Skip to main content
European Commission logo
Representation in Malta
News article7 July 2021

Tbassir Ekonomiku għas-Sajf 2021: Il-ftuħ mill-ġdid jalimenta l-irkupru

L-ekonomija Ewropea mbassra li tirpilja aktar malajr milli kien mistenni qabel, hekk kif l-attività fl-ewwel kwart tas-sena qabżet l-aspettattivi u s-sitwazzjoni tas-saħħa aħjar wasslet għal tnaqqis aktar mgħaġġel tar-restrizzjonijiet tal-kontroll ta

screenshot_2021-07-07_at_16.04.01.png
© EU
L-ekonomija Ewropea mbassra li tirpilja aktar malajr milli kien mistenni qabel, hekk kif l-attività fl-ewwel kwart tas-sena qabżet l-aspettattivi u s-sitwazzjoni tas-saħħa aħjar wasslet għal tnaqqis aktar mgħaġġel tar-restrizzjonijiet tal-kontroll tal-pandemija fit-tieni kwart tas-sena. 

 

Tkabbir ekonomiku aktar mgħaġġel hekk kif l-ekonomiji jiftħu mill-ġdid u l-indikaturi tas-sentiment ikunu iktar pożittivi

forecast_country_cards-local_language_14.jpg

 

Skont it-Tbassir Ekonomiku interim tas-Sajf tal-2021, l-ekonomija fl-UE u fiż-żona tal-euro mistennija tespandi b'4.8 % din is-sena u b'4.5 % fl-2022. Meta mqabbla mat-tbassir preċedenti fir-rebbiegħa, ir-rata ta' tkabbir għall-2021 hija ogħla b'mod sinifikanti fl-UE (+0.6 punti perċentwali) u fiż-żona tal-euro (+0.5 punti perċentwali), filwaqt li għall-2022 hija kemxejn ogħla fiż-żewġ żoni (+0.1 punti perċentwali). Il-PDG reali huwa previst li jerġa' lura għal-livell tiegħu ta' qabel il-kriżi fl-aħħar kwart tal-2021 kemm fl-UE kif ukoll fiż-żona tal-euro. Għaż-żona tal-euro, dan huwa kwart tas-sena aktar kmieni milli mistenni fit-Tbassir tar-Rebbiegħa.

It-tkabbir mistenni jissaħħaħ minħabba diversi fatturi. L-ewwel nett, l-attività fl-ewwel kwart tas-sena qabżet l-aspettattivi. It-tieni, strateġija effettiva għat-trażżin tal-virus u l-progress fit-tilqim wasslu għal tnaqqis fl-għadd ta' infezzjonijiet ġodda u ta' rikoveri fl-isptarijiet, li min-naħa tagħhom ippermettew lill-Istati Membri tal-UE jerġgħu jiftħu l-ekonomiji tagħhom fit-trimestru ta' wara. Dan il-ftuħ mill-ġdid kien ta' benefiċċju partikolari għan-negozji tas-settur tas-servizzi. Riżultati iktar pożittivi fl-istħarriġ fost il-konsumaturi u n-negozji kif ukoll il-mobbiltà bbażata fuq l-intraċċar tad-data jissuġġerixxu li diġà qed isseħħ irpiljatura qawwija fil-konsum privat. Barra minn hekk, hemm evidenza ta' qawmien mill-ġdid fl-attività turistika intra-UE, li għandha tkompli tibbenefika mid-dħul fis-seħħ taċ-Ċertifikat COVID Diġitali tal-UE l-ġdid mill-1 ta' Lulju. Flimkien, dawn il-fatturi mistennija jegħlbu l-impatt negattiv tan-nuqqas temporanju ta' input u ż-żieda fl-ispejjeż li qed jolqtu partijiet mis-settur tal-manifattura.

Il-konsum privat u l-investiment privat mistennijin ikunu l-muturi ewlenin tat-tkabbir, appoġġati mill-impjiegi li mistennijin jimxu id f'id mal-attività ekonomika. Tkabbir qawwi fis-sħab kummerċjali ewlenin tal-UE għandu jkun ta' benefiċċju għall-esportazzjonijiet tal-merkanzija tal-UE filwaqt li l-esportazzjonijiet tas-servizzi mistennijin isofru r-restrizzjonijiet li fadal għat-turiżmu internazzjonali.

Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (RRF) mistennija tagħti kontribut sinifikanti għat-tkabbir. Il-ġid totali ġġenerat mill-RRF matul il-perjodu ta' tbassir mistenni jkun madwar 1.2 % tal-PDG reali tal-UE għall-2019. Id-daqs mistenni tal-impuls tat-tkabbir tiegħu jibqa' bejn wieħed u ieħor l-istess mit-tbassir preċedenti, peress li l-informazzjoni mill-Pjanijiet ta' Rkupru u Reżiljenza ppreżentati f'dawn l-aħħar xhur tikkonferma b'mod ġenerali l-valutazzjoni li saret fir-rebbiegħa.

Ir-rati tal-inflazzjoni daqsxejn ogħla, iżda jimmoderaw fl-2022

It-tbassir għall-inflazzjoni din is-sena u s-sena d-dieħla ġiet riveduta 'l fuq ukoll. Iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija u tal-prodotti bażiċi, l-ostakli fil-produzzjoni minħabba restrizzjonijiet fil-kapaċità u n-nuqqas ta' xi komponenti tal-input u l-materja prima, kif ukoll id-domanda qawwija kemm lokalment kif ukoll barra, mistennijin jitfgħu pressjoni biex il-prezzijiet tal-konsumatur din is-sena jiżdiedu. Fl-2022, dawn il-pressjonijiet għandhom jimmoderaw ruħhom gradwalment hekk kif ir-restrizzjonijiet fuq il-produzzjoni jiġu solvuti u l-provvista u d-domanda jikkonverġu.

Għaldaqstant, l-inflazzjoni fl-UE issa mbassra tilħaq medja ta' 2.2 % din is-sena (+ 0.3 punti perċentwali meta mqabbla mat-Tbassir tar-Rebbiegħa) u 1.6 % fl-2022 (+ 0.1 punti perċentwali). Fiż-żona tal-euro, l-inflazzjoni mbassra li tilħaq medja ta' 1.9 % fl-2021 (+ 0.2 punti perċentwali) u 1.4 % fl-2022 (+ 0.1 punti perċentwali). 

Riskji sostanzjali 

L-inċertezza u r-riskji madwar il-prospetti tat-tkabbir huma għoljin, iżda jibqgħu kumplessivament ibbilanċjati.

Ir-riskji li jirriżultaw mill-emerġenza u t-tixrid tal-varjanti tal-virus COVID-19 jenfasizzaw l-importanza li jkompli jiżdied il-pass tal-kampanji tat-tilqim. Ir-riskji ekonomiċi huma relatati b'mod partikolari mar-rispons tal-unitajiet domestiċi u tal-kumpaniji għall-bidliet fir-restrizzjonijiet .

L-inflazzjoni tista' tispiċċa ogħla milli mbassar, jekk ir-restrizzjonijiet fuq il-provvista jkunu aktar persistenti u l-pressjonijiet fuq il-prezzijiet jingħaddew fuq il-prezzijiet tal-konsumatur b'mod aktar qawwi.

Details

Publication date
7 July 2021