Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Dikjarazzjoni
  • 19 Awwissu 2024
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 3 min qari

In memoriam – Lorenzo Vella

Lorenzo and the team at Dar l-Ewropa, after shooting the Reps in the Spotlight video

B’niket kbir inħabbru li Lorenzo Vella, il-kap tar-Rappreżentanza tagħna, miet nhar il-Ħadd fl-età ta’ 42 sena wara taqtigħa qasira iżda qalila kontra marda serja.

Meta ħa l-kariga f’Ġunju 2023, it-tmexxija li wera Lorenzo serviet ta’ injezzjoni ta’ entużjażmu u viżjoni fir-Rappreżentanza tagħna. Wara pandemija li bidlet il-pajsaġġ soċjali Malti, ħadem qatigħ biex jerġa’ jwassal il-proġett Ewropew fit-toroq, u talab lil kulħadd ixammar idejh biex niksbu dan l-għan.

Mill-bidu tiegħu fl-attiviżmu studentesk u l-presidenza tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fis-snin 2000, il-karriera tiegħu inkarnat il-perspettiva internazzjonali u Ewropea tiegħu. Beda jaħdem fl-affarijiet Ewropej fiċ-Ċivil Malti qabel ma kompla l-esperjenza tiegħu l-Lussemburgu mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Triqtu wasslitu Brussell, fejn beda jaħdem mad-DG EMPL mal-Kummissjoni, u fejn imbagħad ingħaqad mar-Rappreżentanza Permanenti ta’ Malta għall-Unjoni Ewropea f’Dar Malta, fejn laħaq Deputat Rappreżentant Permanenti u kien protagonist fil-presidenza Maltija tal-Kunsill fl-2017.

Kien f’dan iż-żmien fi Brussell li Lorenzo, li flimkien ma’ martu Cheryl kien qed jistenna l-ewwel wild tagħhom, indarab fl-attentat terroristiku fl-ajruport ta’ Zaventem.

Lorenzo ma kienx jibża’ mill-isfidi, u wara l-esperjenza fi Brussell, fl-eqqel tal-pandemija ngħaqad mal-Ministeru tas-Saħħa bħala chief of staff tal-Ministru Chris Fearne. Wara din il-kariga, laħaq Rappreżentant Permanenti ta’ Malta fil-Kunsill Ewropew fi Strasburgu, il-kariga li ħalla fl-2023 biex jerġa’ jingħaqad mal-Kummissjoni.

Waħda mill-karatteristiċi ewlenin ta’ Lorenzo kienet kemm kien miftuħ: għad-djalogu, għall-ideat, għan-nies. Kien jisma’ x’għadna ngħidu bir-reqqa qabel jieħu xi deċiżjoni importanti, u l-bieb tiegħu kien dejjem miftuħ, li wassal biex inħolqot atmosfera ta’ kollaborazzjoni u ħbiberija. Lorenzo kien miftuħ ukoll fl-isfera politika, u kien magħruf għat-talent li kellu li jgħaqqad lin-nies mill-ispettru politiku sħiħ, b’risq it-twemmin tiegħu li Malta aħjar kienet se twassal għal Ewropa aħjar.

Kien iħobb l-ikel u l-inbid tajjeb, iżda l-aktar li rajnieh jixrob il-Coke Zero fl-uffiċċju. Kien annimal politiku u kien jogħxa jiddiskuti l-affarijiet kurrenti, u l-għarfien tiegħu tal-istorja u l-affarijiet internazzjonali – imsaħħa mill-imħabba li kellu għall-bijografiji ta’ Richard Nixon – kienu jgħinuh jara l-affarijiet kif se jiżvolġu fit-tul. Kien iħobb lit-Twisted Sister, kien iżomm mal-Inter, u kellu affezzjoni għad-diski Taljani.

Fl-aħħar xhur, l-enerġija u l-motivazzjoni tiegħu dawwarhom biex jiġġieled il-marda kiefra li qabditu, u baqa’ jirsisti biex jirċievi t-trattament saħansitra meta t-tobba li kellem l-ewwel kienu qatgħu qalbhom minnu. L-aħħar darba li ltaqjna, kien konxju li kulma fadallu kienu jiem, ġimgħat, xhur jew forsi, b’xorti tajba, snin. Li kien jgħodd kien li għamel ħiltu, u li familtu tkun taf li għamel kulma seta’.

It-trattament rebbħu ftit żmien, iżda din kellha tkun l-aħħar battalja tiegħu. Fl-għodwa tal-Ħadd, 18 ta’ Awwissu, il-ħabib tiegħu l-Ministru Ian Borg ħabbar li Lorenzo kien ħalliena. Kull min tkellem dwaru wara li ħarġet l-aħbar tkellem dwar bniedem intelliġenti u dħuli, maħbub u rrispettat minn dawk ta’ madwaru.

Fost dawk li tawh ġieħ kien hemm il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u l-Prim Ministru Robert Abela. 

Il-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, li kienet taf lil Lorenzo minn żmienu fl-attiviżmu bħala student, qalet li dejjem stinka biex “jagħmel din id-dinja ftit aħjar għal kulħadd”.

“Qatt ma neħħa ħarstu minn fuq dan l-għan, u ħadem bla heda biex jiġbor in-nies flimkien. Issielet b’saħħa u kuraġġ – dejjem.”

Lorenzo jħalli warajh lil martu Cheryl, u wliedu Elija u Yael.

Miktub minn David Schembri u Nicolette Camilleri

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 Awwissu 2024
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta