Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet7 Frar 2024Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta40 min qari

Pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Frar: deċiżjonijiet ewlenin

Justice

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri talli naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 46 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli bil-proċedura.

Għal aktar tagħrif dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara t-test kollu tal-Mistoqsijiet u Tweġibiet. Għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija ta' każ partikolari, tista' tikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.

 

1. Ambjent

(Għal aktar tagħrif:: Adalbert Jahnz – Tel. +32 229 53156, Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673)

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Skart: il-Kummissjoni tappella lill-POLONJA u lill-PORTUGALL biex jittrasponu d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart b'mod korrett

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja (INFR(2023)2165) u lill-Portugall (INFR(2023)2148) talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart kif emendata bid-Direttiva 2018/851/UE). Id-Direttiva emendata tistabbilixxi miri legalment vinkolanti għar-riċiklaġġ u għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid tal-iskart muniċipali. Din tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jtejbu s-sistemi ta' ġestjoni tal-iskart tagħhom u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva emendata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom kienet il-5 ta' Lulju 2020. Il-Kummissjoni diġà bdiet proċeduri ta' ksur kontra seba' Stati Membri oħra (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, Ċipru, in-Netherlands, l-Awstrija, u r-Rumanija). Jidher ukoll li l-Polonja u l-Portugall ma ttrasponewx b'mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva emendata. Il-Polonja naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar l-iskema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur, il-miżuri biex tiżgura l-użu mill-ġdid jew ir-riċiklaġġ tal-iskart u l-prevenzjoni tal-iskart tal-ikel, ir-regoli ta' monitoraġġ, u l-ġbir separat tal-iskart u l-programmi għall-prevenzjoni tal-iskart. Il-Portugall naqas milli jittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar it-tmiem tal-istadju ta' skart, xi aspetti tar-rekwiżiti għall-iskemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur u l-metodoloġija li għandha tintuża għall-kejl tal-livelli tal-iskart tal-ikel. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja u lill-Portugall, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Ilma mormi: il-Kummissjoni tappella lill-ESTONJA biex ittejjeb ir-regoli tagħha dwar l-ilma industrijali mormi

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Estonja (INFR(2023)2180) talli naqset milli tittrasponi u timplimenta ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (id-Direttiva 2010/75/UE) u d-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva 91/271/KEE). Skont id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu sistema ta' permessi għall-installazzjonijiet industrijali rilevanti u jiffissaw valuri limitu tal-emissjonijiet għall-iskariku tas-sustanzi industrijali li jniġġsu. Skont id-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi, l-Istati Membri jridu jirregolaw jew jawtorizzaw minn qabel, fuq bażi ta' każ b'każ, il-possibbiltà li l-iskariki industrijali jinġabru u jiġu ttrattati fis-sistemi tal-ilma urban mormi. L-Estonja ma ttrasponietx u ma implimentatx b'mod korrett id-dispożizzjonijiet taż-żewġ direttivi li jirregolaw l-iskariki industrijali tas-sustanzi li jniġġsu fl-ilma permezz tas-sistemi ta' ġbir u ta' trattament tal-ilma urban mormi. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Estonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Ilma mormi: il-Kummissjoni tappella lill-IRLANDA biex tikkonforma mad-Direttiva dwar l-Ilma Urban Mormi

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda (INFR(2023)2178) talli naqset milli tikkonforma bis-sħiħ mal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (id-Direttiva 91/271/KEE). Id-Direttiva għandha l-għan li tħares saħħet in-nies u l-ambjent billi titlob li l-ilma urban mormi jinġabar u jiġi ttrattat qabel ma jintrema. L-ilma mormi mhux trattat jista' jipperikola saħħet il-bniedem, u jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija, l-ilma kostali u tal-pjan. Fl-Irlanda, fi tmien agglomerazzjonijiet b'popolazzjoni ta' aktar minn 2,000 persuna, l-ilma urban mormi ma jiġix trattat kif suppost qabel ma jintrema. Tliet agglomerazzjonijiet oħra b'popolazzjoni ta' aktar minn 10,000 qed jiskarikaw l-ilma mormi f'żoni sensittivi mingħajr trattament aktar strett kif meħtieġ mid-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Emissjonijiet industrijali: il-Kummissjoni tappella lill-POLONJA biex tikkonforma mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet industrijali

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja (INFR(2023)2173) talli naqset milli tindirizza n-nuqqasijiet fit-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (id-Direttiva 2010/75/EU). L-attivitajiet industrijali għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent u s-saħħa. Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali tistabbilixxi r-regoli mfassla biex jipprevjenu u jnaqqsu l-emissjonijiet industrijali li jagħmlu l-ħsara fl-arja, fl-ilma u fl-art, kif ukoll biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart. Il-leġiżlazzjoni Pollakka ma tittrasponix b'mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva, inklużi xi definizzjonijiet kruċjali, ir-regoli dwar il-kundizzjonijiet tal-permessi għall-permessi integrati u għall-permessi għall-impjanti tal-inċinerazzjoni u tal-koinċinerazzjoni tal-iskart, id-dispożizzjonijiet dwar il-valuri ta' limitu tal-emissjonijiet, u l-istandards ta' kwalità ambjentali. Barra minn hekk, ir-regoli dwar l-informazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja ma ġewx trasposti b'mod korrett, u dan ixekkel il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fir-rigward tal-emissjonijiet industrijali. Bosta rekwiżiti tekniċi fl-Annessi tad-Direttiva wkoll ma ġewx trasposti b'mod korrett. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Polonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Natura: il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex timplimenta d-Direttiva dwar il-Ħabitats u tipprevjeni l-qbid aċċessorju tal-ispeċijiet tal-baħar u tal-għasafar tal-baħar

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2023)2181) talli naqset milli timplimenta l-miżuri meħtieġa skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) biex timmonitorja u tevita l-qbid aċċessorju taċ-ċetaċji, tal-fkieren u tal-għasafar tal-baħar minn bastimenti tas-sajd. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità għall-2030 jindikaw li huwa fundamentali li l-UE twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità billi tipproteġi u tirrestawra l-bijodiversità. L-Italja ma stabbilixxietx sistema għall-monitoraġġ tal-qbid u tal-qtil aċċessorju ta' speċijiet protetti, bħad-denfil geddumu qasir u l-fekruna tal-baħar, it-tnejn li huma strettament protetti skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats. L-Italja ma wettqitx ukoll aktar riċerka u tieħu miżuri ta' konservazzjoni biex tiżgura li l-qbid u l-qtil aċċessorju ma jkollhomx impatt negattiv sinifikanti fuq il-popolazzjoni tal-ispeċijiet protetti. Barra minn hekk, l-Italja naqset milli tieħu l-passi xierqa biex tevita tfixkil sinifikanti ta' diversi speċijiet marini u ta' għasafar tal-baħar bħaċ-Ċiefa u l-Garnija, il-garnija u l-margun tat-toppu tal-Mediterran fis-siti ta' Natura 2000 deżinjati għall-konservazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-Italja naqset milli timmonitorja l-istatus ta' konservazzjoni ta' bosta speċijiet protetti. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Natura: il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tikkonforma mar-regoli dwar il-kaċċa, b'mod partikolari dwar l-użu tal-munizzjonijiet taċ-ċomb

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2023)2187) talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) u mar-Regolament REACH (ir-Regolament 1907/2006/KE kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/57) minħabba l-bidliet introdotti fir-regoli Taljani dwar il-kaċċa. Id-Direttiva dwar l-Għasafar għandha l-għan li tħares l-ispeċijiet kollha tal-għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fl-UE u fil-ħabitats tagħhom. Ir-Regolament REACH, kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/57, jirrestrinġi l-użu tal-pritkuni li fihom iċ-ċomb f'artijiet mistagħdra jew qribhom biex jitħarsu l-għasafar tal-ilma, l-ambjent, u saħħet il-bniedem. Il-Kummissjoni sabet bosta atti leġiżlattivi Taljana mhumiex konformi ma' din il-leġiżlazzjoni tal-UE. Bi ksur tad-Direttiva dwar l-Għasafar, il-leġiżlazzjoni Taljana tagħti lir-reġjuni s-setgħa li jawtorizzaw il-qtil jew il-qbid tal-ispeċijiet ta' fawna selvaġġa, anki fiż-żoni fejn il-kaċċa hija pprojbita, bħaż-żoni protetti, u matul il-perjodu tas-sena meta l-kaċċa hija pprojbita. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Taljana ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament REACH, kif emendat dwar l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Konvenzjoni ta' Aarhus: il-Kummissjoni tappella lin-NETHERLANDS u lis-SLOVAKKJA biex jiżguraw aċċess miftuħ għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lin-Netherlands (INFR(2023)2149) u lis-Slovakkja (INFR(2023)2177) talli naqsu milli jimplimentaw ir-rekwiżiti tal-Konvenzjoni dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta' Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (il-Konvenzjoni ta' Aarhus) bis-sħiħ. Id-dritt nazzjonali għandu jkun ċar u preċiż fir-rigward tal-possibbiltà li l-atti ambjentali jiġu kkontestati quddiem il-qrati. Il-Kummissjoni tintrabat li ssaħħaħ l-istat tad-dritt ambjentali u tiżgura li l-liġijiet jinftiehmu, jiġu rispettati u infurzati fuq firxa wiesgħa. Għaldaqstant, element importanti ħafna huwa li jiġi żgurat li ċ-ċittadini u s-soċjetà ċivili jkunu jistgħu jitolbu lill-qrati nazzjonali biex jivverifikaw il-konformità legali. Fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha, is-Slovakkja ma tiżgurax b'ċarezza u bi preċiżjoni li l-membri tal-pubbliku jistgħu jikkontestaw quddiem qorti d-deċiżjonijiet jew l-ommissjonijiet kollha tal-awtoritajiet nazzjonali li jaqgħu fil-kamp ta' applikazzjoni tad-dritt ambjentali tal-UE. Dawn jistgħu jkunu atti ta' natura individwali — bħall-għoti jew ir-rifjut ta' permess — jew ta' kamp ta' applikazzjoni ġenerali — bħall-adozzjoni ta' pjan jew ta' programm. Fil-każ tan-Netherlands, għalkemm l-appell kontra dawn l-atti huwa possibbli, mhijiex ċara biżżejjed fil-leġiżlazzjoni quddiem liem qorti jista' jsir appell (amministrattiva jew ċivili). Kemm fin-Netherlands kif ukoll fis-Slovakkja, id-deċiżjonijiet jew l-ommissjonijiet tal-awtoritajiet huma marbuta mad-Direttiva dwar il-Ħabitats, id-Direttiva dwar l-Għasafar, id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, u d-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja u lin-Netherlands, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Ittri ta' intimazzjoni addizzjonali skont l-Artikolu 260 tat-TFUE

 

Arja: il-Kummissjoni tappella lil FRANZA biex tikkonforma mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalità tal-arja

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lil Franza (INFR(2015)2074) talli naqset milli timplimenta s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta' Ottubru 2019 (C-636/18) dwar in-nuqqas ta' konformità mad-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent (id-Direttiva 2008/50/KE). Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandu bħala ambizzjoni t-Tniġġis Żero jagħmel enfasi fuq it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja li huwa fost il-fatturi ewlenin li jaffettwaw saħħet il-bniedem. L-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tal-kwalità tal-arja stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-UE hija essenzjali biex titħares b'mod effettiv saħħet il-bniedem u biex jiġi ssalvagwardjat l-ambjent naturali. Id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent titlob lill-Istati Membri jżommu l-konċentrazzjonijiet ta' sustanzi niġġiesa speċifiċi fl-arja, bħad-diossidu tan-nitroġenu (NO2), taħt ċerti valuri ta' limitu. F'każ li jinqabżu dawn il-valuri ta' limitu, l-Istati Membri jridu jadottaw il-pjanijiet tal-kwalità tal-arja biex il-perjodu ta' qbiż jinżamm qasir kemm jista' jkun. Fis-sentenza tagħha, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li Franza kienet kisret l-obbligi tagħha skont id-Direttiva dwar il-Kwalità tal-Arja fl-Ambjent peress li l-valur ta' limitu annwali tan-NO2 kien inqabeż b'mod sistematiku fi 12-il żona ta' kwalità tal-arja u l-valur ta' limitu ta' kuljum tan-NO2 f'żewġ żoni mill-2010. Wara d-deċiżjoni, Franza ħadet xi miżuri u ġew adottati pjanijiet ġodda dwar il-kwalità tal-arja f'xi żoni tal-kwalità tal-arja biex jissaħħu l-azzjonijiet eżistenti. Madankollu, Franza għadha ma kkonformatx mad-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tal-valuri ta' limitu annwali għall-NO2 f'erba' żoni tal-kwalità tal-arja — Pariġi, Lyon, Strasburgu, u Marseille-Aix. 14-il sena wara l-iskadenza stabbilita fid-Direttiva u aktar minn 4 snin wara d-deċiżjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-miżuri adottati s'issa ma indirizzawx il-kwistjoni b'mod effettiv. Sabiex tqies il-miżuri addizzjonali meħuda minn Franza, id-data ta' monitoraġġ l-aktar aġġornata u l-ġurisprudenza riċenti tal-Qorti, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni oħra lil Franza. Franza issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' terġa' tressaq lil Franza quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponilha penali finanzjarji.

 

Opinjonijiet motivati

 

Skart: il-Kummissjoni tappella lir-RUMANIJA biex tagħlaq u tirriabilita l-landfills illegali

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Rumanija (INFR (2020)2276) talli naqset milli tikkonforma bis-sħiħ mad-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills (id-Direttiva 1999/31/KE) u mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE). Id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills titlob li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jagħlqu u jirriabilitaw landfill li ma ngħatatx permess. Skont id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart, l-Istati Membri jridu jirkupraw u jarmu l-iskart b'mod li ma jipperikolax saħħet il-bniedem u l-ambjent, u jipprojbixxu l-abbandun, l-iskariku jew ir-rimi mhux ikkontrollat tal-iskart. It-Trattat tal-Adeżjoni tar-Rumanija ta lill-awtoritajiet sas-16 ta' Lulju 2017 biex jikkonformaw ma' dawn ir-regoli fir-rigward tal-101 landfill. Peress li dan l-obbligu ma ġiex rispettat bis-sħiħ, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija f'Ottubru 2020. S'issa, ir-Rumanija għalqet u rriabilitat 92 landfill. L-iskeda ta' żmien għall-għeluq u għar-riabilitazzjoni tad-disa' landfills li fadal hija ta' 2026–2028 għal ħamsa minnhom u mhix ċerta għall-erbgħa li fadal. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lir-Rumanija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Ambjent tal-baħar: il-Kummissjoni tappella lid-DANIMARKA, lill-GREĊJA, lill-KROAZJA u lil MALTA biex jipproteġu l-ilmijiet tal-baħar tagħhom

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lid-Danimarka (INFR(2022)2174), lill-Greċja (INFR(2022)2176), lill-Kroazja (INFR(2022)2177) u lil Malta (INFR(2022)2181) biex jikkonformaw mal-obbligi ta' rapportar skont id-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina (id-Direttiva 2008/56/KE). Id-Direttiva għandha l-għan li tikseb status ambjentali tajjeb tal-ibħra u tal-oċeani tal-UE filwaqt li tiżgura li r-riżorsi tagħhom jiġu ġestiti b'mod sostenibbli. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandu bħala ambizzjoni t-Tniġġis Żero, jappella biex sal-2050, it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija jitnaqqas għal-livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta' ħsara għal saħħet il-bniedem u għall-ekosistemi naturali, u b'hekk jinħoloq ambjent bla sustanzi tossiċi u tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri kienu meħtieġa jirrevedu u jaġġornaw il-programmi ta' miżuri tagħhom sal-31 ta' Marzu 2022. Dawn il-programmi huma l-pedamenti tad-Direttiva peress li jidentifikaw il-miżuri li jeħtieġ li jittieħdu biex jinkiseb jew jinżamm status ambjentali tajjeb fl-ambjent tal-baħar u jiżguraw li l-implimentazzjoni ta' dawn il-miżuri tiġi mmonitorjata. Bosta Stati Membri naqsu milli jressqu r-rapporti dwar l-aġġornamenti tal-programmi tal-miżuri tagħhom lill-Kummissjoni sal-iskadenzi meħtieġa. Għaldaqstant, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati fi Frar 2023. Minn dak iż-żmien, uħud mill-Istati Membri adottaw u rrapportaw il-programmi tal-miżuri tagħhom. Madankollu, id-Danimarka, il-Greċja, il-Kroazja u Malta s'issa naqsu milli jagħmlu dan. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil dawn l-Istati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Emissjonijiet industrijali: il-Kummissjoni tappella lill-AWSTRIJA biex tittrasponi l-leġiżlazzjoni tal-UE dwar l-emissjonijiet industrijali bis-sħiħ

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija (INFR(2020)2094) talli naqset milli tallinja l-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha dwar l-emissjonijiet industrijali mar-regoli tal-UE. L-attivitajiet industrijali għandhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent u s-saħħa. Id-Direttiva dwar l-Emissjonijiet Industrijali (id-Direttiva 2010/75/UE)tistabbilixxi r-regoli mfassla biex jipprevjenu u jnaqqsu l-emissjonijiet industrijali li jagħmlu l-ħsara fl-arja, fl-ilma u fl-art, kif ukoll biex jipprevjenu l-ġenerazzjoni tal-iskart. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew, li għandu bħala ambizzjoni t-Tniġġis Żero, jappella biex sal-2050, it-tniġġis tal-arja, tal-ilma u tal-ħamrija jitnaqqas għal-livelli li ma jibqgħux jitqiesu ta' ħsara għal saħħet il-bniedem u għall-ekosistemi naturali, u b'hekk jinħoloq ambjent bla sustanzi tossiċi u tissaħħaħ ir-reżiljenza kollettiva. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni f'Mejju 2020,u ittra ta' intimazzjoni addizzjonali f'Ġunju 2022. Minn dak iż-żmien, l-Awstrija adottat miżuri addizzjonali. Madankollu, il-leġiżlazzjoni Awstrijaka għadha ma tittrasponix b'mod korrett ċerti definizzjonijiet, kundizzjonijiet ta' permess u rekwiżiti tekniċi, kif ukoll ir-regoli għal meta jinkisru l-kundizzjonijiet ta' permess. Barra minn hekk, ir-regoli tad-Direttiva dwar l-informazzjoni pubblika u l-aċċess għall-ġustizzja ma ġewx trasposti b'mod korrett, u dan ixekkel il-parteċipazzjoni pubblika fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Awstrija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Natura: il-Kummissjoni tappella lill-IŻVEZJA biex tipproteġi d-denfil iswed mill-qbid aċċessorju

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Iżvezja (INFR(2020)4037) talli naqset milli tissodisfa l-obbligi skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE) fir-rigward tad-denfil iswed, mammiferu tal-baħar fil-familja tad-dniefel. Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Ewropea għall-Bijodiversità għall-2030 jindikaw li huwa fundamentali li l-UE twaqqaf it-telfien tal-bijodiversità billi tipproteġi u tirrestawra l-bijodiversità. Id-denfil iswed huwa speċi strettament protetta b'mod konformi mad-Direttiva dwar il-Ħabitats. L-Iżvezja ma ħaditx miżuri biex tiżgura li l-qbid u l-qtil aċċessorju ma jkollhomx impatt negattiv sinifikanti fuq din l-ispeċi protetta. Barra minn hekk, l-Iżvezja naqset milli tieħu l-passi xierqa biex tevita tfixkil sinifikanti ta' din l-ispeċi tal-baħar fis-siti ta' Natura 2000 deżinjati għall-konservazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, l-Iżvezja ma ttrasponietx b'mod korrett id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-Ħabitats dwar il-projbizzjoni tat-tfixkil sinifikanti tal-ispeċijiet fis-Siti ta' Natura 2000 u dwar is-sorveljanza u l-miżuri fir-rigward tal-qbid inċidentali. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja f'Lulju 2020. Peress li l-dniefel suwed għadhom mhumiex mħarsa fl-Iżvezja sal-istandard legali meħtieġ, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Iżvezja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Skart: il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil SPANJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tapplika r-rekwiżiti tal-ġestjoni tal-iskart 

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Spanja (INFR(2015)2192) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE). Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart titlob li l-Istati Membri jieħdu l-miżuri kollha meħtieġa biex jiżguraw li l-ġestjoni tal-iskart ma tipperikolax saħħet il-bniedem jew tagħmel ħsara lill-ambjent. L-Istati Membri jeħtieġu wkoll jiżguraw li l-iskart jintrema b'mod sikur, u li l-produtturi oriġinali tal-iskart jittrattaw l-iskart huma stess jew jiżguraw li t-trattament jiġi mmaniġġjat kif suppost. Spanja naqset milli tieħu l-miżuri meħtieġa biex tikkonforma ma' dawn ir-rekwiżiti tad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart. Il-persistenza ta', mill-inqas, 195 landfill illegali li għadhom ma ngħalqux, ma ġewx issiġillati u restawrati mill-2008 'l hawn qed tikkawża ħsara sinifikanti lill-ambjent filwaqt li tipperikola saħħet il-bniedem. Turi wkoll li Spanja naqset milli tissodisfa d-doveri tagħha ta' skrutinju, ta' spezzjoni u ta' infurzar fir-rigward tal-iskarikar tal-iskart. Dan joħloq perikli għas-saħħa u għall-ambjent, li l-Patt Ekoloġiku Ewropew għandu l-għan li jindirizza. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja f'Diċembru 2015, segwita minn opinjoni motivata f'Novembru 2018. Minkejja xi progress li sar, l-awtoritajiet Spanjoli ma indirizzawx għalkollox in-nuqqasijiet. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-isforzi tal-awtoritajiet Spanjoli sal-lum il-ġurnata ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tirreferi lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Iktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

Natura: il-Kummissjoni tiddeċiedi li terġa' tressaq lill-PORTUGALL quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqas milli jikkonforma mas-sentenza preċedenti dwar il-konservazzjoni tas-siti ta' Natura 2000

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li terġa' tressaq lill-Portugall (INFR(2015)2002) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqas milli jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-5 ta' Settembru 2019 fil-Kawża C-290/18. Fis-sentenza tagħha tal-5 ta' Settembru 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Portugall kien naqas milli jiddeżinja 61 Sit ta' Importanza Komunitarja (SIK) bħala Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni (ŻSK), kif meħtieġ mid-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE). Il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat ukoll li l-Portugall naqas milli jadotta l-miżuri ta' konservazzjoni meħtieġa għal dawk is-siti. B'segwitu għas-sentenza tal-Qorti, il-Portugall formalment iddeżinja l-61 sit ikkonċernati bħala ŻSK billi adotta digriet apposta. Madankollu, din id-deżinjazzjoni mhix suffiċjenti għall-konformità mas-sentenza peress li l-Portugall jeħtieġ ukoll jadotta objettivi u miżuri ta' konservazzjoni biex jikkonforma mas-sentenza. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan il-każ lura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Dan it-tieni tressiq quddiem il-Qorti jista' jirriżulta f'penali finanzjarji minħabba ż-żmien li għadda minn wara l-ewwel sentenza sakemm tintlaħaq il-konformità. Iktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

Ilma u għargħar: il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BULGARIJA, lill-IRLANDA, lil SPANJA, lil MALTA, lill-PORTUGALL u lis-SLOVAKKJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jiffinalizzaw ir-rieżami tal-pjanijiet tal-ilma tagħhom

Illum il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija (INFR(2022)2189), lill-Irlanda (INFR(2022)2185), lil Spanja (INFR(2022)2192), lil Malta (INFR(2022)2195), lill-Portugall (INFR(2022)2197) u lis- Slovakkja (INFR(2022)2187) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jiffinalizzaw ir-reviżjoni tal-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara tagħhom, kif meħtieġ skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE) u/jew tal-pjanijiet ta' mmaniġġjar tar-riskju ta' għargħar kif meħtieġ skont id-Direttiva dwar l-Għargħar (id-Direttiva 2007/60/KE). Id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma tiffoka fuq l-iżgurar ta' saħħa kwalitattiva u kwantitattiva tajba tal-korpi tal-ilma Ewropej, bħax-xmajjar u l-lagi. Għandha l-għan li tnaqqas u tneħħi t-tniġġis kif ukoll li tiżgura li jkun hemm biżżejjed ilma għas-sostenn tal-ħajja selvaġġa u fl-istess ħin tal-ħtiġijiet tal-bniedem. Hija parti essenzjali mill-Patt Ekoloġiku Ewropew u hija meħtieġa biex jintlaħqu l-miri tagħha għall-klima, għan-natura u għat-tnaqqis tat-tniġġis. Il-konformità mad-Direttiva dwar l-Għargħar hija kritika għat-tħejjija għall-għargħar u għall-immaniġġjar tagħhom. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni fi Frar 2023, segwiti minn opinjonijiet motivati f'Settembru 2023 lill-pajjiżi kollha li kienu naqsu milli jaġġornaw u jirrieżaminaw dawn il-pjanijiet. Minkejja xi progress li sar, sitt pajjiżi għadhom jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont waħda mid-Direttivi jew skont it-tnejn li huma. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-isforzi tal-awtoritajiet, sal-lum il-ġurnata, ma kinux biżżejjed u għalhekk qiegħda tressaq lill-Bulgarija, lill-Irlanda, lil Spanja, lil Malta, lill-Portugall u lis-Slovakkja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Iktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

(Għal aktar tagħrif:: Johanna Bernsel – Tel.: +32 229 86699; Ana Martínez Sanjurjo – Tel.: +32 229 63066)

 

Ittra ta' intimazzjoni

 

Il-moviment liberu tas-servizzi għall-avukati u għad-ditti legali: il-Kummissjoni titlob lill-KROAZJA biex tikkonforma mal-obbligi tagħha skont id-dritt tal-UE

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Kroazja (INFR(2023)2189) għan-nuqqas ta' konformità tal-leġiżlazzjoni nazzjonali mar-regoli tal-UE li jiffaċilitaw il-moviment liberu tal-avukati u tad-ditti legali madwar l-Unjoni. Dawk ir-regoli jagħmluha eħfef għall-professjonisti u għall-kumpaniji professjonali biex jipprovdu s-servizzi tagħhom f'diversi Stati Membri, filwaqt li jiggarantixxu livell adegwat ta' ħarsien għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini. B'mod partikolari, il-Kummissjoni jidhrilha li r-regoli Kroati jonqsu milli jikkonformaw mad-Direttiva tal-Avukati, mad-Direttiva dwar is-Servizzi u mal-prinċipju tal-libertà tal-istabbiliment billi: i) jipprojbixxu lid-ditti legali tal-UE milli jistabbilixxu kumpanija sussidjarja fil-Kroazja filwaqt li din il-possibbiltà hija offruta lid-ditti legali Kroati; ii) jobbligaw lill-avukati li jipprattikaw fil-Kroazja li jkunu membri ta' ditta legali waħda biss; iii) jistabbilixxu tariffi għoljin, diskriminatorji u sproporzjonati għall-ewwel reġistrazzjoni lill-Kamra tal-Avukati; iv) jirrestrinġu b'mod sproporzjonat lid-ditti legali milli jikkomunikaw dwar l-attivitajiet tagħhom permezz ta' networks soċjali u ta' siti web; u v) jesiġu li l-avukati tal-UE li jixtiequ jaħdmu f'fergħa tad-ditti legali tagħhom fil-Kroazja jkollhom relazzjoni ta' impjieg mad-ditta legali tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Kroazja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata. 

 

 3. Migrazzjoni, Affarijiet Interni u Unjoni tas-Sigurtà

(Għal aktar tagħrif:: Anitta Hipper - Tel.: +32 229 85691; Elettra Di Massa – Tel.: +32 2 298 21 61)

 

Opinjonijiet motivati

 

Kontenut Terroristiku Online: il-Kummissjoni tappella lill-ESTONJA, lill-IRLANDA, lil-LUSSEMBURGU, lill-POLONJA u lill-PORTUGALL biex jissodisfaw l-obbligi tar-Regolament dwar id-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Estonja (INFR(2022)2117), lill-Irlanda (INFR(2022)2121), lil-Lussemburgu (INFR(2022)2124), lill-Polonja (INFR(2022)2128), lill-Portugall (INFR(2022)2129), talli naqsu milli jikkonformaw ma' ċerti obbligi li joħorġu mir-Regolament dwar id-disseminazzjoni tal-kontenut terroristiku online (ir-Regolament TCO). Ir-Regolament TCO jistabbilixxi regoli biex jiżgura li l-fornituri ta' servizzi ta' hosting, li jagħmlu l-kontenut tal-utenti disponibbli għall-pubbliku, jindirizzaw l-użu ħażin tas-servizzi tagħhom għad-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online. Ir-Regolament, li daħal fis-seħħ fis-7 ta' Ġunju 2022, jipprevedi penali għall-ksur u jinkludi salvagwardji għall-ħarsien tad-drittijiet fundamentali. Il-fornituri ta' servizzi ta' hosting jridu jneħħu l-kontenut terroristiku malli jirċievu ordni ta' tneħħija mill-awtoritajiet tal-Istati Membri fi żmien siegħa u jieħdu miżuri meta l-pjattaformi tagħhom ikunu esposti għal kontenut terroristiku. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Estonja, l-Irlanda, il-Lussemburgu, il-Polonja u l-Portugall naqsu milli jikkonformaw ma' obbligu wieħed jew aktar skont ir-Regolament dwar id-disseminazzjoni ta' kontenut terroristiku online, bħal: ir-rekwiżit li tiġi deżinjata l-awtorità jew l-awtoritajiet responsabbli għall-ħruġ ta' ordnijiet ta' tneħħija u li l-Kummissjoni tiġi nnotifikata b'dawn l-awtoritajiet; li jissemma punt ta' kuntatt pubbliku u li jiġu stabbiliti r-regoli u l-miżuri dwar il-penali f'każ ta' nuqqas ta' konformità mal-obbligi legali.

Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil dawn l-Istati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

4. Ġustizzja

(Għal aktar tagħrif:: Christian Wigand - Tel.: +32 229 62253; Jördis Ferroli - Tel.: +32 229 92729; Yuliya Matsyk -Tel.: +32 229-62716)

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Stat tad-Dritt: il-Kummissjoni tiddeċiedi li tniedi proċedura ta' ksur kontra l-UNGERIJA talli kisret id-dritt tal-UE dwar id-Difiża tas-Sovranità

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR (2024)2001) għall-ksur tad-dritt tal-UE. Din id-deċiżjoni ssegwi valutazzjoni bir-reqqa mill-Kummissjoni tal-liġi l-ġdida dwar id-Difiża tas-Sovranità Nazzjonali, li ġiet adottata mill-Parlament Ungeriż fit-12 ta' Diċembru 2023 u li ilha fis-seħħ mit-22 ta' Diċembru 2023. Il-Liġi tistabbilixxi 'l hemm imsejjaħ Uffiċċju għad-Difiża tas-Sovranità, inkarigat li jinvestiga l-attivitajiet speċifiċi mwettqa fl-interess ta' Stat ieħor jew ta' korp, organizzazzjoni jew persuna fiżika barranija, jekk għab li jiksru jew iqiegħdu fil-periklu s-sovranità tal-Ungerija; u l-organizzazzjonijiet li l-attivitajiet tagħhom jużaw finanzjament barrani li jista' jinfluwenza l-eżitu tal-elezzjonijiet jew ir-rieda tal-votanti. Fiha wkoll dispożizzjonijiet u emendi tal-leġiżlazzjoni Ungeriża eżistenti li jipprojbixxu lill-kandidati, lill-partijiet politiċi u lill-assoċjazzjonijiet li jieħdu sehem fl-elezzjonijiet milli jużaw finanzjament barrani biex jinfluwenzaw jew jippruvaw jinfluwenzaw ir-rieda tal-votanti għall-elezzjonijiet ikkonċernati, u biex jikkastigaw skont id-dritt kriminali l-użu ta' finanzjament barrani fil-kuntest tal-elezzjonijiet. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-leġiżlazzjoni Ungeriża kkonċernata tikser bosta dispożizzjonijiet tad-dritt primarju u sekondarju tal-UE. Fost oħrajn il-valuri demokratiċi tal-Unjoni; il-prinċipju tad-demokrazija u l-jeddijiet elettorali taċ-ċittadini tal-UE; bosta drittijiet fundamentali mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, bħal jedd għall-ħarsien tal-ħajja privata u tal-familja, il-jedd għall-protezzjoni tad-data personali, il-libertà tal-espressjoni u tal-informazzjoni, il-libertà tal-assoċjazzjoni, il-jedd għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali, il-privileġġ kontra l-awtoinkriminazzjoni u l-privileġġ professjonali legali; ir-rekwiżiti tad-dritt tal-UE rigward il-protezzjoni tad-data u d-diversi regoli applikabbli għas-suq intern. L-Ungerija għandha xahrejn biex twieġeb għall-ittra ta' intimazzjoni. Jekk ma tindirizzax l-ilmenti identifikati mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata bħala l-pass li jmiss fil-proċedura ta' ksur.

 

Jeddijiet proċedurali: il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU u lill-PORTUGALL biex jittrasponu r-regoli tal-UE dwar is-salvagwardji proċedurali għat-tfal fil-proċedimenti kriminali bis-sħiħ

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall (INFR(2023)2091) u billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Bulgarija (INFR(2019)0164) talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar is-salvagwardja proċedurali għal tfal li huma suspettati jew li huma persuni akkużati fi proċedimenti kriminali bis-sħiħ (id-Direttiva (UE) 2016/800) fil-liġijiet nazzjonali tagħhom. Id-Direttiva dwar is-salvagwardja proċedurali għat-tfal fil-proċedimenti kriminali hija parti mill-istrateġija komprensiva tal-UE biex tiggarantixxi standards minimi komuni għall-jeddijiet għal proċess ġust tal-persuni suspettati u akkużati madwar l-UE. Din tnaqqax il-jeddijiet ewlenin għat-tfal fil-proċedimenti kriminali bħall-jedd għal valutazzjoni individwali, għal trattament speċifiku f'każ ta' ċaħda tal-libertà (bħall-firda mid-detenuti adulti u l-aċċess għat-taħriġ u għall-edukazzjoni) u li jkunu akkumpanjati mid-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri matul il-proċedimenti. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Portugall naqas milli jittrasponi r-rekwiżiti tad-Direttiva rigward il-jedd għall-informazzjoni, il-jedd għal eżami mediku, it-trattament speċifiku fil-każ ta' ċaħda tal-libertà, it-taħriġ tal-persunal tal-infurzar tal-liġi u tal-persunal tal-faċilitajiet ta' detenzjoni li jittratta każijiet li jinvolvu t-tfal u l-attribuzzjoni tal-kostijiet li jirriżultaw mill-applikazzjoni ta' ċerti jeddijiet minquxa fid-Direttiva. Fir-rigward tal-Bulgarija, il-Kummissjoni jidhrilha li naqset milli tittrasponi r-rekwiżiti tad-Direttiva rigward id-definizzjonijiet tal-kunċetti ewlenin: il-jedd għall-informazzjoni, il-jedd li d-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jiġi infurmat dwar il-jeddijiet tat-tfal, il-jedd għal valutazzjoni individwali u l-jedd għal eżami mediku. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Portugall u ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Bulgarija. L-Istati Membri issa għandhom xahrejn biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.

 

Opinjonijiet motivati

 

Mandat ta' arrest Ewropew: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA u lill-IŻVEZJA jikkonformaw mal-proċeduri ġudizzjarji transfruntiera dwar il-konsenja ta' persuna rikjesta

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Iżvezja (INFR(2020)2362) u opinjoni motivata lill-Greċja (INFR(2021)2003) talli naqsu milli jikkonformaw mad-Deċiżjoni Qafas dwar il-Mandat ta' Arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2002/584/ĠAI). Il-Mandat ta' Arrest Ewropew (MAE) huwa proċedura ġudizzjarja transfruntiera simplifikata biex persuna rikjesta tiġi kkonsenjata għall-fini ta' prosekuzzjoni jew ta' eżekuzzjoni ta' sentenza ta' kustodja jew ta' ordni ta' detenzjoni. L-MAE ilu operazzjonali mill-1 ta' Jannar 2004 u ħa post il-proċeduri twal ta' estradizzjoni li kienu jeżistu bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Iżvezja fi Frar 2021 u mbagħad lill-Greċja f'Ġunju 2021. Wara analiżi ta' tweġibiethom, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Iżvezja kienet naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjoni dwar is-sitwazzjoni u s-smigħ tal-persuna sakemm tittieħed id-deċiżjoni filwaqt li l-Greċja kienet naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar ir-raġunijiet fakultattivi għar-rifjut u l-garanziji li għandhom jingħataw mill-awtorità ġudizzjarja emittenti u t-tranżitu. Issa, l-Iżvezja u l-Greċja għandhom xahrejn biex iwieġbu u biex jieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jindirizzaw in-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lill-Iżvezja u li tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti.

 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

 

Jeddijiet proċedurali: il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BELĠJU u lil-LUSSEMBURGU quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli ma tawx b'mod sħiħ il-jedd ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u l-jedd ta' komunikazzjoni mal-arrest

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Belġju (INFR(2021)2106) u lil-Lussemburgu (INFR(2021)2139) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva dwar l-jedd ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat u l-jedd ta' komunikazzjoni mal-arrest (id-Direttiva 2013/48/UE) bis-sħiħ. Fit-23 ta' Settembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju fejn ikkonkludiet li l-partijiet li ġejjin ta' din id-Direttiva ma kinux ġew trasposti b'mod korrett: il-jedd ta' minorenni li jkollu aċċess għas-servizzi ta' avukat b'mod konkret u effettiv; id-deroga mill-jedd ta' aċċess għas-servizzi ta' avukat minħabba d-distanza ġeografika; u d-derogi mill-jedd ta' aċċess għal avukat fi proċedimenti kriminali. Fl-14 ta' Lulju 2023, il-Kummissjoni segwiet b'opinjoni motivata. Fit-12 ta' Novembru 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil-Lussemburgu fejn ikkonkludiet li partijiet relatati mal-informazzjoni ex officio tad-detentur tar-responsabbiltà tal-ġenituri jew ta' adult xieraq ieħor dwar iċ-ċaħda tal-libertà ta' tifel jew tifla u d-derogi minnha, ma ġewx trasposti b'mod korrett. Fl-1 ta' Ġunju 2023, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata. Peress li t-tweġiba għall-opinjoni motivata mill-Belġju u mil-Lussemburgu ma xehdietx it-traspożizzjoni korretta tad-Direttiva, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq lill-Belġju u lil-Lussemburgu quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Iktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

 5. Enerġija

(Għal aktar tagħrif:: Tim McPhie – Tel.: +32 229 58602; Giulia Bedini – Tel. +32 229 58661)

 

Ittra ta' intimazzjoni

 

Sigurtà tal-provvista tal-enerġija: il-Kummissjoni tappella lill-BULGARIJA biex tikkonforma bis-sħiħ mar-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2023)2190) talli naqset milli tikkonforma mal-obbligi li tinnotifika ċerta informazzjoni lill-Kummissjoni stabbiliti fir-Regolament tal-UE biex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-provvista tal-gass (ir-Regolament (UE) 2017/1938). Skont ir-Regolament tal-UE dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass, l-Istati Membri huma obbligati jistabbilixxu pjan ta' azzjoni preventiva li jkun fih il-miżuri meħtieġa biex jitneħħew jew jittaffew ir-riskji identifikati għall-provvista tal-gass; u pjan ta' emerġenza li jkun fih il-miżuri li jridu jittieħdu biex jitneħħa jew jittaffa l-impatt ta' interruzzjoni tal-provvista tal-gass. Dawn il-pjanijiet jridu jiġu aġġornati, ippubblikati u nnotifikati lill-Kummissjoni kull 4 snin. L-ewwel aġġornament kellu jsir fl-1 ta' Marzu 2023. Sal-lum il-ġurnata, il-Bulgarija għadha ma nnotifikatx il-Pjan ta' Azzjoni Preventiva u l-Pjan ta' Emerġenza aġġornati tagħha. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Bulgarija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont ir-Regolament dwar is-Sigurtà tal-Provvista tal-Gass u għalhekk qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata lill-Bulgarija.

 

Opinjoni motivata

 

Enerġija rinnovabbli: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BELĠJU biex jittrasponi d-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli bis-sħiħ

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju (INFR(2021)0145) talli ma ttrasponiex ir-regoli tal-UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija rinnovabbli minn sorsi rinovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001 bis-sħiħ. Din id-Direttiva tipprovdi l-qafas legali għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli għall-elettriku, għat-tisħin u għat-tkessiħ, u għat-trasport fl-UE. Din tistabbilixxi mira vinkolanti fil-livell tal-UE għall-2030 ta' mill-inqas 32 % tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fil-konsum finali gross tal-enerġija tal-Unjoni. Id-Direttiva tipprovdi miżuri ta' appoġġ biex l-enerġija rinnovabbli tkun kosteffettiva u tissimplifika l-proċeduri amministrattivi għall-proġetti tal-enerġija rinnovabbli. Id-Direttiva tiffaċilita wkoll il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa, u tistabbilixxi miri speċifiċi biex jiżdied is-sehem tas-sorsi rinnovabbli fis-setturi tat-tisħin u tat-tkessiħ u tat-trasport sal-2030. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-30 ta' Ġunju 2021. F'Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju talli naqas milli jikkomunika it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. Sal-lum il-ġurnata, il-Belġju ttraspona id-Direttiva parzjalment biss. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju, li issa għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

6. Tassazzjoni u Unjoni Doganali

(Għal aktar tagħrif:: Daniel Ferrie - Tel: +32 229 86500; Francesca Dalboni – Tel: +32 229 88170)

 

Ittra ta' intimazzjoni

 

Tassazzjoni: il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA biex tneħħi l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għall-ħwienet ħielsa mit-taxxa fil-fruntieri fuq l-art ma' pajjiżi li mhumiex tal-UE

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR(2020)2268) talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa. Il-Greċja teżenta, mid-dazju tas-sisa, l-oġġetti fornuti minn ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu fil-fruntieri fuq l-art tagħha mal-Albanija, mal-Maċedonja ta' Fuq u mat-Turkija. Sa Jannar 2017, bis-saħħa tad-Direttiva, l-Istati Membri li kellhom ħwienet ħielsa mit-taxxa li jinsabu barra minn ajruport jew port fl-1 ta' Lulju 2008 setgħu jużaw din l-eżenzjoni. Minkejja li dan ma għadux permess skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Greċja tissokta tuża din l-eżenzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Opinjoni motivata

 

Tassazzjoni: il-Kummissjoni tappella lill-ĠERMANJA biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-VAT fir-rigward tas-servizzi tat-tagħlim mogħti privatament

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja (INFR (2015)2011) talli ma applikatx kif suppost ir-regoli tal-UE dwar l-eżenzjoni, tas-servizzi tat-tagħlim mogħti privatament, mill-VAT kif stabbilit fid-Direttiva tal-VAT u ċċarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Din id-Direttiva titlob li l-Istati Membri jeżentaw, it-tagħlim mogħti privatament li jkopri l-edukazzjoni skolastika jew universitarja, mill-VAT. L-Istati Membri jistgħu jipprevedu kundizzjonijiet oħra biss biex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u sempliċi ta' din l-eżenzjoni u biex jipprevjenu l-evażjoni, l-evitar jew l-abbuż tat-taxxa. Huma għandhom jeżerċitaw din id-diskrezzjoni b'tali mod li jiżguraw li l-persuna taxxabbli intitolata għall-eżenzjoni mill-VAT tkun tista' tibbenefika minnha b'mod effettiv. Fil-Ġermanja, l-għalliema privati jridu jippreżentaw ċertifikat għall-applikazzjoni tal-eżenzjoni mill-VAT. Iċ-ċertifikat irid jinħareġ mill-awtorità kompetenti tal-“Land” Ġermaniż u jrid jiċċertifika li s-servizzi ta' tagħlim qed jitħejjew għal professjoni jew biex isir eżami quddiem persuna ġuridika rregolata mid-dritt pubbliku. Dan ma jikkonformax mad-dritt tal-UE kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, il-Ġermanja titqies bħala li naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont id-Direttiva tal-VAT. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ġermanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

7. Impjiegi u jeddijiet soċjali

(Għal aktar tagħrif:: Veerle Nuyts – Tel.: +32 229 96302; Flora Matthaes – Tel.: +32 229 83951)

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Kundizzjonijiet tax-xogħol: il-Kummissjoni tappella lid-DANIMARKA u lill-PORTUGALL biex jinkorporaw id-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni fid-dritt nazzjonali

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ żewġ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lid-Danimarka (INFR(2023)2175) u lill-Portugall (INFR(2023)2174) talli naqsu milli jinkorporaw id-Direttiva dwar il-ħin tax-xogħol fit-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni (id-Direttiva 2014/112/UE) fid-dritt nazzjonali. F'Novembru 2023, il-Kummissjoni ħarġet ukoll ittri ta' intimazzjoni lill-Greċja, lil Ċipru u lil Malta talli naqset milli tikkomunika l-miżuri li jinkorporaw id-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Dawn ir-regoli jimplimentaw ftehim tal-imsieħba soċjali li jirregola ċerti aspetti tal-ħin tax-xogħol għall-ħaddiema impjegati abbord bastimenti fis-setturi tat-trasport fl-ilmijiet navigabbli interni. B'mod partikolari, il-ftehim jirregola t-tul tal-ħin tax-xogħol ta' kuljum u ta' kull ġimgħa, il-perjodi tal-mistrieħ, il-pawżi, il-ħin tax-xogħol massimu matul il-lejl, u l-liv annwali. Id-Danimarka u l-Portugall ma kkomunikaw l-ebda miżura li tittrasponi dawn ir-regoli lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lid-Danimarka u lill-Portugall, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

8. Difiża

(Għal aktar tagħrif:: Johanna Bernsel - Tel.: +32 229 86699; Flore Boutier– Tel.: +32 229 66043)

 

Ittra ta' intimazzjoni

 

Il-Kummissjoni tappella liċ-Ċekja biex tikkonforma mad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża

Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni liċ-Ċekja (INFR(2023)4017) talli kisret l-obbligi tagħha skont id-Direttiva 2009/81/KE (id-“Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża”) u skont it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (it-TFUE) fir-rigward tal-akkwist tal-ħelikopters militari.

Id-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża għandha l-għan li ttejjeb it-trasparenza u l-ftuħ fis-Suq Ewropew tat-Tagħmir għad-Difiża (EDEM) u li tipprovdi kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni għall-kumpaniji Ewropej filwaqt li tiżgura li jitħarsu l-interessi tas-sigurtà tal-Istati Membri. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-proċedura ta' akkwist u l-kundizzjonijiet applikati miċ-Ċekja għall-għoti tal-kuntratt ma kinux konformi mad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża u mal-prinċipji bbażati fuq it-Trattat. Il-ksur huwa relatat maċ-ċirkomvenzjoni tad-Direttiva dwar l-Akkwist Pubbliku fil-Qasam tad-Difiża dwar l-organizzazzjoni ta' proċedura kompetittiva ta' offerti, bl-użu ħażin tal-eżenzjoni tal-kuntratti bejn il-gvernijiet stipulati f'dik id-Direttiva. L-għoti dirett tal-kuntratt jikser ukoll il-prinċipju ta' nondiskriminazzjoni, ta' trattament ugwali u ta' trasparenza tat-Trattat u b'hekk jiċħad lill-kumpaniji tal-UE mill-possibbiltà li jressqu offerti u li jikkompetu b'mod effettiv għall-kuntratt. Il-ksur jirrigwarda wkoll it-talba tal-awtoritajiet Ċeki għall-parteċipazzjoni industrijali tal-kumpaniji Ċeki fil-kuntratt. Il-miżuri restrittivi li jimponu obbligi fuq il-fornituri barranin biex jikkooperaw biss mal-kumpaniji domestiċi jiksru l-prinċipji bażiċi tat-Trattat. Dan jiddiskrimina kontra l-operaturi ekonomiċi, l-oġġetti u s-servizzi minn Stati Membri oħra u twaqqaf il-moviment liberu tal-oġġetti u tas-servizzi u/jew il-jedd ta' stabbiliment fis-suq intern. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni liċ-Ċekja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

9. Servizzi finanzjarji

(Għal aktar tagħrif:: Daniel Ferrie – Tel.: +32 2 298 65 00; Marta Pérez-Cejuela – Tel.: +32 2 296 37 70)

 

Ittri ta' intimazzjoni

 

Swieq finanzjarji: il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-GREĊJA, lis-SLOVENJA u lis-SLOVAKKJA jlestu t-traspożizzjoni tagħhom tad-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR(2023)2184), lis-Slovenja (INFR(2023)2185) u lis-Slovakkja (INFR(2023)2186) talli ma ttrasponewx fid-dritt nazzjonali l-emendi tad-Direttiva dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji b'mod komplut. L-emendi jissostitwixxu d-definizzjoni ta' “strument finanzjarju” skont l-Artikolu 4(1)(15) tad-Direttiva 2014/65/UE. L-iskadenza għat-traspożizzjoni kienet it-23 ta' Marzu 2023. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, lis-Slovenja u lis-Slovakkja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u biex jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Servizzi finanzjarji għall-konsumatur: il-Kummissjoni tappella lil FRANZA biex tittrasponi id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju b'mod korrett

Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza (INFR(2023)2164) minħabba t-traspożizzjoni mhux kompluta tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju (id-Direttiva 2014/17/KE). Il-fini tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju huwa li jinħoloq suq uniku effiċjenti u kompetittiv għall-konsumaturi, għall-kredituri u għall-intermedjarji tal-kreditu b'livell għoli ta' ħarsien tal-konsumatur fil-qasam tal-kreditu ipotekarju.

Franza nnotifikat traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva, pero ma ttrasponietx b'mod korrett l-aspetti tad-Direttiva relatati mal-libertà li jiġu pprovduti servizzi u mal-libertà tal-istabbiliment tal-intermedjarji tal-kreditu stabbiliti u awtorizzati fi Stati Membri oħra. Id-Direttiva titlob li dawn l-intermedjarji tal-kreditu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fuq bażi transfruntiera jew billi jistabbilixxu fergħa fi Franza f'perjodu ta' żmien speċifiku. Jistgħu jagħmlu dan abbażi tal-awtorizzazzjoni tagħhom fl-Istat Membru ta' domiċilju tagħhom u irrispettivament minn kwalunkwe reġistrazzjoni tal-awtoritajiet Franċiżi. Id-Direttiva titlob ukoll li s-superviżjoni tagħhom fil-prinċipju titwettaq mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju, u li s-superviżjoni mill-awtoritajiet Franċiżi jeħtieġ li tkun limitata fi qbil mad-Direttiva. Barra minn hekk, ir-remunerazzjoni tal-persunal tal-kredituri, tal-intermedjarji tal-kreditu jew tar-rappreżentanti maħturin li jipprovdu servizzi ta' konsulenza ma trid tkun bl-ebda mod kontinġenti fuq il-miri tal-bejgħ. Il-Kummissjoni jidhrilha li Franza naqset milli tittrasponi b'mod korrett dawn l-aspetti tad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju.

Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

 

Opinjoni motivata

 

Awditjar: il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tittrasponi d-Direttiva dwar l-Awditjar b'mod korrett

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Italja (INFR(2022)2218) talli ma ttrasponietx id-Direttiva dwar l-Awditjar (id-Direttiva 2014/56/UE) b'mod komplut.

Sabiex tissaħħaħ it-trasparenza tas-sorveljanza tal-awdituri u biex ikun hemm aktar akkontabilità, id-Direttiva dwar l-Awditjar titlob li l-Istati Membri jiddeżinjaw awtorità kompetenti waħda biss biex fl-aħħar mill-aħħar tkun responsabbli għall-kompiti ta' sorveljanza fil-qasam tal-awditjar statutorju fuq il-kontijiet annwali u l-kontijiet konsolidati. Il-leġiżlazzjoni Taljana tipprevedi żewġ awtoritajiet differenti li parzjalment jikkondividu ċerti kompiti ta' sorveljanza rilevanti mingħajr ma jiddeżinjaw b'mod espliċitu waħda li jkollha r-responsabbiltà aħħarija.

Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Italja naqset milli tittrasponi d-dispożizzjoni rilevanti tad-Direttiva dwar l-Awditjar b'mod korrett.

L-Italja għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
7 Frar 2024
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta