Illum, il-Kummissarju Dalli indirizzat lill-Kamra tad-Deputati biex tippreżenta u tiskambja l-fehmiet dwar l-oqsma kollha tal-portafoll tal-Ugwaljanza mal-membri tal-Parlament Lussemburgiż. Il-Kummissarju mbagħad iltaqgħet ma’ Taina Bofferding, il-Ministru tal-Lussemburgu għall-Affarijiet Interni u għall-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel, biex tiddiskuti l-portafoll dwar l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, b’mod partikolari l-proposta reċenti tal-UE dwar il-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika; id-Direttiva proposta tal-UE dwar it-Trasparenza fil-Pagi; u d-Direttiva tal-UE dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata.
Il-Kummissarju Dalli qalet “It-trasparenza fil-pagi tgħinna naraw diskriminazzjoni fil-pagi li tirriżulta minn sterjotipi, preġudizzji u twemmin dwar il-ġeneri li għadhom, ta’ spiss inkonxjament, jinfluwenzaw l-iffissar tal-pagi. Ma nistgħux nistennew għaxriet ta’ snin biex naraw l-ugwaljanza — huwa għalhekk li għandna bżonn it-trasparenza fil-pagi. Tlabt ukoll lil-Lussemburgu l-appoġġ sħiħ tiegħu għad-direttiva dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika. Irridu niġġieldu b’mod effettiv il-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika bi front magħqud.”
Il-Kummissarju fakkret li l-Istati Membri kollha jridu jittrasponu d-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn ix-Xogħol u l-Ħajja Privata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali sa Awwissu. L-għan huwa li naslu għal kondiviżjoni aħjar tar-responsabbiltajiet ta’ kura bejn in-nisa u l-irġiel, billi l-irġiel jitħallew jużaw id-drittijiet tagħhom għal-liv tal-ġenituri billi jiġu introdotti xahrejn ta’ liv imħallas b’mod adegwat u mhux trasferibbli għal kull ġenitur.
Waranofsinhar, f’ċerimonja uffiċjali, il-Kummissarju Dalli tat il-Premju Access City għall-2022 lill-Belt tal-Lussemburgu. Il-Kummissjoni Dalli qalet, “Il-Belt tal-Lussemburgu ħadmet ħafna matul is-snin, mad-dipartimenti tal-belt u mal-organizzazzjonijiet tal-persuni b’diżabilità biex tagħmel differenza. It-titjib fl-aċċessibbiltà fil-livell tal-belt għandu impatt immedjat fuq il-ħajja ta’ kuljum tal-persuni b’diżabilità — u b’hekk kulħadd ikun jista’ jagħmel affarijiet ta’ kuljum bħal pereżempju jaqbad tram jew tal-linja għax-xogħol jew l-iskola, iżur mużew, jipparteċipa fit-teħid tad-deċiżjonijiet, jew ikollu aċċess għas-servizzi mingħajr ostakli.” Il-Premju Access City huwa parti minn sett usa’ ta’ inizjattivi tal-UE biex tissaħħaħ l-aċċessibbiltà, bħall-Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, id-Direttiva dwar l-Aċċessibbiltà għall-Web, id-definizzjoni tal-istandards Ewropej għall-aċċessibbiltà u t-tnedija li ġejja taċ-ċentru Ewropew il-ġdid tar-riżorsi, AccessibleEU.
Il-Kummissarju mbagħad iltaqgħet ma’ Rabbi Grodensky, u ddiskutew il-ħidma kontra l-antisemitiżmu, ir-rwol tar-reliġjonijiet fil-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, u kif jiġi miġġieled il-preġudizzju fil-konfront tal-persuni LGBTIQ.
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 17 Ġunju 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta