Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet24 Jannar 2024Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Il-Kummissjoni tipproponi li ttejjeb il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet biex issaħħaħ id-djalogu soċjali tranżnazzjonali

work for eu

Illum il-Kummissjoni qed tipproponi li tirrevedi d-Direttiva dwar il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet (EWCs) biex tkompli ttejjeb id-djalogu soċjali fl-UE. L-EWCs huma korpi ta' informazzjoni u konsultazzjoni li jiżguraw li l-impjegati jkunu involuti f'deċiżjonijiet relatati ma' kwistjonijiet tranżnazzjonali. Dawn jikkonċernaw kumpaniji b'aktar minn 1,000 impjegat li joperaw f'mill-anqas żewġ pajjiżi tal-UE jew taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE).

L-għoti ta' informazzjoni u l-konsultazzjoni sinifikanti tal-impjegati f'deċiżjonijiet ewlenin tal-kumpanija jistgħu jgħinu biex il-bidliet li jseħħu, pereżempju dawk marbuta mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, bħall-indirizzar tan-nuqqas ta' ħaddiema jew l-introduzzjoni ta' teknoloġiji ġodda, jiġu antiċipati u mmaniġġjati. F'kuntesti tranżnazzjonali, Il-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet jista' jkollhom rwol ewlieni f'dan.

Id-Direttiva attwali tiddeskrivi l-proċessi għall-ħolqien tal-EWCs u għall-informazzjoni u l-konsultazzjoni tagħhom dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali. Ir-reviżjoni proposta għandha l-għan li ssaħħaħ ir-rwol tal-EWCs billi tiffaċilita l-proċess tal-ħolqien tagħhom, trawwem l-għoti ta' informazzjoni u konsultazzjoni sinifikanti, u tiżgura li jkollhom il-kapaċità meħtieġa biex iwettqu xogħolhom. Għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ il-bilanċ bejn il-ġeneri tal-EWCs.

Fl-2023 il-Parlament Ewropew adotta riżoluzzjoni leġiżlattiva fuq inizjattiva proprja li tistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol u l-kapaċità tal-EWCs. Ir-reviżjoni proposta tal-lum twettaq l-impenn politiku tal-President von der Leyen li twieġeb għal riżoluzzjonijiet bħal dawn bi proposta leġiżlattiva, b'rispett sħiħ tal-prinċipji tal-proporzjonalità, tas-sussidjarjetà u tat-tfassil aħjar tal-liġijiet.

Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet aktar effettivi u effiċjenti

Il-bidliet ewlenin li ġew proposti mill-Kummissjoni jinkludu:

  • Il-ħaddiema ta' kumpaniji multinazzjonali li joperaw fl-UE/fiż-ŻEE jingħataw id-drittijiet ugwali li jitolbu l-ħolqien ta' EWC ġdid: l-eżenzjonijiet mid-Direttiva attwali se jitneħħew, u dan jagħti l-possibbiltà lil 5.4 miljun ħaddiem fi 320 kumpanija multinazzjonali bi ftehimiet preeżistenti li jitolbu l-istabbiliment ta' EWC.
  • Kjarifika tad-definizzjoni ta' kwistjonijiet tranżnazzjonali: jiġi żgurat li l-EWCs jikkomplementaw il-ħidma tal-korpi nazzjonali ta' informazzjoni u ta' konsultazzjoni u ma jikkoinċidux magħha. Huwa kruċjali li d-deċiżjoni ta' meta l-EWCs jiġu kkonsultati u infurmati tiġi ċċarata aktar.
  • Jiġi żgurat li l-ħaddiema f'kumpaniji multinazzjonali jiġu kkonsultati fil-ħin u b'mod sinifikanti dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom:
    • Qabel ma l-maniġment tal-kumpanija jadotta deċiżjoni dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali, il-membri tal-EWC għandhom jirċievu tweġiba motivata għall-opinjoni tagħhom .
    • Il-maniġment tal-kumpanija jrid jipprovdi ġustifikazzjonijiet kull meta l-kunfidenzjalità tingħata bħala raġuni għar-restrizzjoni fuq il-kondiviżjoni ulterjuri tal-informazzjoni jew in-nuqqas ta' żvelar ta' informazzjoni marbuta ma' kwistjonijiet tranżnazzjonali.
  • Jiġi żgurat li l-EWCs ikollhom il-kapaċità li għandhom bżonn biex jagħmlu xogħolhom: Il-ftehimiet tal-EWC għandhom jispeċifikaw ir-riżorsi finanzjarji u materjali li jiġu allokati, pereżempju fir-rigward tal-esperti, l-ispejjeż legali, u t-taħriġ.
  • Jissaħħaħ il-bilanċ bejn il-ġeneri: kull meta jiġi nnegozjat (mill-ġdid) ftehim tal-EWC, se jkollhom jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet biex tinkiseb kompożizzjoni kemm jista' jkun ibbilanċjata bejn il-ġeneri. Dan jinkludi rekwiżit li l-bilanċ bejn il-ġeneri f'korpi speċjali ta' negozjar, li huma gruppi temporanji ta' rappreżentanti tal-impjegati li jinnegozjaw ftehim tal-EWC mal-kumpanija, jiġi segwit b'mod attiv.
  • Jittejjeb l-aċċess għal rimedji legali: L-Istati Membri jridu jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar kif l-EWCs jistgħu jressqu proċedimenti ġudizzjarji u, fejn applikabbli, proċedimenti amministrattivi. L-Istati Membri huma obbligati wkoll li jistabbilixxu sanzjonijiet effettivi, dissważivi u proporzjonati biex jinfurzaw id-Direttiva.

Il-passi li jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni li temenda d-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet se tiġi diskussa fil-Parlament Ewropew u fl-Istati Membri. Wara li jadottawha, l-Istati Membri se jkollhom sentejn biex jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali. Imbagħad ir-regoli l-ġodda jibdew japplikaw sentejn wara. Matul il-perjodu ta' sentejn, il-partijiet jistgħu jadattaw il-ftehimiet tal-EWC tagħhom mar-rekwiżiti riveduti.

Sfond

Il-prinċipju 8 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jenfasizza l-importanza tad-djalogu soċjali u tal-involviment tal-ħaddiema. L-EWCs jirrappreżentaw ħaddiema Ewropej f'kumpaniji multinazzjonali u jinħolqu jew fuq inizjattiva tal-impjegati jew tal-maniġment ċentrali.

L-EWCs jiġu kkonsultati dwar kwistjonijiet tranżnazzjonali, jiġifieri kwistjonijiet li jaffettwaw lill-ħaddiema fil-kumpanija kollha jew f'mill-anqas żewġ pajjiżi tal-UE/ŻEE, bħal pereżempju kwistjonijiet relatati mar-ristrutturar. Għalhekk, l-EWCs jikkomplementaw il-ħidma tal-korpi rappreżentattivi nazzjonali tal-impjegati.

Bħalissa hemm madwar 1,000 korp ta' informazzjoni u konsultazzjoni tranżnazzjonali, li l-biċċa l-kbira minnhom huma EWCs. Kull sena jinħolqu madwar 20 EWC ġdid. Filwaqt li jirrappreżentaw aktar minn 11.3-il miljun ħaddiem Ewropew, l-EWCs jikkontribwixxu għall-protezzjoni tal-impjiegi u l-industriji fl-Ewropa u jikkontribwixxu biex tiġi żgurata l-kompetittività tal-UE. Filwaqt li l-EWCs jirrappreżentaw aktar minn nofs il-forza tax-xogħol eliġibbli, dan xorta waħda għadu anqas minn terz ta' kważi 4,000 kumpanija eliġibbli.

Fl-2018, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni li enfasizzat li l-EWCs għad għandhom rwol ewlieni fl-iżgurar u l-organizzazzjoni tad-djalogu soċjali tranżnazzjonali f'kumpaniji multinazzjonali, filwaqt li jipprovdu lill-Istati Membri il-flessibbiltà biex jadattaw għas-sistemi nazzjonali tagħhom stess. Madankollu, l-evalwazzjoni identifikat ukoll xi nuqqasijiet, pereżempju fir-rigward tal-proċess ta' konsultazzjoni tal-EWCs u l-mezzi biex ir-rappreżentanti jinfurzaw drittijiethom.

Fi Frar 2023, il-Parlament Ewropew stieden lill-Kummissjoni tirrevedi d-Direttiva u ssaħħaħ ir-rwol tal-EWCs. Fid-dawl ta' dik ir-Riżoluzzjoni, tal-evalwazzjoni tagħha tal-2018, u tal-konsultazzjonijiet fuq żewġ stadji li saru mas-sħab soċjali fl-2023, kif ukoll l-għarfien tal-partijiet interessati, inklużi l-amministrazzjonijiet nazzjonali, in-negozji, ir-rappreżentanti tal-impjegati, u l-esperti legali u akkademiċi, il-Kummissjoni ddeċidiet li d-Direttiva ta' bħalissa għandha lok għal titjib biex tappoġġa l-ħolqien u l-operat tal-Kunsilli Ewropej tax-Xogħlijiet.

Għal Aktar Informazzjoni

Il-proposta li temenda d-Direttiva tal-Kunsill Ewropew tax-Xogħlijiet

Valutazzjoni tal-impatt

L-evalwazzjoni tal-2018 tad-Direttiva min-naħa tal-Kummissjoni

Abbona biex tirċievi l-bullettin tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
24 Jannar 2024
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta