Il-Kummissjoni tiżvela l-White Paper għad-Difiża Ewropea u l-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030 - Il-Kummissjoni Ewropea
Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 19 Marzu 2025
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 5 min qari

Il-Kummissjoni tiżvela l-White Paper għad-Difiża Ewropea u l-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030

Press statement by Ursula von der Leyen, President of the European Commission, on the defence package 

Illum, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw White Paper għad-Difiża Ewropea – Prontezza 2030. Il-Kummissjoni ppreżentat ukoll, bħala parti mill-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030, pakkett ta' difiża ambizzjuż li jipprovdi għodod finanzjarji lill-Istati Membri tal-UE biex jixprunaw żieda fl-investiment fil-kapaċitajiet tad-difiża.

 Filwaqt li l-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030 isaħħaħ il-kapaċitajiet tad-difiża pan-Ewropej b'mezzi finanzjarji ġodda, il-White Paper tfassal approċċ ġdid għad-difiża u tidentifika l-ħtiġijiet ta' investiment.

 Il-President tal-Kummissjoni, Ursula von der Leyen qalet: “L-era tad-dividend tal-paċi ilha li għaddiet. L-arkitettura tas-sigurtà li ddependejna fuqha ma tistax tibqa' titqies bħala fatt. L-Ewropa hija lesta li tieħu r-responsabbiltà. Irridu ninvestu fid-difiża, insaħħu l-kapaċitajiet tagħna, u nieħdu approċċ proattiv għas-sigurtà. Qed nieħdu azzjoni deċiżiva, billi nippreżentaw pjan direzzjonali għal “Prontezza 2030”, b'żieda fl-infiq għad-difiża, investimenti importanti fil-kapaċitajiet industrijali tad-difiża Ewropej. Irridu nixtru aktar mill-Ewropa. Għax dan isarraf fit-tisħiħ tal-bażi industrijali u teknoloġika Ewropea fil-qasam tad-difiża. Dan ifisser li tiġi stimulata l-innovazzjoni. U jfisser il-ħolqien ta' suq fl-UE kollha għat-tagħmir tad-difiża.”

 Dawn il-miżuri għandhom l-għan li jwieġbu għall-urġenza fuq terminu qasir li tiġi appoġġata l-Ukrajna, iżda wkoll li tiġi indirizzata l-ħtieġa fit-tul li tingħata spinta lis-sigurtà u d-difiża tal-Ewropa.

 White Paper għad-Difiża Ewropea – Prontezza 2030

Kif imħabbar mill-President von der Leyen fil-linji gwida politiċi, dawn l-aħħar diversi snin kixfu n-nuqqas kroniku ta' investiment u n-nuqqas ta' nfiq effiċjenti fil-kapaċitajiet militari tal-Ewropa. Biex jitfassal l-approċċ il-ġdid u biex jiġu identifikati l-ħtiġijiet ta' investiment tal-Ewropa, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli ppreżentaw White Paper għad-Difiża Ewropea – Prontezza 2030.

Il-White Paper tippreżenta soluzzjonijiet biex jingħalqu l-lakuni kritiċi fil-kapaċitajiet u tinbena bażi industrijali tad-difiża b'saħħitha. Tipproponi modi kif l-Istati Membri jinvestu bis-saħħa fid-difiża, jakkwistaw sistemi ta' difiża u jibnu il-prontezza tal-industrija Ewropea tad-difiża fuq medda twila ta' żmien. Dan huwa essenzjali għas-sigurtà tal-Ewropa.  L-Ewropa jeħtiġilha tinvesti fis-sigurtà u d-difiża tal-kontinent, filwaqt li tkompli tappoġġa lill-Ukrajna biex tiddefendi lilha nnifisha mill-aggressjoni tar-Russja. Biex tindirizza dawn l-isfidi b'mod effettiv, il-White Paper tiddeskrivi għadd ta' linji ta' azzjoni ewlenin:

  • L-għeluq tal-lakuni fil-kapaċitajiet, b'enfasi fuq il-kapaċitajiet kritiċi identifikati mill-Istati Membri.
  • L-appoġġ għall-industrija tad-difiża Ewropea permezz ta' domanda aggregata u żieda fl-akkwist kollaborattiv.
  • L-appoġġ lill-Ukrajna permezz ta' aktar assistenza militari u integrazzjoni aktar profonda tal-industriji tad-difiża Ewropej u Ukreni.
  • L-approfondiment tas-suq tad-difiża fl-UE kollha inkluż permezz tas-simplifikazzjoni tar-regolamenti.
  • L-aċċellerazzjoni tat-trasformazzjoni tad-difiża permezz ta' innovazzjonijiet rivoluzzjonarji bħall-intelliġenza artifiċjali u t-teknoloġija kwantistika.
  • It-tisħiħ tal-prontezza għall-agħar xenarji possibbli fuq livell Ewropew, billi tittejjeb il-mobbiltà militari, il-ħażna u t-tisħiħ tal-fruntieri esterni, b'mod partikolari l-fruntiera tal-art mar-Russja u l-Belarussja.
  • It-tisħiħ tas-sħubija ma' pajjiżi tal-istess fehma madwar id-dinja.

 Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030

 

Kif imħabbar mill-President von der Leyen, il-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030 jippermetti nfiq ta' aktar minn EUR 800 biljun, strutturat madwar il-pilastri li ġejjin:

1.    Attivazzjoni tal-użu tal-finanzjament pubbliku fid-difiża fil-livell nazzjonali

Il-Kummissjoni stiednet lill-Istati Membri jattivaw il-klawżola liberatorja nazzjonali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, li se tipprovdilhom spazju baġitarju addizzjonali biex iżidu l-infiq tagħhom fuq id-difiża, fi ħdan ir-regoli fiskali tal-UE.

Sabiex tiġi salvagwardjata s-sostenibbiltà fiskali, id-devjazzjoni se tkun limitata għal:

  • Żieda fin-nefqa għad-difiża biss, li tieħu bħala l-punt tat-tluq il-kategorija statistika “difiża” fil-klassifikazzjoni tal-funzjonijiet tal-gvern (COFOGs); 
  • Sa massimu ta' 1.5 % tal-PDG għal kull sena ta' attivazzjoni tal-klawżola liberatorja nazzjonali;
  • Għal perjodu ta' erba' snin. 

 2.     Strument dedikat ġdid għall-Azzjoni tas-Sigurtà għall-Ewropa – (Security Action for Europe) SAFE:

Fid-dawl taċ-ċirkostanza attwali eċċezzjonali, il-Kummissjoni se tiġġenera sa EUR 150 biljun fis-swieq kapitali, billi tuża l-approċċ ta' finanzjament unifikat stabbilit sew tagħha, biex tgħin lill-Istati Membri tal-UE jżidu b'mod rapidu u sostanzjali l-investimenti fil-kapaċitajiet ta' difiża tal-Ewropa. Dawn il-fondi se jiġu żborżati lill-Istati Membri interessati meta jintalbu, abbażi tal-pjanijiet nazzjonali.

L-iżborżi se jieħdu l-forma ta' self b'maturità twila bi prezz kompetittiv u strutturat b'mod attraenti, li għandu jitħallas lura mill-Istati Membri benefiċjarji. Is-self se jkun appoġġat mill-marġni ta' manuvra tal-baġit tal-UE. SAFE se jippermetti lill-Istati Membri jżidu minnufih u bil-kbir l-investimenti tagħhom fid-difiża permezz ta' akkwist komuni mill-industrija Ewropea tad-difiża, b'enfasi fuq il-kapaċitajiet prijoritarji. Dan se jikkontribwixxi biex jiġu żgurati l-interoperabbiltà, il-prevedibbiltà u t-tnaqqis tal-kostijiet għal bażi industrijali tad-difiża Ewropea b'saħħitha. L-Ukrajna u l-pajjiżi tal-EFTA/ŻEE se jkunu jistgħu jissieħbu f'akkwisti komuni, u se jkun possibbli li jixtru mill-industriji tagħhom.

SAFE se Jippermetti wkoll lill-pajjiżi aderenti, lill-pajjiżi kandidati, lill-kandidati potenzjali u lill-pajjiżi li ffirmaw Sħubijiet għas-Sigurtà u d-Difiża mal-UE jissieħbu f'akkwisti komuni u jikkontribwixxu għad-domanda aggregata. Huma jistgħu jinnegozjaw ukoll ftehimiet speċifiċi u ta' benefiċċju reċiproku dwar il-parteċipazzjoni tal-industriji rispettivi tagħhom f'tali akkwisti.

 3.    Ingranaġġ fuq il-Grupp tal-BEI u l-Mobilizzazzjoni tal-kapital privat permezz tal-Aċċellerazzjoni tal-Unjoni tat-Tfaddil u l-Investimenti

Il-Pjan ReArm Europe/Prontezza 2030 jiddependi wkoll fuq il-Grupp tal-Bank Ewropew tal-Investiment biex iwessa' l-ambitu tas-self tiegħu għal proġetti ta' difiża u sigurtà, filwaqt li jissalvagwardja l-kapaċità ta' finanzjament tiegħu. Minbarra l-ftuħ ta' finanzjament sostanzjali, dan se jibgħat sinjal pożittiv lis-swieq.

Fl-aħħar nett, l-investiment pubbliku waħdu mhux se jkun biżżejjed biex jissodisfa l-ħtiġijiet ta' investiment tal-industrija tad-difiża, minn negozji ġodda sa kumpaniji stabbiliti kbar. Għal dan l-għan, l-Istrateġija ta' Unjoni tat-Tfaddil u tal-Investimenti, adottata llum mill-Kummissjoni, se tagħmilha aktar faċli li jiġi mobilizzat it-tfaddil privat fi swieq kapitali aktar effiċjenti u li l-investimenti jiġu diretti lejn setturi kritiċi tal-ekonomija, bħad-difiża, għal dawk li jixtiequ jinvestu fihom.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
19 Marzu 2025
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta