Il-barri Iberiku, l-elk Skandinavu, it-tiġieġa Slovena. L-istvala u t-takkuna Taljana, it-toga jew il-ġakketta tas-salvataġġ Franċiża. Is-swaba’ Griegi jilagħbu ħobża u sardina fuq l-Eġew, iqabbżu ċ-ċagħak lejn wiċċ id-debba Torka. Is-saħħara Brittanika fuq l-ixkupa, daharha lejn il-kontinent, tipprova ttir lejn il-Punent iżda taħbat mal-ors Irlandiż. U m’hemmx xi ngħidu, il-ħuta Maltija, li kibret tant li nbidlet fil-baliena li belgħet lil Ġona. X’inhu li jżomm magħqud il-puzzle Ewropew?
Fl-ewwel parti ta’ dan il-laboratorju tal-kitba, nagħtu titwila lejn għadd ta’ mapep satiriċi tal-Ewropa, flimkien ma' poeżiji “kartografiċi” ta’ Aleph u Fernando Pessoa.
Fit-tieni parti, naqraw mill-qrib ftit poeżiji kontemporanji dwar il-kundizzjoni Ewropea, u niddiskutu angoli, forom, xbihat possibbli għall-kitbiet tagħna stess. U nibdew inħarbxu.
Dan il-laboratorju se jingħata bl-Ingliż, iżda l-kitba tista’ ssir bil-lingwa tal-għażla tiegħek. JIfforma parti mill-programm ta’ L-Istorja tal-Ewropa, Mappa Mappa, imtellgħa mir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta, flimkien mal-Ambaxxata ta' Spanja f'Malta u Malta Libraries. Il-wirja għandha sat-13 ta’ Lulju 2024.
Antoine Cassar huwa poeta, traduttur u editur. Erbgħin Jum (Ede Books, 2017), poeżija tul ta’ ktieb dwar il-mixi bħala mezz ta’ fejqan mit-trawmi tat-tfulija, rebaħ il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, u daħal fil-lista l-qasira tal-premju European Poet of Freedom.
Passaport (2009; 3et ed. Ede, 2019), poeżija twila stampata f’forma ta’ antipassaport għal kull poplu u kull pajsaġġ, hija ppubblikata fi 12-il lingwa, u ġiet adattata għall-palk f’għadd ta’ pajjiżi.
Hemm limitu ta’ 25 parteċipant, u l-postijiet jingħataw lil min japplika l-ewwel. Ir-reġistrazzjonijiet jagħlqu f’12:00 fil-5 ta’ Lulju 2024, jew meta jimtlew il-postijiet kollha.
- kultura | arti
- Is-Sibt 6 ta' Lulju 2024, 12.30 - 13.30 (CEST)
- Floriana, Malta
Informazzjoni prattika
- Meta
- Is-Sibt 6 ta' Lulju 2024, 12.30 - 13.30 (CEST)
- Fejn
- Central Public LibraryProfessor Joseph J. Mangion Street, Floriana FRN 1800, Malta
- Lingwi
- Ingliż, Malti