Bħala parti mir-rispons ta' solidarjetà tal-UE mal-Ukrajna, illum il-Kummissjoni ppreżentat sett ta' azzjonijiet biex tgħin lill-Ukrajna tesporta l-prodotti agrikoli tagħha. Wara l-invażjoni tal-Ukrajna u l-imblokk tal-portijiet Ukreni min-naħa tar-Russja, iċ-ċereali u prodotti agrikoli Ukreni oħra m'għadhomx jistgħu jaslu fid-destinazzjonijiet tagħhom. Is-sitwazzjoni qed thedded is-sigurtà globali tal-ikel u hemm ħtieġa urġenti li jiġu stabbiliti rotot loġistiċi alternattivi bl-użu tal-mezzi tat-trasport rilevanti kollha.
Permezz tal-Komunikazzjoni tal-lum, il-Kummissjoni qed tippreżenta pjan ta' azzjoni biex tistabbilixxi “Korsiji ta' Solidarjetà” bl-għan li tiżgura li l-Ukrajna tkun tista' tesporta ċ-ċereali, iżda wkoll li tkun tista' timporta l-prodotti li teħtieġ, minn għajnuna umanitarja sa għalf tal-annimali u fertilizzanti.
Il-Kummissarju għat-Trasport, Adina Vălean stqarret: “F'inqas minn tliet xhur, trid tinħareġ 20 miljun tunnellata ta' ċereali mill-Ukrajna, permezz tal-infrastruttura tal-UE. Din hija sfida enormi, u għalhekk huwa essenzjali li nikkoordinaw u nottimizzaw il-ktajjen loġistiċi, nistabbilixxu rotot ġodda, u nevitaw l-ostakli kemm jista' jkun. Il-komunikazzjoni tagħna tindirizza s-soluzzjonijiet ta' emerġenza, iżda anke l-miżuri fuq terminu medju u twil biex nikkollegaw u nintegraw aħjar l-infrastruttura tal-Ukrajna ma' dik tal-UE. Kemm għall-miżuri fl-immedjat kif ukoll għal dawk fil-ġejjieni, se naħdmu mal-awtoritajiet Ukreni u f'kollaborazzjoni mill-qrib, b'mod partikolari mal-Istati Membri ġirien, li għamlu kull sforz biex jgħinu matul din il-kriżi.”
Azzjoni urġenti biex nindirizzaw l-ostakli fit-trasport
Minkejja l-isforzi immedjati mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jiffaċilitaw il-qsim tal-fruntieri bejn l-Ukrajna u l-UE, eluf ta' vaguni u trakkijiet qed jistennew l-awtorizzazzjoni min-naħa tal-Ukrajna. Il-ħin ta' stennija attwali medju għall-vaguni huwa ta' 16-il jum, iżda f'ċerti fruntieri jitla' sa 30 jum. Aktar ċereali għadhom qed jinħażnu u jinżammu f'sajlos Ukreni lesti għall-esportazzjoni. Fost l-isfidi hemm id-differenzi fil-wisa' tal-gauge ferrovjarju: il-vaguni Ukreni mhumiex kompatibbli mal-biċċa l-kbira tan-network ferrovjarju tal-UE, u għalhekk il-maġġoranza tal-prodotti jeħtieġ jiġu trażbordati fi trakkijiet jew vaguni li d-daqs tagħhom huwa kompatibbli mal-gauge standard tal-UE. Dan il-proċess jieħu ħafna ħin u l-faċilitajiet tat-trażbord tul il-fruntieri huma skarsi.
Sabiex tindirizza dawn l-ostakli u tistabbilixxi l-Korsiji ta' Solidarjetà, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati, se taħdem fuq l-azzjonijiet ta' prijorità li ġejjin, b'mod immedjat:
- Rolling stock, bastimenti u trakkijiet merkantili addizzjonali: Il-Kummissjoni tappella lill-atturi tas-suq tal-UE biex jagħmlu vetturi addizzjonali disponibbli b'mod urġenti. Sabiex tqabbel id-domanda mal-provvista u tistabbilixxi l-kuntatti rilevanti, il-Kummissjoni se twaqqaf pjattaforma loġistika ta' kombinament u se titlob lill-Istati Membri jaħtru punti ta' kuntatt apposta għall-Korsiji ta' Solidarjetà (“punt uniku ta' servizz”).
- Kapaċità tan-networks tat-trasport u t-terminals tat-trażbord: Il-vjeġġi tal-esportazzjonijiet agrikoli mill-Ukrajna għandhom jingħataw prijorità, u l-maniġers tal-infrastruttura għandhom jagħmlu slots ferrovjarji disponibbli għal dawn l-esportazzjonijiet. Il-Kummissjoni tappella wkoll lill-atturi tas-suq biex jittrasferixxu b'mod urġenti l-loaders mobbli taċ-ċereali lejn it-terminals tal-fruntiera rilevanti biex iħaffu t-trażbord. Ftehim dwar it-trasport bit-triq mal-Ukrajna wkoll se jelimina l-ostakli. Sabiex tħeġġeġ lill-operaturi tat-trasport tal-UE jippermettu lill-vetturi tagħhom jidħlu l-Ukrajna, il-Kummissjoni se tinvestiga wkoll l-għażliet għal garanziji finanzjarji supplimentari.
- Operazzjonijiet doganali u spezzjonijiet oħra: Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali biex japplikaw flessibbiltà massima u jiżguraw persunal adegwat biex jitħaffu l-proċeduri fil-punti ta' qsim tal-fruntieri.
- Ħżin tal-prodotti fit-territorju tal-UE: Il-Kummissjoni se tivvaluta l-kapaċità tal-ħżin disponibbli fl-UE u se tikkoordina mal-Istati Membri biex tgħin tiżgura aktar kapaċità għall-ħżin temporanju tal-esportazzjonijiet mill-Ukrajna.
Intejbu l-konnettività bejn l-UE u l-Ukrajna fuq terminu medju
Fuq terminu medju sa twil, il-Kummissjoni se taħdem ukoll biex iżżid il-kapaċità tal-infrastruttura tal-kurituri tal-esportazzjoni l-ġodda u biex tistabbilixxi konnessjonijiet tal-infrastruttura ġodda fil-qafas tar-rikostruzzjoni tal-Ukrajna. Iċ-ċiklu li jmiss tas-sejħiet għal proposti tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (FNE) se jippermetti l-appoġġ għall-proġetti li jtejbu l-konnessjonijiet tat-trasport mal-Ukrajna, inkluż il-konnessjonijiet ferrovjarji u t-terminals tal-ferroviji. F'dan il-kuntest, illum il-Kummissjoni adottat Deċiżjoni bil-ħsieb li tiffirma ftehim ta' livell għoli mal-Ukrajna, li jaġġorna l-mapep tan-Network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), bħala parti mill-politika tal-Kummissjoni dwar l-estensjoni tat-TEN-T għall-pajjiżi ġirien.
Kuntest
F'ċirkostanzi normali, 75 % tal-produzzjoni taċ-ċereali tal-Ukrajna tiġi esportata, u dan jiġġenera madwar 20 % tad-dħul annwali nazzjonali mill-esportazzjoni. Qabel il-gwerra, il-portijiet Ukreni tal-Baħar l-Iswed kienu jammontaw għal 90 % tal-esportazzjoni taċ-ċereali u ż-żrieragħ żejtnin mill-Ukrajna. Madwar terz tal-esportazzjonijiet huma destinati lejn l-Ewropa, iċ-Ċina u l-Afrika, rispettivament.
Għal aktar informazzjoni
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 12 Mejju 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta