Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa10 Jannar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta4 min qari

Fond ta' € 47 miljun biex tiġi protetta l-proprjetà intellettwali tal-SMEs tal-UE fl-irkupru tagħhom wara l-COVID-19 u fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali tagħhom

SME

Illum, il-Kummissjoni u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) nedew il-Fond il-ġdid tal-UE għall-SMEs, li joffri vouchers għall-SMEs ibbażati fl-UE biex jgħinuhom jipproteġu d-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (PI) tagħhom. Dan huwa t-tieni Fond tal-UE għall-SMEs li għandu l-għan li jappoġġa lill-SMEs fl-irkupru wara l-COVID-19 u fit-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali għat-tliet snin li ġejjin (2022–2024).

Il-Viċi President Eżekuttiv, Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: “Iż-żgħir huwa sabiħ, iżda jekk l-SMEs iridu jikbru jew ikunu minn ta' quddiem f'teknoloġiji ġodda, jeħtieġ li jipproteġu l-invenzjonijiet u l-kreazzjonijiet tagħhom, kif jagħmlu l-kumpaniji l-kbar. Ideat u għarfien espert ġodda huma l-valur miżjud ewlieni li għandna fl-UE. B'dan il-Fond, irridu nappoġġaw lill-SMEs biex jiffaċċjaw dawk iż-żminijiet partikolari u jibqgħu b'saħħithom u innovattivi matul id-deċennji li ġejjin.”

Il-Kummissarju għas-Suq Intern, Thierry Breton, qal: “Huwa ovvju li l-SMEs intlaqtu b'mod partikolari mill-kriżi tal-COVID-19. Iżda ma jinbidilx il-fatt li jibqgħu s-sinsla tal-ekonomija tagħna, tal-ekosistemi tagħna. Dan il-Fond se jappoġġa lill-SMEs biex jivvalorizzaw l-innovazzjonijiet u l-kreattività tagħhom. U dan huwa kruċjali għall-SMEs biex jirrikapitalizzaw u jixprunaw it-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali.”

Il-Fond tal-UE għall-SMEs, b'baġit ta' € 47 miljun, se joffri l-appoġġ li ġej:

  • Jirrimborża 90 % tat-tariffi imposti mill-Istati Membri għas-servizzi IP Scan, li jipprovdu valutazzjoni wiesgħa tal-ħtiġijiet ta' proprjetà intellettwali tal-SME li tkun qed tapplika, filwaqt li jitqies il-potenzjal innovattiv tal-assi intanġibbli tagħha;
  • Jirrimborża 75 % tat-tariffi imposti mill-uffiċċji tal-proprjetà intellettwali (inklużi l-uffiċċji nazzjonali tal-proprjetà intellettwali, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea u l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Benelux) għar-reġistrazzjoni tat-trademarks u tad-disinni;
  • Jirrimborża 50 % tat-tariffi imposti mill-Organizzazzjoni Dinjija tal-Proprjetà Intellettwali għall-kisba ta' protezzjoni internazzjonali tat-trademarks u tad-disinni;
  • Jirrimborża 50 % tat-tariffi imposti mill-uffiċċji nazzjonali tal-privattivi għar-reġistrazzjoni tal-privattivi fl-2022;
  • Mill-2023, jistgħu jiġu koperti aktar servizzi eż. rimborż parzjali tal-kostijiet tat-tiftix tal-privattivi li kien hemm qabel, tal-privattiva li qed tapplika; il-pariri privati dwar il-PI li jiġu ċċarġjati mill-avukati tal-PI (għar-reġistrazzjoni tal-privattivi, il-ftehimiet ta' liċenzjar, il-valutazzjoni tal-PI, il-kostijiet tas-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, eċċ.).

L-SMEs jeħtieġu sett ta' għodod flessibbli tal-proprjetà intellettwali u finanzjament rapidu biex jipproteġu l-innovazzjonijiet tagħhom. Għalhekk, għall-ewwel darba l-Fond il-ġdid tal-UE għall-SMEs qed ikopri wkoll il-privattivi. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Kummissjoni, li tammonta għal € 2 miljuni, se tkun iddedikata kompletament għas-servizzi relatati mal-privattivi. Pereżempju, SME tista' tapplika għar-rimborż tat-tariffa tar-reġistrazzjoni biex tikseb privattiva għall-invenzjoni tagħha fi Stat Membru.

L-EUIPO se jiġġestixxi l-Fond għall-SMEs permezz ta' sejħiet għal proposti. L-ewwel sejħa tnediet illum fuq is-sit web tal-EUIPO.

Sabiex jiġi żgurat trattament ġust u ugwali tal-benefiċjarji potenzjali kif ukoll biex tiġi salvagwardjata ġestjoni effiċjenti tal-azzjoni, l-applikazzjoni tal-għotjiet se tkun miftuħa matul il-perjodu 2022-2024. L-applikazzjonijiet se jiġu eżaminati u evalwati abbażi ta' kriterju “joħroġ li daħal l-ewwel”. L-SMEs bl-ebda esperjenza fil-qasam tal-proprjetà intellettwali huma mħeġġa japplikaw l-ewwel għal servizz tal-IP Scan u mbagħad jistgħu japplikaw għas-servizzi l-oħra.

Fil-Jiem tal-Industrija tal-UE (mit-8 sal-11 ta' Frar 2022) se tiġi ddedikata sessjoni speċjali għall-Fond għall-SMEs biex l-SMEs ikunu jistgħu jistaqsu mistoqsijiet lill-esperti li jiġġestixxu l-Fond u jirċievu gwida prattika dwar kif japplikaw għas-servizzi differenti. Is-sessjoni speċjali se sseħħ fil-11 ta' Frar 2022. Tista' tiġi segwita mill-bogħod billi wieħed jabbona għall-Jiem tal-Industrija tal-UE.

Kuntest

Jeħtieġ li l-UE żżid ir-reżiljenza tal-SMEs tagħha biex tippermettilhom ilaħħqu mal-isfidi attwali maħluqa mill-kriżi tal-COVID-19 u biex tgħin fit-tranżizzjoni tagħhom lejn teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali. L-UE tikkapitalizza fuq il-valur tal-assi intanġibbli li joħolqu, jiżviluppaw u jikkondividu l-kumpaniji tagħha, billi tgħinhom jimmaniġġjaw dawn l-assi b'mod aktar effettiv u billi tipprovdi appoġġ finanzjarju u aċċess aħjar għall-finanzi.

Il-Kummissjoni ppubblikat il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Proprjetà Intellettwali biex tappoġġa l-irkupru u r-reżiljenza tal-UE f'Novembru 2020. Fost il-prijoritajiet tal-Pjan ta' Azzjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tippromwovi użu u varar effettivi tal-għodod tal-proprjetà intellettwali, b'mod partikolari mill-SMEs. B'mod konkret, il-Kummissjoni offriet appoġġ finanzjarju għall-SMEs milquta mill-kriżi tal-COVID-19, u għenithom jimmaniġġjaw il-portafolli tal-PI tagħhom u għenithom ukoll jimxu lejn teknoloġiji ekoloġiċi u diġitali.

Fl-2021, il-Kummissjoni, flimkien mal-EUIPO, nediet l-ewwel Fond tal-UE għall-SMEs li joffri servizzi biex jiġu rimborżati l-kostijiet tal-IP Scan u l-kostijiet tar-reġistrazzjoni nazzjonali tat-trademarks u tad-disinni. Intuża total ta' € 6.8 miljun tal-baġit minn 12,989 SMEs mis-27 Stat Membru. B'kollox, ingħataw 28,065 servizz fl-ewwel sena tal-ewwel Fond għall-SMEs, li juri li l-azzjoni kienet ta' suċċess kbir. 

Għal aktar informazzjoni

Fond għall-SMEs 2022

Fond għall-SMEs 2022 – Sejħa għal proposti

Pjan ta' Azzjoni dwar il-Proprjetà Intellettwali

Programmi ta' finanzjament għall-SMEs 

Jiem tal-Industrija tal-UE

Segwi @EU_Growth u @EU_IPO fuq Twitter

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
10 Jannar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta