Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa15 Frar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

Era ġdida għall-koeżjoni Ewropea

Ferreira

Issa deħlin fis-sena 3 W.C. – it-tielet sena “Wara l-Coronavirus”. Għaliex mhijiex esaġerazzjoni li din tiġi deskritta bħala era ġdida: mit-telexogħol sa bidliet soċjetali profondi, ħajjitna nqalbet ta’ taħt fuq u saret ħsara ekonomika serja. L-azzjoni konġunta deċiżiva li ħadna fil-livell Ewropew għenet biex tiġi limitata l-ħsara soċjali u ekonomika – u xprunat il-proċess ta’ rkupru. Madankollu, l-impatt tal-kriżi kien irregolari ħafna, fost ir-reġjuni, fost il-gruppi soċjali: se naraw “irkupru asimmetriku”?

U wara l-irkupru, tiġi trasformazzjoni kbira: il-mixja lejn l-ekonomija ekoloġika u s-soċjetà tal-għarfien. Din hija opportunità tremenda – industriji ġodda, impjiegi ġodda –  iżda mhux kull reġjun huwa lest li jaħsad il-benefiċċji. F’din l-ekonomija l-ġdida, se jkun hemm min jitħalla jibqa’ lura?

It-8 Rapport ta’ Koeżjoni huwa riżorsa unika sabiex jitwieġbu dawn il-mistoqsijiet, u jġib flimkien bosta fatti, ċifri u analiżi. Huwa jirrakkonta storja kumplessa, ta’ titjib sinifikanti fl-istat tar-reġjuni u l-bliet tal-Ewropa matul dawn l-aħħar deċennji, iżda wkoll ta’ diffikultajiet attwali u sfidi futuri. Ir-reġjuni fil-parti tal-Lvant tal-UE ġeneralment laħqu b’mod drammatiku mal-bqija tal-Unjoni, iżda għad hemm lakuni importanti. Dawn ir-reġjuni kibru bis-saħħa ta’ vantaġġ ta’ kostijiet u investimenti fl-infrastruttura – muturi tat-tkabbir li jistgħu biss inaqqsu l-pass maż-żmien. Biex tara dan, ikkunsidra l-ħafna reġjuni b’introjtu medju u inqas żviluppati, speċjalment fin-Nofsinhar u fil-Lbiċ tal-Ewropa, li esperjenzaw perjodi twal ta’ staġnar jew tnaqqis ekonomiku relattiv. Il-ħruġ minn din in-nassa tal-iżvilupp teħtieġ politiki mmirati: il-governanza, l-edukazzjoni, l-innovazzjoni u l-ambjent tan-negozju.

Dawn l-investimenti jsiru partikolarment kruċjali hekk kif inħarsu lejn il-futur, u lejn it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. L-ekonomija l-ġdida tirrappreżenta opportunitajiet: impjiegi ġodda, negozji aktar kompetittivi, u aċċess aħjar għas-servizzi. Iżda qed naraw il-ftuħ ta’ distakk fl-innovazzjoni: iż-żoni avvanzati javvanzaw, filwaqt li r-reġjuni inqas żviluppati u bi dħul medju fil-fatt saru inqas innovattivi meta mqabbla mal-medja tal-UE. Jeżisti distakk simili għat-tranżizzjoni ekoloġika: minħabba l-ispeċjalizzazzjoni ekonomika tagħhom, xi oqsma għandhom triq ferm itwal lejn in-newtralità klimatika minn oħrajn.

Dan kollu jseħħ fil-kuntest ta’ bidla siekta, iżda bla waqfien: popolazzjoni li qed tixjieħ (u ta’ spiss tiċkien). Fi kważi r-reġjuni kollha, l-għadd ta’ tfal, adolexxenti u adulti fl-età tax-xogħol qed jonqos, filwaqt li l-għadd ta’ persuni li għandhom 65 sena u aktar qed jikber b’rata mgħaġġla. Din ix-xejra qed tkompli u għandha implikazzjonijiet importanti għas-sistema skolastika, għas-suq tax-xogħol, għas-sistema tal-pensjonijiet u għall-kura tas-saħħa.

Mingħajr il-politiki t-tajba, dawn it-trasformazzjonijiet kollha – diġitali, ekoloġiċi, demografiċi – jirriskjaw li joħolqu firdiet territorjali u soċjali ġodda. L-Ewropa ma tistax taffordja li tħalli xi postijiet lura. Sabiex jiġu żgurati tranżizzjonijiet ġusti, nixtieq nippreżenta l-argument favur tliet azzjonijiet ewlenin.

L-ewwel nett, l-investiment huwa kruċjali. Din hija sfida, minħabba li l-investiment pubbliku għadu mhux lura għal-livelli ta’ qabel l-2008. Fiż-żminijiet diffiċli tal-aħħar għaxar snin, l-investimenti tal-koeżjoni saru dejjem aktar rilevanti, u ħafna drabi kruċjali. Ir-rapport jistma li l-programmi tagħna għall-perjodu 2014-20 taw spinta lill-PDG per capita b’sa 5 % f’reġjuni inqas żviluppati. Għas-snin li ġejjin, bħala tweġiba għall-kriżi tal-COVID, għandna mezzi finanzjarji mingħajr preċedent – in-NextGenerationEU u l-Politika ta’ Koeżjoni. Irridu naħdmu flimkien għar-reġjuni tal-Ewropa.

It-tieni, il-politiki kollha jridu jiskopru mill-ġdid sens ta’ post. Il-politiki kollha – politiki orizzontali, strumenti ta’ rkupru – għandhom impatti spazjali, u ma nistgħux nagħlqu għajnejna għal dan. Il-politika ta’ koeżjoni waħedha ma tistax tiżgura ekonomiji u soċjetajiet koeżivi. Politiki Ewropej u nazzjonali oħra għandhom jikkunsidraw l-impatti reġjonali tagħhom. Fi kliem ieħor, il-prinċipju ta’ verifika reġjonali u l-prinċipju ta’ “la tagħmilx ħsara lill-koeżjoni” għandhom jiġu inkorporati fl-oqsma ta’ politika rilevanti kollha. Id-deċiżjonijiet ta’ politika ewlenin ilhom wisq għomja għall-aspett spazjali – u l-prezz tħallas mill-ekonomiji tagħna, min-nisġa soċjali tagħna u mis-sistemi demokratiċi tagħna. Wasal iż-żmien li nibdlu s-sitwazzjoni.

It-tielet, għandu jkollna aktar governanza f’diversi livelli. Il-politiki lokali jeħtieġu msieħba lokali: jeħtieġ li jkollna kooperazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ gvern biex insaħħu l-governanza, nintroduċu l-aħjar prattiki, inxerrdu l-innovazzjoni, u nimplimentaw politiki mfassla apposta. Il-politika ta’ koeżjoni toffri l-qafas li jgħaqqad dawn l-elementi kollha fuq l-iskala territorjali t-tajba.

It-8 rapport ta’ koeżjoni huwa bażi eċċellenti għal riflessjoni kollettiva fost dawk li jsawru l-politika, il-partijiet ikkonċernati u ċ-ċittadini. Fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi, diġitali u demografiċi, kif nistgħu niżguraw li l-ebda post ma jitħalla lura, li l-ebda post ma jħossu minsi? It-tweġibiet għal din il-mistoqsija se jiddefinixxu l-Ewropa għal ġenerazzjoni, u rridu nsibuhom flimkien. Ejjew nagħmlu s-sena 2022 is-sena 1 A.K. – il-bidu tal-era tal-Affermazzjoni tal-Koeżjoni.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
15 Frar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta