Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa2 Jannar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

20 sena tal-euro fil-but

euro

Għoxrin sena ilu, fl-1 ta' Jannar 2002, tnax-il pajjiż tal-UE biddlu l-karti tal-flus u l-muniti nazzjonali tagħhom għall-euro, f'dik li kienet l-akbar bidla ta' muniti fl-istorja. F'dawn l-għoxrin sena l-euro kkontribwiet għall-istabbiltà, il-kompetittività u l-prosperità tal-ekonomiji Ewropej. Iżda l-aktar kisba importanti hija li l-euro tejbet il-ħajja taċ-ċittadini u għamlitha aktar faċli li jsir negozju madwar l-Ewropa u lil hinn minnha. Bl-euro f'butek, it-tfaddil, l-investiment, l-ivvjaġġar u n-negozju saru ħafna aktar faċli.

L-euro huwa simbolu tal-integrazzjoni u tal-identità tal-UE. Illum aktar minn 340 miljun ruħ jużawha fi 19-il pajjiż tal-UE u bħalissa hemm jiċċirkolaw 27,6 biljun karta tal-flus tal-euro b'valur ta' madwar EUR 1,5 triljun. Bħalissa l-euro hija t-tieni l-aktar munita li tintuża fid-dinja wara d-dollaru Amerikan.

Issa li qed tiċċelebra dan l-għoxrin anniversarju l-UE qed tissokta bil-ħidma tagħha għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro u biex tadattaha għal sfidi ġodda, fosthom id-diġitalizzazzjoni rapida tal-ekonomija u l-iżvilupp ta' muniti virtwali. Bħala komplement għall-flus kontanti l-euro diġitali jappoġġa settur tal-pagamenti integrat sew u joffri għażla akbar lill-konsumaturi u lin-negozji.

Fi kliem il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der LeyenIssa, aħna l-Ewropej ilna għoxrin sena nġorru l-Ewropa fi bwietna. L-euro mhijiex biss waħda mill-aktar muniti b'saħħithom fid-dinja. L-ewwel u qabel kollox l-euro hija simbolu tal-għaqda Ewropea. Fuq naħa waħda l-karti tal-flus tal-euro juru pontijiet u fuq in-naħa l-oħra bieb - għaliex dawn huma s-simboli tal-euro. L-euro hija wkoll il-munita tal-futur u fis-snin li ġejjin se ssir ukoll munita diġitali. L-euro tirrifletti wkoll il-valuri tagħna. Id-dinja li nixtiequ. Hija l-munita dinjija għal investimenti sostenibbli. Ikoll kemm aħna nistgħu nkunu kburin b'dan.”

Fi kliem David Sassoli, President tal-Parlament Ewropew: L-euro tinkorpora proġett politiku ambizzjuż għall-promozzjoni tal-paċi u tal-integrazzjoni fi ħdan l-Unjoni Ewropea. Iżda l-euro hija wkoll il-kundizzjoni tal-ħarsien u tal-varar mill-ġdid tal-mudell ekonomiku, soċjali u politiku Ewropew fid-dawl tat-trasformazzjonijiet ta' żmienna. L-euro huwa simbolu, it-twettiq ta' viżjoni politika storika, viżjoni antika ta' kontinent magħqud b'munita unika għal suq uniku.

Charles Michel, il-President tal-Kunsill Ewropew, qal: L-euro għamlet progress kbir — hija kisba tassew Ewropea. Nasal biex ngħid li l-euro saret parti minnha nfusna. U mod kif inħossuna Ewropej. Parti minn kif naħsbu. U parti mill-ispirtu Ewropew tagħna. L-euro hija taċ-ċittadini kollha tal-UE. Iżda mhijiex biss suċċess ġewwa l-fruntieri Ewropej. Kisbet pożizzjoni prominenti fil-livell internazzjonali. L-euro żammet il-kolp minkejja l-kriżijiet - simbolu tal-istabbiltà u tal-għaqda Ewropea. Dan ħareġ fid-dieher biċ-ċar matul il-pandemija tal-COVID-19. L-euro kienet sies ta' stabbiltà. Kienet ta' benefiċċju għall-Unjoni. L-euro ssostni wkoll l-irkupru tagħna. Tisfrutta l-potenzjali sħiħ tal-iżvilupp sostenibbli, tal-impjiegi ta' kwalità u tal-innovazzjoni.”

Christine Lagarde, il-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, saħqet: L-euro li għandna f'idejna huma sinjal ta' stabbiltà u solidità madwar id-dinja. Mijiet ta' miljuni ta' Ewropej jafdawha u jużawha kuljum. Hija t-tieni l-aktar munita internazzjonali fid-dinja. Bħala l-President tal-Bank Ċentrali Ewropew, nimpenja ruħi li nkompli nħabrek biex niżgura li nħarsu l-istabbiltà tal-prezzijiet. U nwiegħed li nġedded il-bixra ta' dawk il-karti tal-flus u nagħtuhom dimensjoni diġitali wkoll.”

Paschal Donohoe, President tal-Grupp tal-Euro, qal: “L-euro tat prova tagħha nnifisha bil-mod kif indirizzat l-isfidi ekonomiċi.” B'mod partikolari, ir-rispons tagħna għall-pandemija tal-COVID 19 wera li permezz tal-euro nistgħu nirnexxu ħafna aktar flimkien milli nkunu nistgħu jekk kulħadd jitlaq għal rasu. Fuq dawn l-aħħar 20 sena l-euro saħħet il-pedamenti tagħha. Issa rridu nibnu fuq dawk il-pedamenti biex l-euro ssir il-munita dinjija tat-tranżizzjoni lejn ġejjieni b'anqas karbonju.

Vjaġġ twil

L-euro għamlet passi ta' ġgant minn żmien id-diskussjonijiet bikrija dwar Unjoni Ekonomika u Monetarja fl-aħħar tas-snin sittin. Fl-1988 il-Kumitat Delors ta l-ewwel passi speċifiċi lejn il-ksib ta' munita unika. Fl-1992 it-Trattat ta' Maastricht immarka mument deċiżiv lejn l-euro, hekk kif il-mexxejja politiċi ffirmaw il-kriterji li kellhom jiġu adottati mill-Istati Membri biex ikunu jistgħu jadottaw il-munita unika. Sentejn wara, l-Istitut Monetarju Ewropew (IME) beda l-ħidma preparatorja fi Frankfurt biex il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) jieħu f'idejh ir-responsabbiltà għall-politika monetarja fiż-żona tal-euro. B'riżultat ta' dan il-BĊE beda jopera fl-1 ta' Ġunju tal-1998.

Fl-1999 l-euro ġiet varata fi 11-il Stat Membru bħala munita tal-kontabbiltà fis-swieq finanzjarji u bdiet tintuża għall-pagamenti elettroniċi. Fl-aħħar, kien fl-1 ta' Jannar 2002 li l-Awstrija, il-Belġju, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Portugall u Spanja biddlu l-karti tal-flus u l-muniti għall-euro. Is-Slovenja ssieħbet maż-żona tal-ewro fl-2007 u warajha ssieħbu Ċipru u Malta (fl-2008), is-Slovakkja (fl-2009), l-Estonja (fl-2011), il-Latvja (fl-2014) u l-Litwanja (fl-2015) Bħalissa l-Kroazja qed tieħu l-passi preparatorji biex tissieħeb fiż-żona tal-euro, li mistenni li jseħħ fl-1 ta' Jannar 2023 dment li tissodisfa l-kriterji ta' konverġenza kollha.

Għoxrin sena ta' benefiċċji għaċ-ċittadini u għan-negozji

L-euro kienet għajn ta' benefiċċji għall-Ewropa, speċjalment għaċ-ċittadini u għan-negozji tagħha. Il-munita unika għenet fl-istabbiltà tal-prezzijiet u ħarset l-ekonomiji taż-żoni tal-euro mill-volatilità tar-rati tal-kambju. Għamlitha aktar faċli biex ix-xerrejja tad-djar, in-negozji u l-gvernijiet Ewropej jissellfu l-flus u ħeġġet il-kummerċ fl-Ewropa u lil hinn minnha. L-euro eliminat il-ħtieġa tal-kambju tal-muniti u raħħset il-kostijiet tat-trasferiment tal-flus, biex b'hekk l-ivvjaġġar u ċ-ċaqliq lejn pajjiż ieħor għax-xogħol, għall-istudju jew għall-irtirar sar aktar sempliċi.

Il-maġġoranza l-kbira tal-Ewropej jappoġġaw il-munita unika. Skont l-aħħar Ewrobarometru, 78 % taċ-ċittadini madwar iż-żona tal-euro jemmnu li l-euro hija tajba għall-UE.

Rwol internazzjonali msaħħaħ

L-euro hija t-tieni l-aktar munita importanti fis-sistema monetarja internazzjonali. L-istabbiltà u l-kredibbiltà tagħha għamluha munita tal-fatturazzjoni internazzjonali, bħala riżerva ta' valur barra miż-żona tal-euro u bħala valuta ta' riżerva responsabbli minn madwar 20 % tar-riżervi tal-muniti barranin. Sittin pajjiż u territorju ieħor madwar id-dinja, b'popolazzjoni ta' 175 miljun persuna, iddeċidew li jużaw l-euro bħala l-munita tagħhom jew li jorbtu l-munita tagħhom magħha. Illum l-euro tintuża fi kważi 40 % tal-pagamenti transfruntiera dinjija u għal aktar minn nofs l-esportazzjonijiet tal-UE.

Minn mindu faqqgħet il-kriżi finanzjarja tal-2008 kif ukoll il-kriżi tad-dejn sovran ta' wara, l-UE ssuktat issaħħaħ u tfannad l-Unjoni Ekonomika u Monetarja. In-NextGenerationEU, il-pjan ta' rkupru bla preċedent tal-UE, se jkompli jtejjeb ir-reżiljenza ekonomika taż-żona tal-euro u jsaħħaħ il-konverġenza ekonomika. Il-ħruġ ta' bonds ta' kwalità għolja denominati bl-euro fil-kuntest tan-NextGenerationEU se jżid profondità u likwidità sinifikanti fis-swieq tal-kapital tal-UE filwaqt li jagħmilhom, u lill-euro, aktar attraenti għall-investituri. Barra minn hekk, l-euro hija wkoll il-munita ewlenija għall-investiment ekoloġiku: nofs il-bonds ekoloġiċi madwar id-dinja huma ddenominati f'euro, u din iċ-ċifra qed tiżdied grazzi għall-bonds ekoloġiċi ġodda li nħarġu biex jiffinanzjaw in-NextGenerationEU. 

Biex tkompli tiżviluppa r-rwol internazzjonali tal-euro, il-Kummissjoni varat inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni biex tippromwovi l-investimenti ddenominati f'euro, tiffaċilita l-użu tal-euro bħala munita ta' fatturazzjoni u denominazzjoni, u trawwem fehim aħjar tal-ostakli fuq l-użu aktar mifrux tagħha. Din is-sensibilizzazzjoni se ssir fl-għamla ta' djalogi, workshops u stħarriġ mas-settur pubbliku u privat, l-aġenziji regolatorji finanzjarji u l-investituri istituzzjonali f'pajjiżi sħab reġjonali u pajjiżi sħab tal-UE fuq livell dinji.

Għal Aktar Informazzjoni

Kun af aktar dwar l-euro nhar l-20 anniversarju tagħha

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
2 Jannar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta