INTRODUZZJONI - NIKSBU GĦAL-LUM, INĦEJJU GĦAL GĦADA
Onorevoli Membri,
Fadal biss 300 jum qabel ma l-Ewropej joħorġu jivvotaw fid-demokrazija unika u speċjali tagħna.
Bħal f'kull elezzjoni oħra, se jkun iż-żmien biex il-poplu jirrifletti dwar l-Istat tal-Unjoni tagħna u l-ħidma li saret mir-rappreżentanti tiegħu.
Iżda se jkun ukoll iż-żmien biex niddeċiedu dwar is-sura tal-ġejjieni u dwar x'għamla ta' Ewropa rridu.
Fosthom se jkun hemm miljuni li se jivvotaw għall-ewwel darba, l-iżgħar fosthom se jkunu twieldu fl-2008.
Hekk kif se jsibu ruħhom fil-kabina tal-vot se jirriflettu dwar x'inhu importanti għalihom.
Se jaħsbu fil-gwerra li għaddejja fuq il-fruntieri tagħna.
Dwar l-impatt qerriedi tat-tibdil fil-klima.
Dwar kif l-intelliġenza artifiċjali se taffettwalhom ħajjithom.
Jew dwar il-possibbiltà tagħhom li jiksbu dar jew xogħol fil-ġejjieni.
Illum l-Unjoni tagħna tirrefletti l-viżjoni ta' dawk li ħolmu ġejjieni aħjar wara t-Tieni Gwerra Dinjija.
Ġejjieni fejn Unjoni ta' nazzjonijiet, demokraziji u nies jaħdmu id f'id biex jaqsmu l-paċi u l-prosperità.
Huma emmnu li l-Ewropa kienet it-tweġiba għas-sejħa tal-istorja.
Meta nitkellem mal-ġenerazzjoni ġdida ta' żgħażagħ, nara l-istess viżjoni għal futur aħjar.
L-istess ħerqa sfiqa biex nibnu xi ħaġa aħjar.
L-istess twemmin li f'dinja ta' inċertezza, għal darba' oħra l-Ewropa trid twieġeb għas-sejħa tal-istorja.
U dan huwa dak li rridu nagħmlu flimkien.
Onorevoli Membri,
Dan jibda billi nirbħu l-fiduċja tal-Ewropej biex nindirizzaw l-aspirazzjonijiet u l-ansjetajiet tagħhom.
U fit-300 jum li fadal irridu nispiċċaw ix-xogħol li fdawlna f'idejna.
Nixtieq nirringrazzja lil dan il-Parlament għar-rwol ewlieni tiegħu fit-twettiq tal-aktar trasformazzjonijiet ambizzjużi li qatt inbdew mill-Ewropa.
Naf li meta ġejt quddiemkom fl-2019 bil-programm għal Ewropa ekoloġika, diġitali u ġeopolitika uħud minnkom kellhom xi dubji.
U dan kien qabel ma d-dinja nqalbet ta' taħt fuq b'pandemija dinjija u gwerra qerrieda fl-Ewropa.
Iżda araw fejn tinsab l-Ewropa llum.
Twieldet Unjoni ġeopolitika - li tappoġġa lill-Ukrajna, li tieqaf lill-agressjoni Russa, li twieġeb għal Ċina assertiva u li tinvesti fl-isħubijiet.
Issa għandna Patt Ekoloġiku Ewropew fil-qalba tal-ekonomija tagħna u mingħajr preċedent fl-ambizzjoni tiegħu.
Konna fuq quddiem fit-tranżizzjoni diġitali u sirna pijunieri globali dwar id-drittjiet online.
Għandna n-NextGenerationEU storiku - li jlaqqa' 800 biljun euro f'investiment u riforma - u li joħloq xogħlijiet diċenti għal-lum u għall-futur.
Bdejna naħdmu fuq Unjoni tas-Saħħa, li għenet fit-tlaqqim ta' kontinent sħiħ - u anke ta' partijiet kbar mid-dinja.
Bdejna nsiru aktar indipendenti f'setturi kritiċi, bħall-enerġija, iċ-ċipep u l-materja prima.
Nixtieq nirringrazzjakom ukoll għall-ħidma rivoluzzjonarja u pijuniera li għamilna fuq l-ugwaljanza bejn il-ġeneri.
Bħala mara, dan ifisser ħafna għalija.
Ikkonkludejna fajls li bosta ħasbu li se jibqgħu mblukkati għal dejjem, bħad-Direttiva dwar in-Nisa fil-Bordijiet u l-adeżjoni storika tal-UE għall-Konvenzjoni ta' Istanbul.
Permezz tad-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi daħħalna fil-liġi l-prinċipju bażiku li l-istess xogħol ħaqqu l-istess paga.
Ma hemm l-ebda argument il-għaliex mara għandha titħallas anqas minn raġel għall-istess tip ta' xogħol.
Iżda fadlilna ħafna x'nagħmlu u rridu nkomplu nħabirku flimkien favur il-progress.
Naf li dan il-Parlament jappoġġa l-proposta tagħna dwar il-ġlieda tal-vjolenza kontra n-nisa.
F'dan il-każ ukoll nixtieq li ndaħħlu fis-seħħ prinċipju legali bażiku ieħor: Le tfisser le.
Ma jistax ikun hemm ugwaljanza mingħajr ħelsien mill-vjolenza.
U bis-saħħa ta' dan il-Parlament, tal-Istati Membri u tat-tim ta' Kummissarji tiegħi, wettaqna aktar minn 90% tal-Linji Gwida Politiċi li ressaqt fl-2019.
Flimkien tajna prova li Ewropa qalbiena tikseb riżultati.
Fadlilna ħafna x'nagħmlu - ejja nżommu id f'id.
Ejjew nagħmlu l-kisbiet tal-lum u nħejju għall-ġejjieni.
IL-PATT EKOLOĠIKU EWROPEW
Onorevoli Membri,
Erba' snin ilu l-Patt Ekoloġiku Ewropew kienet it-tweġiba tagħna għas-sejħa tal-istorja.
U dan is-sajf - l-aktar wieħed sħun li qatt ġie rreġistrat fl-Ewropa - kien tfakkira ċara dwar dan.
Il-Greċja u Spanja ntlaqtu minn nirien fis-selvaġġ - u ftit ġimgħat wara ntlaqtu minn għargħar devastanti.
Rajna l-kaos u l-qerda tat-temp estrem - mis-Slovenja sal-Bulgarija u madwar l-Unjoni kollha.
Din hija r-realtà tal-pjaneta tagħna li qed tagħli.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew twieled minn din in-neċessità li nħarsu lill-pjaneta tagħna.
Iżda tfassal ukoll bħala opportunità biex nippriżervaw il-prosperità futura tagħna.
Bdejna dan il-mandat billi ffissajna perspettiva fit-tul permezz tal-liġi dwar il-klima u l-mira tal-2050.
Qlibna l-aġenda klimatika għal waħda ekonomika.
Dan ta sens ċar ta' direzzjoni lill-investiment u lill-innovazzjoni tagħna.
Din l-istrateġija tat-tkabbir diġà qed tagħti l-frott fuq żmien qasir.
Kuljum l-industrija Ewropa tinsab lesta biex tagħti l-poter lil din it-tranżizzjoni.
Dan jagħti prova li l-modernizzazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni jistgħu jimxu id f'id.
Fl-aħħar ħames snin l-għadd ta' fabbriki tal-azzar nadif fl-UE żdied minn xejn għal 38.
Issa qed nattiraw aktar investiment fl-idroġenu nadif mill-Istati Uniti u ċ-Ċina f'salt.
U għada se nkun id-Danimarka mal-Prim Ministru Mette Frederiksen biex nara dik l-innovazzjoni b'għajnejja stess.
Se nniedu l-ewwel bastiment tal-kontejners b'magni tal-metanol nadif li jinħoloq permezz tal-enerġija tax-xemx.
Din hija s-saħħa tat-tweġiba tal-Ewropa għat-tibdil fil-klima.
Il-Patt Ekoloġiku Ewropew jipprovdi l-qafas, inċentivi u investiment meħtieġa - iżda huma n-nies, l-inventuri u l-inġiniera li se jsibu s-soluzzjonijiet.
U din hija r-raġuni għaliex, Onorevoli Membri,
hekk kif deħlin fil-fażi li jmiss tal-Patt Ekoloġiku Ewropew, hemm ħaġa li qatt ma hija se tinbidel.
Se nibqgħu nappoġġaw lill-industrija Ewropea matul din it-tranżizzjoni.
Bdejna b'pakkett ta' miżuri - mill-Att dwar l-Industrija b'Emissjonijiet Żero Netti għall-Att dwar il-Materja Prima Kritika.
Bl-Istrateġija Industrijali tagħna qed inqisu r-riskji u l-ħtieġa ta' kull ekosistema f'din it-tranżizzjoni.
Irridu niffinalizzaw din il-ħidma.
U permezz ta' dan jeħtiġilna niżviluppaw approċċ għal kull wieħed mill-ekosistemi industrijali.
Għaldaqstant, minn dan ix-xahar se nibdew sensiela ta' Djalogi dwar it-Tranżizzjoni Nadifa mal-industrija.
L-għan ewlieni se jkun li nappoġġaw lil kull settur fl-ippjanar tal-mudell kummerċjali tiegħu għad-dekarbonizzazzjoni tal-industrija.
Għaliex nemmnu li din it-tranżizzjoni hija essenzjali għall-kompetittività tal-Ewropa fil-ġejjieni.
Iżda dan għandu x'jaqsam ukoll man-nies u l-impjiegi tagħhom tal-lum.
Pereżempju, l-industrija eolika tagħna hija suċċess Ewropew.
Iżda bħalissa qed tħabbat wiċċha ma' taħlita unika ta' sfidi.
Huwa għalhekk li se nressqu pakkett dwar l-Enerġija Eolika Ewropa – b'ħidma mill-qrib mal-industrija u mal-Istati Membri.
Se nkomplu ngħaġġlu l-ħruġ ta' permessi.
Se ntejbu s-sistemi ta' rkant madwar l-Ewropa.
Se niffokaw fuq il-ħiliet, l-aċċess għall-finanzi u l-istabbiltà tal-katini tal-provvista.
Iżda dan huwa akbar minn settur wieħed:
Mir-riħ sal-azzar, mill-batteriji sal-vetturi elettriċi, l-ambizzjoni tagħna hija ċara daqs il-kristall: Il-ġejjieni tal-industrija teknoloġika nadifa tagħna għandu jsir fl-Ewropa.
Onorevoli Membri,
Dan ifisser li f'dak li għandu x'jaqsam mal-Patt Ekoloġiku Ewropew:
Se nżommu mad-direzzjoni li ħadna.
Se nibqgħu ambizzjużi.
Se nibqgħu għaddejjin fl-istrateġija ta' tkabbir tagħna.
U se nistinkaw dejjem għal tranżizzjoni ekwa u ġusta!
Dan ifisser eżitu ġust għall-ġenerazzjonijiet tal-ġejjieni - li jkunu jistgħu jgħixu f'dinja b'saħħitha.
U tranżizzjoni ekwa għal dawk kollha li jintlaqtu - b'impjiegi diċenti u wegħda solenni li ma nħallu lil ħadd jibqa' lura.
Ġibu quddiem għajnejkom l-impjiegi fil-manifattura u l-kompetittività: suġġett li qed isiru ħafna diskussjonijiet dwaru dan l-aħħar.
L-industrija u l-kumpaniji teknoloġiċi tagħna jħobbuha l-kompetittività.
Jafu li l-kompetizzjoni globali tajba għan-negozju.
Li toħloq u tipproteġi impjiegi aħjar fl-Ewropa.
Iżda l-kompetizzjoni tkun tajba biss jekk tibqa' waħda ġusta.
Ta' sikwit il-kumpaniji tagħna jiġu esklużi minn swieq barranin jew ikunu vittmi ta' prattiki predatorji.
Il-pożizzjoni tagħhom tiġi mminata minn kompetituri li jibbenefikaw minn sussidji statali enormi.
Ma nsejniex li l-prattiki kummerċjali inġusti taċ-Ċina affettwaw l-industrija solari tagħna.
Ħafna negozji ġodda ġew eliminati minn kompetituri Ċiniżi b'sussidji kbar.
Kumpaniji pijunieri fallew.
Talenti promettenti telqu jfittxu xortihom barra.
Din hija r-raġuni għaliex il-ġustizzja fl-ekonomija globali hija daqstant importanti - għaliex taffettwa l-ħajjiet u l-għajxien tan-nies.
Industriji u komunitajiet sħaħ jiddependu fuqha.
Għaldaqstant irridu niftħu għajnejna għar-riskji li qed niffaċċjaw.
Ħudu, pereżempju, is-settur tal-vetturi elettriċi.
Hija industrija kruċjali għall-ekonomija nadifa, b'potenzjal enormi għall-Ewropa.
Iżda issa s-swieq globali jinsabu mgħarrqa b'karozzi elettriċi Ċiniżi bi prezzijiet orħos.
U l-prezzijiet tagħhom jinżammu baxxi b'mod artifiċjali permezz ta' sussidji Statali enormi.
Dan qed joħloq distorsjoni fis-suq tagħna.
U peress li ma naċċettawx li dan jitwettaq minn ġewwa, lanqas mhu se naċċettawh minn barra.
Għaldaqstant illum nista' nħabbar li l-Kummissjoni qed tniedi investigazzjoni kontra s-sussidji fil-vetturi elettriċi li jiġu miċ-Ċina.
L-Ewropa hija miftuħa għall-kompetizzjoni. Mhux ġirja lejn l-aktar livell baxx.
Irridu niddefendu nfusna minn dawn il-prattiki inġusti.
Iżda bl-istess mod, se jkun vitali li nibqgħu nikkomunikaw u niddjalogaw maċ-Ċina.
Għax hemm ukoll suġġetti fejn nistgħu u għandna nikkooperaw.
It-tnaqqis tar-riskji, mhux il-qtugħ tal-kuntatt – dan se jkun l-approċċ tiegħi mat-tmexxija Ċiniża fis-Summit bejn l-UE u ċ-Ċina li se jsir aktar tard din is-sena.
Onorevoli Membri,
Fl-Unjoni Ewropea, ninsabu kburin bid-diversità kulturali tagħna.
Aħna l-“Ewropa tar-Reġjuni” b'varjetà unika ta' lingwi, mużika, arti, tradizzjonijiet, artiġjanat u speċjalitajiet kulinarji.
Aħna wkoll kontinent ta' diversità bijoloġika unika.
Madwar 6500 speċi jinsabu fl-Ewropa biss.
Fit-Tramuntana tal-Ewropa, jinsab is-Sit ta' Wirt Dinji Wadden, li huwa ħabitat uniku li fih jgħixu speċijiet rari ta' flora u fawna u li huwa post fejn jgħixu miljuni ta' għasafar migratorji.
U bil-Baħar Baltiku, għandna l-akbar baħar bl-ilma salmastru fid-dinja.
Lejn in-Nofsinhar ta' dan, hemm il-Pjanura Baxxa Ewropea, li hija kkaratterizzata minn artijiet moxa u artijiet mistagħdra kbar.
Dawn ir-reġjuni huma alleati importanti kontra l-progress tat-tibdil fil-klima.
L-artijiet moxa u l-artijiet mistagħdra protetti jassorbu ammonti kbar ta' gassijiet serra, jiżguraw iċ-ċikli tal-ilma reġjonali u huma l-post fejn tgħix bijodiversità unika.
U l-Ewropa hija kontinent tal-foresti.
Mill-foresti koniferi abbundanti fit-Tramuntana u fil-Lvant, sal-foresti antiki tal-ballut u tal-fagu li fadal fl-Ewropa Ċentrali, u sal-foresti tal-ballut tas-sufra fin-Nofsinhar tal-Ewropa, dawn il-foresti kollha jipprovdu sors mhux sostitwibbli ta' oġġetti u servizzi.
Huma jassorbu d-dijossidu tal-karbonju, jipprovdu injam u prodotti oħra, jipproduċu ħamrija fertili, u jiffiltraw l-arja u l-ilma.
Il-bijodiversità u s-servizzi tal-ekosistema huma vitali għalina lkoll fl-Ewropa.
It-telf ta' din in-natura jeqred mhux biss il-pedamenti tal-ħajja tagħna, iżda wkoll is-sentiment ta' fejn wieħed iħossu komdu.
Irridu nipproteġuha.
U fl-istess ħin, l-iżgurar tal-provvista tal-ikel tagħna, f'armonija man-natura, għandu jibqa' kompitu essenzjali.
Nixtieq nieħu din l-opportunità biex nuri l-apprezzament tiegħi lill-bdiewa tagħna u nirringrazzjahom talli jipprovdulna l-ikel jum wara jum.
Ikel tajjeb għas-saħħa – dan il-kompitu tal-agrikoltura huwa l-bażi tal-politika agrikola tagħna hawnhekk fl-Ewropa.
U anki l-awtosuffiċjenza tal-provvista tal-ikel hija importanti għalina.
Dan kollu jagħmluh il-bdiewa tagħna.
Dan il-kompitu mhuwiex dejjem faċli, peress li l-konsegwenzi tal-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, it-tibdil fil-klima li qed iġib miegħu nixfiet, nirien fil-foresti u għargħar, u impenji ġodda kollha qed ikollhom impatt dejjem akbar fuq il-ħidma tal-bdiewa u d-dħul tagħhom.
Dan irridu nżommuh f'moħħna.
Ħafna diġà qed jaħdmu sabiex ikun hemm forma ta' agrikoltura aktar sostenibbli.
Irridu naħdmu flimkien mal-irġiel u n-nisa fl-agrikoltura sabiex nindirizzaw dawn l-isfidi l-ġodda.
Dan huwa l-uniku mod biex niżguraw il-provvista tal-ikel tagħna għall-futur.
Neħtieġu aktar djalogu u anqas polarizzazzjoni.
Huwa għalhekk li rridu nniedu djalogu strateġiku dwar il-futur tal-agrikoltura fl-UE.
Ninsab konvint li l-agrikoltura u l-konservazzjoni tan-natura jistgħu jimxu id f'id.
Neħtieġu t-tnejn li huma.
EKONOMIJA, SOĊJALI U KOMPETITTIVITÀ
Onorevoli Membri,
Tranżizzjoni ġusta għall-bdiewa, għall-familji, għall-industrija.
Din hija l-karatteristika distintiva ta' dan il-Mandat.
U huwa aktar importanti hekk kif qed niffaċċjaw ostakli ekonomiċi kbar.
Nara tliet sfidi ekonomiċi maġġuri għall-industrija tagħna fis-sena li ġejja: nuqqas ta' ħaddiema u ħiliet, inflazzjoni, u negozju aktar faċli għall-kumpaniji tagħna.
L-ewwel waħda għandha x'taqsam mas-suq tax-xogħol.
Għadna ma nsejniex l-ewwel jiem tal-pandemija globali.
Meta kulħadd bassar mewġa ġdida ta' qgħad tal-massa bħal fis-snin tletin.
Iżda aħna sfidajna din it-tbassira.
Permezz ta' SURE – l-ewwel inizjattiva Ewropea ta' xogħol b'ħinijiet aqsar li qatt saret – salvajna 40 miljun impjieg.
Din hija l-ekonomija soċjali tas-suq Ewropea fil-prattika.
U nistgħu nkunu kburin b'dan!
Imbagħad minnufih erġajna bdejna nħaddmu l-magna ekonomika tagħna bis-saħħa tan-Next Generation EU.
U llum qed naraw ir-riżultati.
L-Ewropa qed tqarreb lejn okkupazzjoni sħiħa.
Minflok miljuni ta' nies ifittxu l-impjiegi, miljuni ta' impjiegi qed ifittxu n-nies.
In-nuqqas ta' ħaddiema u ta' ħiliet qed jilħaq livelli rekord – kemm hawnhekk kif ukoll fl-ekonomiji ewlenin kollha.
74% tal-SMEs qed jgħidu li qed jiffaċċjaw nuqqas ta' ħiliet.
Fl-aqwa tal-istaġun turistiku, ir-ristoranti u l-bars fl-Ewropa qed jaħdmu b'sigħat imnaqqsa għax ma jistgħux isibu ħaddiema.
L-isptarijiet qed jipposponu t-trattamenti minħabba nuqqas ta' infermiera.
U żewġ terzi tal-kumpaniji Ewropej qed ifittxu speċjalisti tal-IT.
Fl-istess ħin, miljuni ta' ġenituri – l-aktar ommijiet – qed isibuha diffiċli biex jirrikonċiljaw x-xogħol mal-ħajja tal-familja, peress li m'hemmx indukrar tat-tfal.
U 8 miljun żagħżugħ u żagħżugħa jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ.
Il-ħolm tagħhom miżmum, ħajjithom wieqfa.
Dan mhux biss il-kawża ta' ħafna tbatija personali.
Iżda wkoll wieħed mill-iktar ostakli sinifikanti għall-kompetittività tagħna.
Dan għaliex in-nuqqas ta' ħaddiema jxekkel il-kapaċità għall-innovazzjoni, it-tkabbir u l-prosperità.
Għalhekk irridu ntejbu l-aċċess għas-suq tax-xogħol.
L-aktar importanti għaż-żgħażagħ, għan-nisa.
U għandna bżonn migrazzjoni kwalifikata.
Barra minn hekk, jeħtieġ li nwieġbu għall-bidliet profondi fit-teknoloġija, is-soċjetà u d-demografija.
U għal dan l-għan, għandna noqogħdu fuq l-għarfien espert tan-negozji u t-trade unions, is-sħab tan-negozjar kollettiv tagħna.
Għaddew kważi erbgħin sena minn meta Jacques Delors sejjaħ il-laqgħa ta' Val Duchesse li wasslet għat-twelid tad-djalogu soċjali Ewropew.
Minn dak iż-żmien 'l hawn, is-sħab soċjali sawru l-Unjoni tal-lum – filwaqt li żguraw il-progress u l-prosperità għal miljuni ta' nies.
U hekk kif id-dinja ta' madwarna qed tinbidel b'rata aktar mgħaġġla minn qatt qabel, is-sħab soċjali jridu jerġgħu jkunu fil-qalba tal-futur tagħna.
Flimkien irridu niffukaw fuq l-isfidi li qed jiffaċċja s-suq tax-xogħol – minn nuqqas ta' ħiliet u ħaddiema, għal sfidi ġodda li jirriżultaw mill-IA.
Huwa għalhekk li flimkien mal-Presidenza Belġjana s-sena d-dieħla, se nerġgħu nlaqqgħu Summit tas-Sħab Soċjali ġdid f'Val Duchesse.
Il-futur tal-Ewropa se jinbena mas-sħab soċjali tagħna u minnhom.
It-tieni sfida ekonomika ewlenija: inflazzjoni għolja persistenti.
Christine Lagarde u l-Bank Ċentrali Ewropew qed jaħdmu qatigħ biex iżommu l-inflazzjoni taħt kontroll.
Nafu li r-ritorn għall-mira ta' terminu medju tal-BĊE se jieħu xi żmien.
L-aħbar it-tajba hija li l-Ewropa bdiet tnaqqas il-prezzijiet tal-enerġija.
Ma nsejniex l-użu deliberat ta' Putin tal-gass bħala arma u kif dan ġab miegħu biżgħat ta' blackout u l-kriżi tal-enerġija bħal fis-snin sebgħin.
Ħafna ħasbu li mhux se jkollna biżżejjed enerġija għall-bżonnijiet tagħna matul ix-xitwa.
Iżda wasalna.
Dan għaliex bqajna magħqudin - billi ġbarna flimkien id-domanda tagħna u xtrajna l-enerġija flimkien.
U fl-istess ħin, differenti minn fis-snin sebgħin, użajna l-kriżi biex ninvestu b'mod massiv f'sorsi tal-enerġija rinnovabbli u nħaffu t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
Użajna l-massa kritika tal-Ewropa biex innaqqsu l-prezzijiet u niżguraw il-provvista tagħna.
Sena ilu, il-prezz tal-gass fl-Ewropa kien ta' aktar minn EUR 300 għal kull MWh. Issa huwa madwar 35.
Għalhekk irridu nħarsu lejn kif nistgħu nirreplikaw dan il-mudell ta' suċċess f'oqsma oħra bħall-materja prima kritika jew l-idroġenu nadif.
It-tielet sfida għall-kumpaniji Ewropej hija li niffaċiltaw il-mod kif isir in-negozju.
Il-kumpaniji ż-żgħar ma għandhomx il-kapaċità li jlaħħqu ma' amministrazzjoni kumplessa.
Jew inkella jinżammu lura minħabba proċessi twal.
Dan spiss ifisser li jagħmlu inqas biż-żmien li jkollhom – u li jitilfu l-opportunitajiet ta' tkabbir.
Huwa għalhekk li, qabel l-aħħar tas-sena – se naħtru rappreżentant tal-UE għall-SMEs li se jirrapporta direttament lili.
Irridu nisimgħu direttament min-negozji żgħar u ta' daqs medju, dwar l-isfidi ta' kuljum tagħhom.
Għal kull biċċa leġiżlazzjoni ġdida nwettqu kontroll tal-kompetittività minn bord indipendenti.
U x-xahar d-dieħel se nagħmlu l-ewwel proposti leġiżlattivi biex innaqqsu l-obbligi ta' rappurtar fil-livell Ewropew b'25 %.
Onorevoli Membri,
Ejjew inkunu onesti – dan mhux se jkun faċli.
U se jkollna bżonn l-appoġġ tagħkom.
Għaliex dan huwa sforz komuni għall-istituzzjonijiet Ewropej kollha.
Għalhekk irridu naħdmu wkoll mal-Istati Membri, biex nilħqu l-25 % fil-livell nazzjonali.
Wasal iż-żmien li niffaċilitaw in-negozju fl-Ewropa!
Iżda l-kumpaniji Ewropej jeħtieġu wkoll aċċess għal teknoloġiji ewlenin biex jinnovaw, jiżviluppaw u jimmanifatturaw.
Din hija kwistjoni ta' sovranità Ewropea kif enfasizzaw il-Mexxejja Ewropej f'Versailles.
Huwa imperattiv ekonomiku u tas-sigurtà nazzjonali li jiġi ppreservat vantaġġ Ewropew fuq it-teknoloġiji kritiċi u emerġenti.
Din il-politika industrijali Ewropea teħtieġ ukoll finanzjament Ewropew komuni.
Huwa għalhekk li, – bħala parti mill-proposta tagħna għal rieżami tal-baġit tagħna — ipproponejna l-pjattaforma STEP.
Permezz ta' STEP, nistgħu nagħtu spinta, nigranaw u nidderieġu l-fondi tal-UE biex ninvestu f'kollox mill-mikroelettronika sal-computing kwantistiku u l-IA.
Mill-bijoteknoloġija sat-teknoloġija nadifa.
Il-kumpaniji tagħna issa jeħtieġu dan l-appoġġ – għalhekk inħeġġeġ li jintlaħaq ftehim malajr dwar il-proposta tal-baġit tagħna.
U naf li nista' noqgħod fuq din il-Kamra.
U hemm aktar affarijiet fir-rigward tal-kompetittività.
Rajna ostakli reali tul il-ktajjen tal-provvista globali, inkluż minħabba l-politiki intenzjonati ta' pajjiżi oħra.
Aħsbu ftit fuq ir-restrizzjonijiet tal-esportazzjonijiet taċ-Ċina fuq il-gallju u l-ġermanju – li huma essenzjali għal prodotti bħas-semikondutturi u l-pannelli solari.
Dan juri għaliex huwa tant importanti għall-Ewropa li żżid is-sigurtà ekonomika.
Bit-tnaqqis tar-riskju u mhux bil-qtugħ tal-kuntatt.
U ninsab kburija ferm li dan il-kunċett sab appoġġ wiesa' mis-sħab ewlenin.
Mill-Awstralja sal-Ġappun u l-Istati Uniti.
U ħafna pajjiżi oħra madwar id-dinja jridu jaħdmu flimkien.
Ħafna huma dipendenti żżejjed fuq fornitur wieħed għall-minerali kritiċi.
Oħrajn – mill-Amerika Latina għall-Afrika – iridu jiżviluppaw industriji lokali għall-ipproċessar u r-raffinar, minflok sempliċiment jittrasportaw ir-riżorsi tagħhom barra mill-pajjiż.
Huwa għalhekk li aktar tard din is-sena se nsejħu l-ewwel laqgħa tal-Klabb dwar il-Materja Prima Kritika l-ġdid tagħna.
Fl-istess ħin, se nkomplu nixprunaw kummerċ miftuħ u ġust.
S'issa, ikkonkludejna ftehimiet ġodda ta' kummerċ ħieles maċ-Ċilì, New Zealand u l-Kenja.
Għandna nimmiraw li nlestu l-ftehimiet mal-Awstralja, il-Messiku u l-Mercosur sal-aħħar ta' din is-sena.
U ftit wara mal-Indja u l-Indoneżja.
Il-kummerċ intelliġenti jipprovdi impjiegi tajbin u prosperità.
Onorevoli Membri,
Dawn it-tliet sfidi – ix-xogħol, l-inflazzjoni u l-ambjent tan-negozju – jaslu fi żmien meta qed nitolbu wkoll lill-industrija biex tmexxi t-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa.
Għalhekk hemm bżonn li nħarsu 'l quddiem u nistabbilixxu kif se nibqgħu kompetittivi aħna u nagħmlu dan.
Huwa għalhekk li staqsejt lil Mario Draghi – wieħed mill-imħuħ ekonomiċi kbar tal-Ewropa – biex iħejji rapport dwar il-futur tal-kompetittività Ewropea.
Għaliex l-Ewropa se tagħmel “kulma hemm bżonn” biex iżżomm il-vantaġġ kompetittiv tagħha.
DIĠITALI u IA
Onorevoli Membri,
Meta niġu biex nagħmlu n-negozju u l-ħajja aktar faċli, rajna kemm hija importanti t-teknoloġija diġitali.
Huwa sinifikanti li qbiżna bil-kbir il-mira ta' investiment ta' 20 % fi proġetti diġitali ta' NextGenerationEU.
L-Istati Membri użaw dak l-investiment biex jiddiġitalizzaw il-kura tas-saħħa, is-sistema tal-ġustizzja jew in-network tat-trasport tagħhom.
Fl-istess ħin, l-Ewropa kienet fuq quddiem fil-ġestjoni tar-riskji tad-dinja diġitali.
L-internet inħoloq bħala strument għall-kondiviżjoni tal-għarfien, il-ftuħ tal-imħuħ u l-konnessjoni tan-nies.
Iżda dan wassal ukoll għal sfidi serji.
Id-diżinformazzjoni, it-tixrid ta' kontenut dannuż, ir-riskji għall-privatezza tad-data tagħna.
Dan kollu wassal għal nuqqas ta' fiduċja u ksur tad-drittijiet fundamentali tan-nies.
B'reazzjoni għal dan, l-Ewropa saret il-pijunier globali tad-drittijiet taċ-ċittadini fid-dinja diġitali.
Id-DSA u d-DMA qed joħolqu spazju diġitali aktar sikur fejn id-drittijiet fundamentali huma protetti.
U qed jiżguraw ġustizzja b'responsabbiltajiet ċari għall-kumpaniji kbar tat-teknoloġija.
Din hija kisba storika – u għandna nkunu kburin biha.
L-istess għandu jkun il-każ għall-intelliġenza artifiċjali.
Din se ttejjeb il-kura tas-saħħa, issaħħaħ il-produttività, tindirizza t-tibdil fil-klima.
Iżda m'għandniex nissottovalutaw it-theddid tant reali.
Mijiet ta' żviluppaturi, akkademiċi u esperti ewlenin tal-IA wissewna dan l-aħħar b'dan li ġej:
“Il-mitigazzjoni tar-riskju tal-estinzjoni mill-IA għandha tkun prijorità globali flimkien ma' riskji oħra fuq skala tas-soċjetà bħall-pandemiji u l-gwerra nukleari.”
L-IA hija teknoloġija ġenerali li hija aċċessibbli, b'saħħitha u adattabbli għal firxa wiesgħa ta' użi – kemm ċivili kif ukoll militari.
U qed timxi b'rata aktar mgħaġġla milli antiċipaw saħansitra l-iżviluppaturi tagħha.
Għalhekk għandna opportunità dejjem aktar limitata biex niggwidaw din it-teknoloġija b'mod responsabbli.
Nemmen li l-Ewropa, flimkien mas-sħab, għandha twitti t-triq għal qafas globali ġdid għall-IA, mibni fuq tliet pilastri: barrikati, governanza u l-iggwidar tal-innovazzjoni.
L-ewwel nett, il-barrikati.
Il-prijorità ewlenija tagħna hija li niżguraw li l-IA tiżviluppa b'mod iċċentrat fuq il-bniedem, trasparenti u responsabbli.
Huwa għalhekk li fil-Linji Gwida Politiċi tiegħi, impenjajt ruħi li nistabbilixxi approċċ leġiżlattiv fl-ewwel 100 jum.
Ressaqna l-Att dwar l-IA – l-ewwel liġi komprensiva fid-dinja dwar l-IA favur l-innovazzjoni.
U nixtieq nirringrazzja lil din il-Kamra u lill-Kunsill għall-ħidma bla heda fuq din il-liġi rivoluzzjonarja.
L-att tagħna dwar l-IA diġà huwa mudell għad-dinja kollha.
Issa rridu niffukaw fuq l-adozzjoni tar-regoli mill-aktar fis possibbli u ngħaddu għall-implimentazzjoni.
It-tieni pilastru huwa l-governanza.
Issa qed inqiegħdu s-sisien għal sistema ta' governanza unika fl-Ewropa.
Iżda għandna wkoll ningħaqdu mas-sħab tagħna biex niżguraw approċċ globali biex nifhmu l-impatt tal-IA fis-soċjetajiet tagħna.
Aħsbu dwar il-kontribut imprezzabbli tal-IPCC għall-klima, panel globali li jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika bl-aktar xjenza riċenti.
Nemmen li neħtieġu korp simili għall-IA – dwar ir-riskji u l-benefiċċji tagħha għall-umanità.
Ma' xjenzati, kumpaniji tat-teknoloġija u esperti indipendenti madwar il-mejda kollha.
Dan se jippermettilna niżviluppaw rispons rapidu u kkoordinat globalment – li jibni fuq ix-xogħol li sar mill-Proċess ta' Hiroshima u oħrajn.
It-tielet pilastru huwa l-iggwidar tal-innovazzjoni b'mod responsabbli.
Bis-saħħa tal-investiment tagħna f'dawn l-aħħar snin, l-Ewropa issa tinsab minn ta' quddiem nett fis-superkomputazzjoni – bi 3 mill-5 l-aktar supercomputers b'saħħithom fid-dinja.
Jeħtieġ li nkomplu nibnu fuq dan.
Huwa għalhekk li llum nista' nħabbar inizjattiva ġdida biex il-kompjuters ta' prestazzjoni għolja tagħna jinfetħu għan-negozji ġodda tal-IA biex iħarrġu l-mudelli tagħhom.
Iżda dan se jkun biss parti mill-ħidma tagħna biex niggwidaw l-innovazzjoni.
Neħtieġu djalogu miftuħ ma' dawk li jiżviluppaw u jiskjeraw l-IA.
Dan jiġri fl-Istati Uniti, fejn seba' kumpaniji ewlenin tat-teknoloġija diġà qablu dwar regoli volontarji dwar is-sikurezza, is-sigurtà u l-fiduċja.
Jiġri hawn, fejn se naħdmu ma' kumpaniji tal-IA sabiex jimpenjaw ruħhom b'mod volontarju għall-prinċipji tal-Att dwar l-IA qabel ma jidħol fis-seħħ.
Issa għandna niġbru din il-ħidma kollha lejn standards globali minimi għal użu sikur u etiku tal-IA.
GLOBALI, MIGRAZZJONI U SIGURTÀ
Onorevoli Membri,
Meta kont hawn erba' snin ilu, għidt li jekk inkunu magħqudin internament, ħadd minn barra ma kien se jifridna.
U dan kien il-ħsieb wara l-Kummissjoni Ġeopolitika.
L-approċċ tagħna ta' Tim Ewropa ppermettielna nkunu aktar strateġiċi, aktar assertivi u aktar magħqudin.
U dan huwa aktar importanti minn qatt qabel.
Inħossu ħafna meta naraw it-telf devastanti ta' ħajjiet fil-Libja u fil-Marokk wara l-għargħar vjolenti u t-terremot.
L-Ewropa dejjem se tkun lesta li tappoġġa b'kull mod li tista'.
Jew aħsbu fir-reġjun tas-Saħel, wieħed mill-ifqar reġjuni iżda li demografikament qed jikber malajr.
Is-sensiela ta' kolpi militari se tagħmel ir-reġjun aktar instabbli għas-snin li ġejjin.
Iżda r-Russja qed tinfluwenza u tibbenefika mill-kaos.
U r-reġjun sar art fertili għaż-żieda fit-terroriżmu.
Dan jikkonċerna direttament lill-Ewropa – għas-sigurtà u l-prosperità tagħna.
Għalhekk irridu nuru l-istess għaqda fl-għanijiet lejn l-Afrika kif urejna għall-Ukrajna.
Irridu niffukaw fuq il-kooperazzjoni mal-gvernijiet leġittimi u l-organizzazzjonijiet reġjonali.
U rridu niżviluppaw sħubija ta' benefiċċju reċiproku li tiffoka fuq kwistjonijiet komuni għall-Ewropa u l-Afrika.
Huwa għalhekk li, flimkien mar-Rappreżentant Għoli Borrell, se naħdmu fuq approċċ strateġiku ġdid li nistgħu immexxu 'l quddiem fis-Summit UE-UA li jmiss.
Onorevoli Membri,
L-istorja qed tevolvi.
Ir-Russja qed tiddikjara gwerra sħiħa kontra l-prinċipji fundamentali tal-Karta tan-NU.
Dan qajjem tħassib kbir f'pajjiżi mill-Ażja Ċentrali sar-reġjun Indo-Paċifiku.
Jinsabu inkwetati li f'dinja mingħajr liġi, jafu jaffaċċjaw l-istess destin tal-Ukrajna.
Qegħdin naraw attentat ċar minn xi wħud li nerġgħu ngħaddu għal ħsieb tal-blokok - u fl-istess ħin nippruvaw niżolaw u ninfluwenzaw lill-pajjiżi.
U dan qed iseħħ fi żmien meta hemm skumdità akbar minn ħafna ekonomiji emerġenti minħabba l-mod li l-istituzzjonijiet u l-globalizzazzjoni jaħdmu għalihom.
Dan it-tħassib huwa leġittimu.
Dawn l-ekonomiji emerġenti bin-nies u l-assi naturali tagħhom, huma alleati essenzjali fil-bini ta' dinja aktar nadifa, sigura u aktar prosperuża.
L-Ewropa se taħdem dejjem magħhom biex tirriforma u ttejjeb is-sistema internazzjonali.
Irridu mmexxu sforzi biex nagħmlu l-ordni bbażata fuq ir-regoli aktar ġusta u nagħmlu d-distribuzzjoni aktar ugwali.
Dan se jfisser ukoll li rridu naħdmu ma' sħab ġodda u antiki biex napprofondixxu l-konnessjonijiet tagħna.
L-offerta tal-Ewropa bil-Global Gateway hija tassew unika.
Global Gateway hija aktar trasparenti, aktar sostenibbli, u aktar attraenti ekonomikament.
Il-ġimgħa l-oħra stess kont ninsab New Delhi biex niffirma l-aktar proġett ambizzjuż tal-ġenerazzjoni tagħna.
Il-Kuritur Ekonomiku bejn l-Indja, il-Lvant Nofsani u l-Ewropa.
Din se tkun l-aktar konnessjoni diretta sal-lum bejn l-Indja, il-Golf Għarbi u l-Ewropa: B'konnessjoni ferrovjarja, li se tagħmel il-konnessjoni kummerċjali bejn l-Indja u l-Ewropa 40% aktar mgħaġġla.
B'kejbil elettriku u b'pipeline ta' idroġenu nadif, biex jitrawwem kummerċ b'enerġija nadifa bejn l-Ażja, il-Lvant Nofsani u l-Ewropa.
B'kejbil ta' data b'veloċità għolja, biex jingħaqdu xi wħud mill-aktar ekosistemi diġitali innovattivi fid-dinja, u jinħolqu opportunitajiet ta' negozju tul il-perkors.
Dawn huma konnessjonijiet tal-għola livell għad-dinja ta' għada.
Aktar veloċi, iqsar, aktar nodfa.
Global Gateway qed tagħmel differenza reali.
Rajtha fl-Amerka Latina, fix-Xlokk tal-Ażja u madwar l-Afrika - mill-bini ta' ekonomija lokali tal-idroġenu man-Namibja u l-Kenja, sa ekonomija diġitali mal-Filippini.
Dawn huma investimenti fl-ekonomija tas-sħab tagħna.
Huma wkoll investimenti fil-prosperità u s-sigurtà tal-Ewropa f'dinja li qed tinbidel malajr.
Onorevoli Membri,
Ta' kuljum, il-kunflitti, it-tibdil fil-klima u l-instabbiltà jġiegħlu lin-nies ifittxu rifuġju xi mkien ieħor.
Minn dejjem kont konvinta bis-sħiħ li l-migrazzjoni trid tiġi ġestita.
Dan jeħtieġ paċenzja.
Sforzi fit-tul mas-sħab tagħna.
U fuq kollox, li jkun hemm l-għaqda fl-Unjoni.
Dan huwa l-ispirtu tal-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil.
Meta bdejt il-mandat tiegħi, l-ebda kompromess ma deher possibbli.
Iżda permezz tal-Patt, sibna bilanċ ġdid.
Bejn il-protezzjoni tal-fruntieri u l-protezzjoni tal-persuni.
Bejn is-sovranità u s-solidarjetà.
Bejn is-sigurtà u l-umanità.
Aħna smajna lill-Istati Membri kollha.
Eżaminajna r-rotot migratorji kollha.
U sarrafna l-ispirtu tal-patt f'soluzzjonijiet prattiċi.
Irrispondejna malajr u magħqudin għall-attakk ibridu mill-Belarussja.
Ħdimna mill-qrib mas-sħab tagħna tal-Balkani tal-Punent — u naqqasna l-flussi irregolari.
Iffirmajna sħubija mat-Tuneżija li ġġib magħha benefiċċji reċiproċi lil hinn mill-migrazzjoni — mill-edukazzjoni u l-ħiliet vokazzjonali, sal-enerġija u s-sigurtà.
U issa rridu naħdmu fuq ftehimiet simili ma' pajjiżi oħra.
Saħħaħna l-protezzjoni tal-fruntieri.
L-aġenziji Ewropej żiedu l-kooperazzjoni tagħhom mal-Istati Membri.
U nixtieq nirringrazzja lill-Bulgarija u lir-Rumanija, b'mod partikolari, talli wrew it-triq, billi wrew prattiki tajbin fil-qasam tal-ażil u tar-ritorn.
Huma taw prova ta' dan: il-Bulgarija u r-Rumanija huma parti miż-żona Schengen tagħna.
Ejjew fl-aħħar inħalluhom jissieħbu, mingħajr aktar dewmien!
Onorevoli Membri,
Ix-xogħol tagħna fuq il-migrazzjoni jibbaża fuq il-konvinzjoni li għaqda tista' tintlaħaq.
Ftehim dwar il-patt qatt ma kien daqshekk qrib.
Il-Parlament u l-Kunsill għandhom okkażjoni storika li jwettquh.
Ejjew nuru li l-Ewropa tistgħa ġġestixxi l-migrazzjoni b'effikaċja u b'kompassjoni.
Ejjew intemmu x-xogħol!
Onorevoli Membri,
Nafu li l-migrazzjoni teħtieġ ħidma kostanti.
U dan huwa partikolarment vitali fil-ġlieda kontra n-networks tal-immigrazzjoni illegali.
Bil-gideb, huma jattiraw nies li huma ddisprati.
Huma jittrasportawhom fuq toroq fatali li jgħaddu mid-deżert. Jew fuq dgħajjes żgħar li mhumiex adegwati biex jinnavigaw.
Il-mod li bih dawn il-faċilitaturi ta' dħul klandestin ta' bnedmin joperaw qed jevolvi l-ħin kollu.
Iżda l-leġiżlazzjoni tagħna għandha aktar minn għoxrin sena u teħtieġ aġġornament urġenti.
Għalhekk, neħtieġu leġiżlazzjoni ġdida u struttura ġdida ta' governanza.
Neħtieġu infurzar aktar strett tal-liġi, azzjoni legali u rwol aktar prominenti għall-aġenziji tagħna – l-Europol, il-Eurojust u l-Frontex.
U rridu naħdmu mas-sħab tagħna biex niġġieldu kontra din il-pjaga dinjija.
Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni se torganizza Konferenza Internazzjonali dwar il-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin.
Issa wasal iż-żmien li ntemmu dan in-negozju aħrax u kriminali!
Onorevoli Membri,
Fil-jum meta t-tankijiet Russi qasmu l-fruntiera fl-Ukrajna, omm żagħżugħa Ukrena telqet lejn Praga biex tneħħi lil binha mill-periklu.
Meta l-uffiċjal tal-fruntiera Ċeka ttimbralha l-passaport, bdiet tibki.
Binha ma fehemx x'qed jiġri. Saqsa lil ommu għaliex kienet qiegħda tibki.
Hija weġbitu: “Għaliex hawnhekk dħalna d-dar.”
“Iżda hawn mhux l-Ukrajna,” qalilha.
Għalhekk spjegatlu: “Din hija l-Ewropa.”
Dakinhar, dik l-omm Ukrena, ħasset li l-Ewropa kienet id-dar tagħha.
Għaliex “id-dar hija l-post fejn nafdaw lil xulxin”.
In-nies tal-Ukrajna setgħu jafdaw lil sħabhom l-Ewropej.
Din l-omm kien jisimha Victoria Amelina.
Kienet waħda mill-kittieba żgħażagħ il-kbar tal-ġenerazzjoni tagħha, u attivista bla heda għall-ġustizzja.
Ladarba binha kien jinsab f'post sigur, Victoria rritornat l-Ukrajna biex tiddokumenta r-reati tal-gwerra tar-Russja.
Sena wara, inqatlet minn missila ballistika Russa waqt li kienet qed tiekol mal-kollegi.
Vittma ta' reat tal-gwerra Russu, wieħed minn ħafna attakki kontra ċivili innoċenti.
Amelina dakinhar kienet ma' tlitt iħbieb, inkluż Héctor Abad Faciolince, hu wkoll kittieb, mill-Kolombja.
Huwa parti minn kampanja li jisimha “Aguanta, Ucrania” – “Resist, Ukraine”, li nħolqot biex tirrakkonta l-gwerra ta' agressjoni Russa u l-attakki fuq nies ċivili lill-popolazzjoni tal-Amerka Latina.
Iżda Héctor qatt ma mmaġina li seta' jispiċċa fil-mira hu stess.
Wara, qal li ma jafx għaliex hu rnexxielu jgħix u Victoria mietet.
Illum, hu qed jirrakkonta lid-dinja dwar Victoria. Biex iżomm il-memorja tagħha ħajja, u biex tintemm din il-gwerra.
Ninsab onorata li llum Héctor jinsab magħna hawnhekk.
Nixtieqek tkun taf li aħna se nżommu l-memorja ta' Victoria, kif ukoll tal-vittmi kollha l-oħra, ħajja.
Aguanta, Ucrania. Slava Ukraini!
Se nkunu fuq in-naħa tal-Ukrajna f'kull pass tal-proċess.
Sakemm hemm bżonn.
Mill-bidu tal-gwerra, erba' miljun Ukren sabu kenn fl-Unjoni tagħna.
Nixtieq ngħidilhom merħba bihom illum daqskemm kienu f'dawk l-ewwel ġimgħat kruċjali.
Żgurajna li għandhom aċċess għall-akkomodazzjoni, għall-kura tas-saħħa, għas-suq tax-xogħol u għal ħafna aktar.
Onorevoli Membri,
din kienet l-Ewropa twieġeb għas-sejħa tal-istorja.
Bi kburija qiegħda nħabbar li l-Kummissjoni qed tipproponi li testendi l-protezzjoni temporanja tagħna lill-Ukreni fl-UE.
L-appoġġ tagħna lill-Ukrajna se jtul.
Dis-sena biss ipprovdejna 12-il biljun euro biex ngħinu li jitħallsu l-pagi u l-pensjonijiet.
Dawn għenu wkoll biex l-isptarijiet, l-iskejjel u servizzi oħra jibqgħu jaħdmu.
Permezz tal-proposta tagħna dwar l-ASAP, qed inżidu l-produzzjoni tal-munizzjoni biex ngħinu l-bżonnijiet immedjati tal-Ukrajna.
Iżda qiegħdin ukoll inħarsu aktar ‘il quddiem.
Għalhekk ipproponejna 50 biljun euro addizzjonali fuq erba' snin għall-investiment u r-riformi.
Dan se jgħin jibni l-futur tal-Ukrajna biex jerġa' jinbena pajjiż modern u prosperuż.
Dak il-futur issa huwa ċar.
Din il-Kamra ddikjaratha pubblikament: Il-futur tal-Ukrajna huwa fl-Unjoni tagħna.
Il-futur tal-Balkani tal-Punent huwa fl-Unjoni tagħna.
Il-futur tal-Moldova huwa fl-Unjoni tagħna.
U naf kemm il-perspettiva tal-UE hija għażiża għal ħafna fil-Georgia.
Bdejt billi tkellimt dwar l-Ewropa li twieġeb għas-sejħa tal-istorja.
L-istorja issa qed issejħilna biex naħdmu fuq li nikkompletaw l-Unjoni tagħna.
F'dinja fejn uħud qiegħdin jippruvaw jimmiraw lejn pajjiżi wieħed wieħed, ma nistgħux inħallu lil sħabna l-Ewropej warajna.
F'dinja fejn id-daqs u l-piż jgħoddu, huwa evidentement fl-interess strateġiku u ta' sigurtà tal-Ewropa li nikkompletaw l-Unjoni tagħna.
Lil hinn mill-politika u l-ġeopolitika tagħha, irridu nifhmu x'inhu involut.
Irridu nistabbilixxu viżjoni għal tkabbir ta' suċċess.
Unjoni kompluta b'aktar minn 500 miljun ruħ jgħixu f'Unjoni ħielsa, demokrativa u prosperuża.
Unjoni kompluta b'nies żgħażagħ li jistgħu jgħixu, jistudjaw u jaħdmu fil-libertà.
Unjoni kompluta b'demokraziji vibranti li fihom il-ġudikatura tkun indipendenti, l-oppożizzjonijiet jiġu rispettati u l-ġurnalisti jiġu protetti.
Għaliex l-istat tad-dritt u d-drittijiet fundamentali se jkunu dejjem il-bażi tal-Unjoni tagħna, fi Stati Membri preżenti kif ukoll f'dawk futuri.
Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni għamlet ir-Rapporti tal-Istat tad-Dritt prijorità ewlenija.
Issa qed naħdmu mill-qrib mal-Istati Membri biex nidentifikaw il-progress u t-tħassib, u nagħmlu rakkomandazzjonijiet għas-sena li ġejja.
Dan żgura kontabilità quddiem din il-Kamra u quddiem parlamenti nazzjonali.
B'hekk ġie permess id-djalogu bejn l-Istati Membri.
Dan qiegħed jagħti r-riżultati mixtieqa.
Nemmen li jista' jagħmel l-istess għal Stati Membri futuri.
Huwa għalhekk li ninsab kuntenta ħafna li nħabbar li se niftħu r-Rapporti tal-Istat tad-Dritt għal dawk il-pajjiżi tal-adeżjoni li jħaffu aktar.
Dan ipoġġihom fuq l-istess livell mal-Istati Membri.
Jappoġġhom ukoll fl-isforzi ta' riforma tagħhom.
Kif ukoll jgħin jiżgura li l-futur tagħna jkun Unjoni ta' libertà, drittijiet u valuri għal kulħadd.
Onorevoli Membri,
Dan huwa fl-interess komuni tagħna.
Aħsbu dwar it-tkabbir il-kbir ta' 20 sena ilu.
Sejjaħnielu l-Jum Ewropew tal-Merħbiet.
Kien rebħa ta' determinazzjoni u tama fuq il-piżijiet tal-passat.
F'dawn l-20 sena rajna storja ta' suċċess ekonomiku li tejbet il-ħajjiet ta' miljuni.
Irrid li nħarsu 'l quddiem lejn il-Jum Ewropew tal-Merħbiet li jmiss u lejn l-istejjer ta' suċċess ekonomiku li jmiss.
Konxji li din m'hijiex triq faċli.
L-adeżjoni hija bbażata fuq il-mertu – u l-Kummissjoni dejjem se tiddefendi dan il-prinċipju.
Tinvolvi xogħol iebes u tmexxija.
Iżda diġa' hemm ħafna progress.
Rajna l-qabżiet kbar li għamlet l-Ukrajna mindu ngħatat l-istatus ta' kandidat.
Rajna wkoll id-determinazzjoni ta' pajjiżi kandidati oħrajn għar-riforma.
Onorevoli Membri,
wasal iż-żmien li aħna nilħqu dik id-determinazzjoni.
Dan ifisser li naħsbu kif se nħejju għal Unjoni kompleta.
Irridu nħallu warajna dibattiti antiki dwar it-tkabbir, fejn kollox kien abjad jew iswed.
Din m'hijiex kwistjoni ta' approfondiment tal-integrazzjoni jew ta' twessigħ tal-Unjoni.
Nistgħu u rridu nagħmlu t-tnejn li huma biex
niksbu l-importanza ġeopolitika u l-kapaċità li naġixxu.
L-Unjoni tagħna dejjem għamlet dan.
Kull mewġa ta' tkabbir ġabet magħha approfondiment politiku.
Għaddejna mill-faħam u l-azzar għal integrazzjoni ekonomika sħiħa.
Wara l-waqa' tal-Purtiera tal-Ħadid, biddilna proġett ekonomiku f'Unjoni vera ta' nies u stati.
Nemmen li t-tkabbir li jmiss għandu jkun ukoll katalist għall-progress.
Bdejna nibnu Unjoni tas-Saħħa b'27 Stat Membru.
Nemmen li nistgħu ntemmu l-bini tagħha b'aktar minn 30 Stat Membru.
Bdejna nibnu Unjoni Ewropea tad-Difiża b'27 Stat Membru.
Nemmen li nistgħu ntemmu l-bini tagħha b'aktar minn 30 Stat Membru.
Urejna li nistgħu nkunu Unjoni Ġeopolitika u wkoll li fl-għaqda, nistgħu nimxu malajr.
Nemmen li Tim Ewropa jaħdem ukoll b'aktar minn 30 Stat Membru.
Onorevoli Membri,
Naf li din il-Kamra tħaddan l-istess twemmin.
Il-Parlament Ewropew dejjem kien wieħed mill-muturi ewlenin tal-integrazzjoni Ewropea.
Dan ilu minnu matul deċennji sħaħ.
U tant ieħor illum.
Jiena dejjem se nappoġġja lil din il-Kamra u lil dawk kollha li jridu jirriformaw l-UE biex taħdem aħjar għaċ-ċittadini.
Iva, dan ifisser permezz ta' Konvenzjoni Ewropea u bidla fit-Trattati Ewropej jekk u fejn ikun hemm bżonn!
Iżda ma nistgħux – u m'għandniex – nistennew bidla fit-Trattati biex nipproċedu bit-tkabbir.
Nistgħu niksbu Unjoni tajba għat-tkabbir aktar malajr.
Dan ifisser li nwieġbu domandi prattiċi dwar kif Unjoni ta' aktar minn 30 pajjiż se taħdem fil-prattika.
Irridu nwieġbu domandi b'mod partikolari dwar il-kapaċità tagħna li naġixxu.
L-aħbar it-tajba hija li b'kull tkabbir ngħatat prova li dawk li qalu li dan kien se jagħmilna anqas effiċjenti kienu żbaljati.
Ejja naraw l-aħħar ftit snin.
Qbilna dwar NextGenerationEU b'27 Stat Membru.
Qbilna li nixtru l-vaċċini b'27 Stat Membru.
Bl-istess mod qbilna dwar sanzjonijiet fi żmien rekord.
Qbilna li nixtru l-gass naturali, mhux biss b'27 Stat Membru iżda inkludejna lill-Ukrajna, lill-Moldova u lis-Serbja.
Għalhekk, tista ssir.
Iżda rridu nħarsu aktar mill-qrib lejn kull politika u naraw kif se jkunu affettwati minn Unjoni akbar.
Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni se tibda taħdem fuq serje ta' reviżjonijiet ta' politika ta' qabel l-adeżjoni biex tara b'liema mod kull qasam jeħtieġ li jiġi adattat għal Unjoni akbar.
Jeħtieġ li naħsbu dwar kif l-istituzzjonijiet tagħna se jaħdmu, u dwar kif il-Parlament u l-Kummissjoni jkunu jidhru.
Jeħtieġ ukoll li niddiskutu l-futur tal-baġit tagħna, f'termini ta' x'jiffinanzja, kif jiffinanzja u kif jiġi ffinanzjat.
Irridu wkoll nifhmu kif niżguraw impenji ta' sigurtà kredibbli f'dinja fejn id-deterrenza tiswa aktar minn qatt qabel.
Dawn huma l-mistoqsijiet li rridu nindirizzaw illum jekk irridu nkunu preparati għal għada.
Il-Kummissjoni se jkollha r-rwol tagħha.
Għalhekk se nressqu l-ideat tagħna fid-diskussjoni tal-Mexxejja taħt il-Presidenza Belġjana.
Se nkunu mmexxija mit-twemmin li l-ikkompletar tal-Unjoni tagħna huwa l-aħjar investiment fil-paċi, is-sigurtà u l-prosperità għall-Kontinent tagħna.
Għal darb'oħra wasal iż-żmien għall-Ewropa li tkun ambizzjuża u tikteb id-destin tagħha stess!
KONKLUŻJONI
Onorevoli Membri,
Victoria Amelina kienet temmen li huwa d-dmir kollettiv tagħna li niktbu storja ġdida għall-Ewropa.
Dan huwa fejn tinsab l-Ewropa llum.
Tinsab f'mument u f'post li fih qed tinkiteb l-istorja.
Il-futur tal-kontinent tagħna jiddependi fuq l-għażliet li nagħmlu llum.
Jiddependi fuq il-passi li nieħdu llum biex nikkompletaw l-Unjoni tagħna.
In-nies tal-Ewropa jridu Unjoni li taqbeż għalihom fi żmien ta' kompetizzjoni bejn il-potenzi l-kbar.
Iżda wkoll Unjoni li tipproteġihom u tkun maġenbhom bħala sieħeb u alleat fil-battalji ta' kuljum tagħhom.
Aħna se nisimgħu l-vuċi tagħhom.
Dak li jimporta għall-Ewropej, jimporta għall-Ewropa.
Erġgħu morru lura għall-viżjoni u l-immaġinazzjoni tal-ġenerazzjoni żgħażugħa li bdejt id-diskors tiegħi biha.
Dan huwa l-mument li nuruhom li nistgħu nibnu kontinent fejn tista' tkun min verament int, tħobb lil min trid, u jkollok ambizzjonijiet kbar kemm trid.
Kontinent rikonċiljat man-natura u li juri t-triq 'il quddiem dwar teknoloġiji ġodda.
Kontinent magħqud fil-libertà u l-paċi.
Għal darb'oħra – dan huwa l-mument li fih l-Ewropa twieġeb is-sejħa tal-istorja.
Viva l-Ewropa.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 13 Settembru 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta