Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa10 Diċembru 2021Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta8 min qari

Ir-rapport annwali jistabbilixxi l-isfidi tal-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-era
diġitali

did

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet ir-rapport annwali tagħha dwar l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE. Dan huwa l-ewwel rapport li jsegwi l-istrateġija tas-sena l-oħra biex tissaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE, li ħabbar rapporti annwali b’punti tematiċi. Ir-rapport tal-2021 jiffoka fuq l-isfidi fil-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-era diġitali. Barra minn hekk, illum il-Kummissjoni se tniedi kampanja ta’ sensibilizzazzjoni dwar id-drittijiet taċ-ċittadini skont il-Karta, bi tweġiba għat-talba tagħhom biex ikunu jafu aħjar id-drittijiet tagħhom u fejn jistgħu jirrikorru jekk jinkisru. 

Vera Jourova, il-Viċi President għall-Valuri u t-Trasparenza, qalet: "Id-drittijiet fundamentali ma jistgħux jitqiesu bħala fatt. Huma jistgħu jiġu sfidati b’ħafna modi. F’dawn l-aħħar sentejn, il-pandemija tal-COVID-19 affettwat ħajjet kulħadd u fakkritna bid-dnewwa li d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali tagħna huma l-aktar prezzjużi. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE hija għodda b’saħħitha biex tipproteġi lin-nies u ssaħħaħ id-drittijiet tagħhom." 

Didier Reynders, il-Kummissarju għall-Ġustizzja, żied jgħid: "Il-missjoni tagħna hija li niggarantixxu l-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali f’ħajjitna, irrispettivament minn jekk jinteraġixxux online jew offline. Id-drittijiet fundamentali jiżguraw li nistgħu nkunu min aħna; dawn jippermettulna nipparteċipaw fis-soċjetà b’mod li jagħmel sens. Il-Kummissjoni għamlitha prijorità li ssawwar it-tranżizzjoni diġitali b’mod li jkun ta’ benefiċċju għal kulħadd u li ħadd ma jitħalla lura. Ir-rapport tal-lum juri l-isfidi li rridu nindirizzaw, bħat-trażżin tad-diskors ta’ mibegħda online jew it-tnaqqis tad-distakk diġitali. Il-Kummissjoni hija impenjata li tkompli bil-ħidma tagħna u tikseb l-objettivi tagħna." 

Ħames oqsma ta’ politika ewlenin tar-rapport 

L-indirizzar tal-isfidi tal-moderazzjoni online. It-tixrid ta’ kontenut illegali fuq l-internet huwa sfida għad-diskors demokratiku u għal għadd ta’ drittijiet fundamentali. F’Diċembru 2020, il-Kummissjoni pproponiet miżuri regolatorji biex tindirizza l-kontenut illegali filwaqt li tipproteġi d- drittijiet fundamentali permezz tal-Att dwar is-Servizzi Diġitali. Barra minn hekk, hija tippromwovi miżuri volontarji permezz tal-Kodiċi dwar il- ġlieda kontra d-diskors ta’ mibegħda illegali online. Fid-9 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni pproponiet ukoll inizjattiva biex testendi l-lista ta’ reati tal-UE biex tinkludi diskors ta’ mibegħda u reati ta’ mibegħda. 

Is-salvagwardja tad-drittijiet fundamentali fejn tintuża l-intelliġenza artifiċjali. L-użu dejjem jiżdied tas-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali jista’ jrendi benefiċċji kbar, iżda ċerti applikazzjonijiet huma kumplessi u opaki, li jistgħu jkunu sfida għall-konformità mad-drittijiet fundamentali jew għall-infurzar tagħhom. Ħafna Stati Membri żviluppaw strateġiji nazzjonali dwar l-intelliġenza artifiċjali biex jiżguraw it-trasparenza, it-traċċabbiltà u r-robustezza u jsibu modi effettivi biex jikkonformaw mad-drittijiet fundamentali. F’April 2021, il-Kummissjoni pproponiet att leġiżlattiv biex tiżgura li s-sistemi tal-intelliġenza artifiċjali li jippreżentaw riskju għoli għad-drittijiet fundamentali jiġu ttestjati u dokumentati kif xieraq. 

L-indirizzar tad-distakk diġitali. Il-pandemija tal-COVID-19 għamlitha aktar diffiċli għal dawk mingħajr l-għarfien jew it-tagħmir meħtieġ biex jaċċessaw is-servizzi pubbliċi li jiġu offruti online. Ir-rapport juri kif l-Istati Membri u l-UE jaħdmu fuq approċċi differenti biex jiżguraw li ħadd ma jitħalla lura. Is-solidarjetà tibqa’ prinċipju ewlieni fl-indirizzar tad-distakk diġitali. 

Il-protezzjoni tan-nies li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi. Ix-xogħol fuq pjattaforma diġitali ġġenera opportunitajiet ekonomiċi ġodda għan-nies, in-negozji u l-konsumaturi. Madankollu, inħolqot ukoll sfida għad-drittijiet u l-obbligi eżistenti relatati mal-liġi tax-xogħol u l-protezzjoni soċjali. Fit-8 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni adottat inizjattiva leġiżlattiva biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-persuni li jaħdmu permezz ta’ pjattaformi tax-xogħol diġitali, filwaqt li tappoġġa t-tkabbir sostenibbli tal-pjattaformi tax-xogħol diġitali fl-Unjoni. 

Superviżjoni tas-sorveljanza diġitali. Is-sorveljanza tista’ tkun leġittima, pereżempju biex tiżgura s-sigurtà u l-ġlieda kontra l-kriminalità, iżda mhux il-prattiki kollha huma ġustifikati. F’dan il-kuntest, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza mhumiex biss drittijiet fundamentali ewlenin iżda wkoll drittijiet “li jippermettu” li jżidu l-protezzjoni ta’ drittijiet fundamentali oħra, li jistgħu jiġu affettwati mis-sorveljanza. 

Il-passi li jmiss 

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Istati Membri biex jużaw dan ir-rapport biex jinvolvu ruħhom fi skambji dwar l-isfidi u l-opportunitajiet għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fl-era diġitali. 

Sfond 

Fit-2 ta’ Diċembru 2020, il-Kummissjoni Ewropea ppreżentat Strateġija biex issaħħaħ l-applikazzjoni tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali fl-UE. L-istrateġija tikkumplimenta l- Pjan ta’Azzjoni Ewropew għad-Demokrazija u r-rapport dwar l- Istat tad-Dritt, li juri l-approċċ komprensiv tal-Kummissjoni għall-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet u l-valuri fundamentali tal-UE. L-Istrateġija għandha l-għan li jkollha rapport annwali li jeżamina kif l-Istati Membri japplikaw il-Karta f’qasam tematiku magħżul. 

Il-programm taċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (CERV) għandu l-għan li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet u l-valuri tal-Unjoni Ewropea kif minqux fit-Trattati tal-UE u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Il-Kummissjoni dalwaqt se tniedi sejħa għal proposti dwar il-valuri tal-Unjoni li tagħmel disponibbli EUR 51 miljun għall-appoġġ tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali. Din is-sejħa tikkumplimenta r-rapport annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Karta billi toffri opportunitajiet konkreti ta’ finanzjament lill-NGOs li jaħdmu fil-livell lokali dwar l-implimentazzjoni tal-Karta u l-promozzjoni tad-drittijiet fundamentali. Il-Kummissjoni fetħet ukoll sejħiet għal finanzjament tal-UE dwar l-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini (EUR 17-il miljun) u l-Promozzjoni tal-bini tal-kapaċità u l-għarfien dwar il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u attivitajiet dwar litigazzjoni strateġika relatata mad-demokrazija, l-istat tad-dritt u l-ksur tad-drittijiet fundamentali (EUR 2 miljun). 

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
10 Diċembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta