Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet14 Marzu 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

Ġestjoni tal-migrazzjoni: inizjattivi ġodda biex tissaħħaħ il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri u jitħaffu r-ritorni

Poster

Illum, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tippreżenta l-qafas strateġiku għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri (European integrated border management, EIBM) għal 5 snin u Rakkomandazzjonilill-Istati Membri dwar ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' ritorn u t-tħaffif tar-ritorni. Fil-laqgħa straordinarja tiegħu tad-9 ta' Frar 2023, il-Kunsill Ewropew tenna l-importanza li jiġi żgurat kontroll effettiv tal-fruntieri esterni tal-art u tal-baħar tal-UE bħala parti minn approċċ komprensiv għall-migrazzjoni. Qabel il-laqgħa li jmiss tal-Kunsill Ewropew li se tqis is-sitwazzjoni, permezz ta' dawn l-inizjattivi, il-Kummissjoni se timplimenta xi wħud mill-azzjonijiet ewlenin stabbiliti fl-ittra tal-President von der Leyen u fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-9 ta' Frar.

Ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri effettiva 

B'din il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni tistabbilixxi l-ewwel ċiklu ta' politika strateġika pluriennali li qatt sar dwar il-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri għall-5 snin li ġejjin.

Dan huwa r-riżultat ta' proċess estensiv ta' konsultazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, li jwassal għal viżjoni kondiviża dwar il-ġestjoni tal-fruntieri esterni. Dan jipprovdi qafas ikkoordinat għall-awtoritajiet nazzjonali li jiġġestixxu l-fruntiera, kif ukoll għal aktar minn 120 000 uffiċjal tal-awtoritajiet nazzjonali tal-fruntieri u tal-Frontex, li jidderiġu l-ħidma tagħhom ta' kuljum. Il-prijoritajiet ewlenin tal-Istrateġija għandhom 15-il komponent essenzjali, bħal:

  • Il-kontroll fuq il-fruntieri, appoġġat permezz ta' kooperazzjoni tal-IT u bejn l-aġenziji fuq skala kbira biex tissaħħaħ il-governanza tal-migrazzjoni u t-tħejjija għall-kriżi. Dan se jiġi żgurat bl-użu ta' infrastruttura tal-ogħla livell ta' żvilupp tekniku u sorveljanza effettiva, bħal kameras u droni; stampi nazzjonali u tas-sitwazzjoni koerenti u komprensivi, implimentazzjoni effiċjenti tas-Sistema Ewropea ta' Sorveljanza tal-Fruntieri (EUROSUR) u analiżi tar-riskju rigoruża. Is-sistemi ta' informazzjoni tal-UE għall-ġestjoni tal-fruntieri esterni (is-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen, is-Sistema ta' Dħul u Ħruġ, is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża u s-Sistema Ewropea ta' Informazzjoni u ta' Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar) u l-interoperabbiltà tagħhom se jiffaċilitaw il-qsim tal-fruntieri. Aktar kooperazzjoni fost l-awtoritajiet kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE hija kruċjali biex l-isfidi fil-fruntieri esterni tal-UE jinftiehmu, jiġu identifikati u indirizzati aħjar.
  • It-tfittxija u s-salvataġġ huma komponent ewlieni tal-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri. Bħala prijorità, il-ħtieġa għall-koordinazzjoni hija prijorità bejn l-istati tal-bandiera u dawk kostali, kif ukoll il-ħtieġa li jiġu żviluppati l-aħjar prattiki dwar il-kondiviżjoni f'waqtha u sħiħa tal-informazzjoni.
  • Sistema komuni tal-UE għar-ritorni: Koordinazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-aġenziji Ewropej hija komponent ewlieni għat-titjib tar-ritorni. L-Istati Membri jistgħu jagħmlu użu sħiħ mill-appoġġ disponibbli mill-Frontex għall-fażijiet kollha tal-proċess ta' ritorn. Il-koordinatur tar-Ritorn appoġġat min-Netwerk ta' Livell Għoli għar-Ritorn se jikkoordina l-implimentazzjoni tal-istrateġija operazzjonali għal ritorni aktar effettivi.
  • Il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi jenħtieġ li tiġi intensifikata biex tikkontribwixxi għall-bini tal-kapaċitajiet operazzjonali u ta' kooperazzjoni ta' pajjiżi terzi fl-oqsma tal-kontroll tal-fruntieri, l-analiżi tar-riskju, ir-ritorn u r-riammissjoni, u l-ġlieda kontra l-faċilitazzjoni ta' dħul klandestin. F'dan ir-rigward, il-viċinat tal-Lvant u tan-Nofsinhar se jingħata attenzjoni speċjali, flimkien ma' pajjiżi terzi li minnhom jiġu u jgħaddu r-rotot migratorji ewlenin lejn l-UE. Dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp ta' sħubijiet reċiproċi u komprensivi dwar il-migrazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu.
  • Rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali il-protezzjoni tal-fruntieri tal-UE għandha ssir b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali. L-azzjonijiet tal-atturi tal-UE u dawk nazzjonali għandhom jitwettqu f'konformità sħiħa mad-dritt tal-UE, inkluża l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u mad-dritt internazzjonali anki permezz ta' mekkaniżmi effettivi ta' monitoraġġ.

Tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ta' ritorn u t-tħaffif tar-ritorni

Sistema effettiva tal-UE għar-ritorni hija parti ċentrali ta' sistema tal-migrazzjoni u tal-ażil li tiffunzjona tajjeb, u tal-approċċ komprensiv deskritt fil-Patt Ġdid dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil. Dan jista' jkollu wkoll effett deterrenti fuq il-migrazzjoni mhux sikura u irregolari, jgħin fil-prevenzjoni tal-isfruttament tal-migranti billi jkisser il-mudell operatorju tan-networks kriminali tal-faċilitazzjoni ta' ta' dħul klandestin u jippromwovi perkorsi legali sikuri.

Bir-Rakkomandazzjoni tal-lum, il-Kummissjoni tipprovdi gwida dwar l-implimentazzjoni tar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' ritorn li jagħlqu lakuna fl-acquis tar-ritorn. Taġġorna wkoll il-gwida preċedenti pprovduta mill-Kummissjoni fl-2017 dwar ir-ritorni u tappoġġa lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw u jaċċelleraw ir-ritorni.

Elementi kostitwenti jinkludu:

  • Rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ta' ritorn: Bis-sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen aġġornata li daħlet fis-seħħ fis-7 ta' Marzu, l-Istati Membri issa jista' jkollhom allerti immedjati dwar deċiżjoni ta' ritorn għal nazzjonali ta' pajjiż terz maħruġa minn Stat Membru ieħor. Din tippermetti r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ta' ritorn fl-UE u l-eżekuzzjoni rapida ta' ritorni minn kullimkien fl-Ewropa. Il-Frontex se tkun lesta li tappoġġa lill-Istati Membri li jwettqu r-ritorni.
  • Ritorni aktar effiċjenti: L-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu rabtiet aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet li jiġġestixxu l-ażil u r-ritorn. Huma mistiedna jagħmlu dan permezz ta' sistema tal-IT ta' ġestjoni tal-każijiet ta' ritorn ibbażata fuq il-mudell żviluppat mill-Frontex, allinjat mar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta. Dan se jiżgura aċċess f'waqtu għal informazzjoni dwar nazzjonali ta' pajjiżi terzi soġġetti għal deċiżjoni ta' ritorn. Ir-rakkomandazzjoni toffri wkoll gwida dwar il-prevenzjoni tar-riskju ta' ħarba u dwar miżuri alternattivi għad-detenzjoni, li jeħtieġ li tibqa' miżura tal-aħħar istanza.
  • Inċentivi għar-ritorn volontarju: Huwa meħtieġ li tiġi pprovduta informazzjoni dwar ir-ritorn kmieni fil-proċess, inkluż matul il-proċess tal-ażil. Jenħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu strutturi ta' konsulenza dwar ir-ritorn u r-riintegrazzjoni biex jippromwovu r-ritorn volontarju.  Għal nazzjonali ta' pajjiżi terzi rreġistrati f'dawn il-programmi, ir-ritorni volontarji jistgħu jiġu mħeġġa billi ma jinħarġux projbizzjonijiet ta' dħul.

Il-passi li jmiss

Dwar l-EIBM, il-Frontex għandha 6 xhur biex tittraduċi din id-direzzjoni strateġika fi strateġija operazzjonali u teknika. L-Istati Membri għandhom 12-il xahar biex jaġġornaw l-istrateġiji nazzjonali tagħhom.

Il-Kummissjoni se taħdem mill-qrib biex tappoġġa lill-Istati Membri fl-implimentazzjoni operazzjonali ta' dawn l-azzjonijiet. Evalwazzjoni tal-politika strateġika tal-EIBM hija prevista fi żmien 4 snin minn issa biex tiddefinixxi ċiklu ta' politika pluriennali ġdid fl-2027. Il-Kummissjoni se twettaq ukoll evalwazzjoni tar-Regolament dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta din is-sena.

Dwar ir-ritorni, biex jimmonitorjaw l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni, l-Istati Membri se jirrapportaw kull sena lill-Kummissjoni, inkluż dwar l-għadd ta' deċiżjonijiet ta' ritorn ta' Stati Membri oħra, rikonoxxuti b'mod reċiproku. 

Bis-saħħa tal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u l-Istrument għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u tal-Viżi, se jkun ipprovdut finanzjament dedikat b'mod partikolari għar-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet ta' ritorn u biex il-gwardji tal-fruntiera u tal-kosta jiġu mgħammra aħjar għall-protezzjoni effettiva tal-fruntieri esterni. Se jingħata appoġġ addizzjonali għall-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni dwar ir-ritorni, flimkien ma' appoġġ operazzjonali u tekniku mill-Aġenziji tagħna.

Sfond 

Il-Komunikazzjoni dwar l-EIBM hija obbligu skont ir-Regolament dwar l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta. Hija tibni fuq id-dokument ta' politika adottat mill-Kummissjoni fl-24 ta' Mejju 2022, li dwaru kemm il-Kunsill kif ukoll il-Parlament Ewropew taw l-input. Din l-istrateġija komprensiva tikkondividi viżjoni komuni, fl-istituzzjonijiet kollha tal-UE, u tiddeskrivi l-ħidma tagħna fuq il-fruntieri esterni. L-Analiżi Strateġika tar-Riskju pprovduta mill-Frontex ġiet riflessa wkoll fil-prijoritajiet u l-linji gwida ta' din il-Komunikazzjoni. Hija akkumpanjata minn żewġ Annessi, kull wieħed fih azzjonijiet ewlenin.

Ir-rakkomandazzjoni dwar ir-ritorni taġġorna r-Rakkomandazzjoni tal-2017 biex il-proċeduri ta' ritorn isiru aktar effettivi u tikkomplementa l-Istrateġija operazzjonali għal ritorni aktar effettivi, minn Jannar 2023.

Għal aktar informazzjoni 

Komunikazzjoni li tistabbilixxi l-politika strateġika pluriennali għall-ġestjoni integrata Ewropea tal-fruntieri + l-Anness I u l-Anness II

Rakkomandazzjoni* tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet ta' ritorn u t-tħaffif tar-ritorni meta tiġi implimentata d-Direttiva 2008/115/KE

Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Mediterran Ċentrali

Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-Balkani tal-Punent

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
14 Marzu 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta