni Ewropea mmexxija mill-Kummissarju Mariya Gabriel immirata biex tressaq lill-ġenerazzjonijiet żgħażagħ lejn il-kotba u biex tgħinhom jiskopru d-diversità tal-letteratura Ewropea.
Il-Librerija tal-Awturi tal-UE tnediet waqt ċerimonja li saret fil-Librerija Pubblika Ċentrali fil-Furjana, fil-preżenza tal-Librar Nazzjonali, Cheryl Falzon, l-Assistant Librar Anzjan Margaret Callus, u David Schembri, l-Uffiċjal tal-Lingwa fir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea fil-Belt Valletta.
“Din iċ-ċelebrazzjoni l-ġdida tagħtina l-opportunità nimirħu lil hinn mid-drawwiet normali ta’ qari tagħna u nesploraw it-teżori letterarji miktuba minn awturi f’pajjiżi Ewropej oħrajn. Il-libreriji pubbliċi huma l-post ideali biex inxerrdu dan il-messaġġ, minħabba li huma xempju ħaj tal-aċċessibbiltà tal-informazzjoni għal kulħadd,” qal David Schembri.
“Billi qed inġibu r-rebbieħa tal-EUPL fl-ixkafef tal-libreriji tagħha, fil-lingwi oriġinali kif ukoll f’lingwi pont, Malta Libraries qed tkompli tespandi fuq il-filosofija tal-iżvilupp tal-kollezzjoni multikulturali tagħha, sabiex tkun tista’ tkompli taqdi l-komunitajiet li qed jinbidlu jikbru f’Malta,” qalet Cheryl Falzon.
F’Malta, dan il-Jum Ewropew qed jitfakkar permezz tat-tnedija ta’ din il-librerija, kif ukoll permezz ta’ qari fl-iskejjel mill-awturi Walid Nabhan, rebbieħ tal-Premju tal-Letteratura, u Rita Saliba. Għall-okkażjoni, ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni ppublikat ukoll markapaġni kommemorattivi li se jitqassmu mil-libreriji madwar Malta, bil-kitba “Skopri l-Ewropa ktieb ktieb: ibda l-vjaġġ mil-librerija".
Il-kotba huma disponibbli għas-self mill-membri tal-Malta LIbraries. Biex tingħaqad, żur librerija pubblika jew applika online fuq maltalibraries.gov.mt
Malta Libraries tilqa’ suġġerimenti, kollaborazzjonijiet u donazzjonijiet minn ambaxxati u komunitajiet permezz ta’: customercare.cpl.gov.mt
Għal aktar tagħrif dwar Jum l-Awturi Ewropej: https://culture.ec.europa.eu/cultural-and-creative-sectors/books-and-publishing/day-of-european-authors
Il-kotba tal-bidu fil-Librerija tal-Awturi tal-UE huma dawn li ġejjin:
L-Awstrija ‘Geistergeschicte’ ta' Laura Freudenthaler (Ġermaniż)
Il-Belġju ‘Post mortem’ ta' Peter Terrin (Ingliż)
Il-Bulgarija ‘Thrown into nature’ ta' Milen Ruskov (Ingliż)
Il-Kroazja ‘August after midnight’ ta' Luka Bekavac (Ingliż)
Ċipru ‘The experiment’ ta' Myrto Azina Chronides (Ingliż)
Iċ-Ċekja ‘The lake’ ta' Bianca Bellova (Ingliż)
Id-Danimarka ‘The easiness and the loneliness’ ta' Asta Olivia Nordenhof (Ingliż)
L-Estonja ‘Gogol's disco’ ta' Paavo Matsin (Ingliż)
Il-Finlandja ‘Things that fall from the sky’ ta' Selja Ahava (Ingliż)
Franza ‘Au grand lavoir’ ta' Sophie Daull (Franċiż)
Il-Ġermanja ‘Der traurige Gast’ ta' Matthias Nawrat (Ġermaniż)
Il-Greċja ‘God is my witness’ ta' Makis Tsitas (Ingliż)
L-Ungerija ‘Magnetyczna gora’ ta' Reka Man-Varhegyl (Pollakk)
L-Irlanda ‘The fire starters’ ta' Jan Carson (Ingliż)
L-Italja ‘E Baboucar guidava la fila’ ta’ Giovanni Dozzini (Taljan)
Il-Latvja ‘Freedom in the nets’ ta' Osvalds Zebris (Ingliż)
Il-Litwanja ‘Those whom I would like to meet again’ ta' Giedra Radvilaviciute (Ingliż)
Il-Lussemburgu ‘Die Klasse von 77’ ta' Francis Kirps (Ġermaniż)
Malta ‘Kissirtu kullimkien’ ta' Lara Calleja (Malti)
In-Netherlands ‘The Dutch maiden’ ta' Marente de Moor (Ingliż)
Il-Polonja ‘Waqt’ ta’ Wislawa Szymborska (Malti)
Il-Portugall ‘The shelf life of happiness’ ta' David Machado (Ingliż)
Ir-Rumanija ‘Life begins on Friday’ ta' Ioana Parvulescu (Ingliż)
Slovakia ‘Toxo’ ta' Ivana Dobrakovova (Slovakk)
Is-Slovenja ‘In/Half’ ta' Jasmin B. Frelih (Ingliż)
Spanja ‘When I sing, mountains dance’ ta' Irene Sola (Ingliż)
L-Iżvezja ‘The Antarctica of love’ ta' Sara Stridsberg (Ingliż)
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 27 Marzu 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta