
Il-Belt Victoria (ir-Rabat, Għawdex) ġiet irrakkomandata bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031 minn bord ta’ esperti indipendenti. Se tikkondividi t-titlu għall-2031 ma’ belt fi Spanja, li se titħabbar f’Diċembru.
Il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, li nħolqot fl -1985 fuq l-inizjattiva tal-Ministru Grieg tal-Kultura ta’ dak iż-żmien, Melina Mercouri, saret wieħed mill-aktar proġetti kulturali ambizzjużi tal-Ewropa. Din toffri lill-bliet opportunità biex jiċċelebraw id-diversità, jinvolvu lill-komunitajiet, u jippromovu l-iżvilupp lokali u reġjonali qabel, matul, u lil hinn mis-sena tat-titlu.
Il-Belt Victoria hija t-tieni belt Maltija b’dan it-titlu, wara l-Belt Valletta fl-2018. Permezz tal-programm kulturali tagħha, il-belt għandha l-għan li ssir pjattaforma Ewropea għall-kokreazzjoni kulturali, biex titqajjem kuxjenza ekoloġika, u għal-innovazzjoni tal-gżejjer żgħar. Dan huwa rifless fi proġetti bħall-Atlas tal-Memorja Likwida, li jlaqqgħu flimkien artisti, xjenzati u komunitajiet biex jesploraw il-baħar bħala spazju ekoloġiku u kulturali kondiviż; CO₂ T₀ O₂ — il-Patt ta’ Reċiproċità, li jħeġġeġ lill-viżitaturi jagħmlu kontributi sostenibbli u bbażati fil-komunità; u Ġenerazzjoni 31, li tgħaqqad il-wirt tradizzjonali mal-fabbrikazzjoni diġitali u teknoloġiji ġodda oħra.
Il-Kummissarju għall-Ekwità Interġenerazzjonali, iż-Żgħażagħ, il-Kultura u l-Isport, Glenn Micallef, qal: “Nifraħ lill-Belt Victoria talli ġiet rakkomandata bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2031 f’Malta. Mibnija madwar it-tema “Gżira tal-Gżejjer”, l-offerta tal-Belt Victoria timmaġina mill-ġdid lil Għawdex bħala arċipielgu ta’ komunitajiet, pajsaġġi u prattiki kulturali konnessi. Esplorata permezz ta’ tliet nodi kuratorjali differenti — il-Kosta, il-Melħ u l-Mewġ — l-offerta taqbad il-ħafna dimensjonijiet tal-ħajja tal-gżejjer, u tirrifletti spirtu komunitarju b’saħħtu u wirt kulturali għani, filwaqt li tikkonfronta r-realtajiet diffiċli tal-ħajja fil-gżejjer u fuq kollox id-dritt taż-żgħażagħ li jibqgħu u jibnu dar futura.” Il-Kummissjoni Ewropea tista’ tagħti lil kull Kapitali Ewropea tal-Kultura premju ta’ €1.5 miljun, iffinanzjat taħt il-programm Ewropa Kreattiva. Hija u tibni fuq aktar minn 40 sena ta’ suċċess, il-Kummissjoni dan l-aħħar ġeddet il-qafas għall-ġenerazzjonijiet li jmiss tal-Kapitali Ewropej tal-Kultura lil hinn mill-2033. Aktar informazzjoni dwar il-Kapitali Ewropej tal-Kultura hija disponibbli fuq is-sit web tal-Kultura u l-Kreattività tal-Kummissjoni.
- Data tal-pubblikazzjoni
- 23 Settembru 2026
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta