Illum, il-Kummissjoni Ewropea ħarġet proposta leġiżlattiva li se tiffaċilita l-aċċess għad-dritt għall-moviment liberu għall-persuni b'diżabilità, billi tiżgura li fuq bażi ugwali, dawn ikollhom aċċess għall-kundizzjonijiet speċjali, it-trattament preferenzjali, u d-drittijiet għall-parkeġġ meta jżuru Stat Membru ieħor. Il-proposta tal-Kummissjoni tintroduċi Kard Ewropea standardizzata tad-Diżabilità u ttejjeb il-Kard Ewropea attwali għall-Parkeġġ għall-persuni b'diżabilità. Iż-żewġ kards se jkunu rikonoxxuti fl-UE kollha.
Kard Ewropea tad-Diżabilità
Meta l-istatus ta' diżabilità tal-persuni ma jkunx rikonoxxut barra mill-pajjiż, dawn ma jkunux jistgħu jaċċessaw il-kundizzjonijiet speċjali u t-trattament preferenzjali bħal aċċess liberu u/jew prijoritarju, tariffi mnaqqsa jew assistenza personali, waqt li jkunu qed iżuru Stati Membri oħra. Biex tindirizza din il-kwistjoni, il-Kummissjoni qed tipproponi l-ħolqien ta' Kard Ewropea standardizzata tad-Diżabilità.
Il-Kard Ewropea tad-Diżabilità se sservi bħala prova rikonoxxuta tad-diżabilità fl-UE kollha, li tipprovdi aċċess ugwali għall-kundizzjonijiet speċjali u t-trattament preferenzjali fis-servizzi pubbliċi u privati, inkluż pereżempju, it-trasport, l-avvenimenti kulturali, il-mużewijiet, iċ-ċentri tad-divertiment u tal-isport, jew il-parks tad-divertiment. Se tinħareġ mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u tikkomplementa l-kards jew iċ-ċertifikati nazzjonali eżistenti.
Titjib fil-Kard Ewropea għall-Parkeġġ
Għal ħafna persuni b'diżabilità, it-trasport bil-karozza privata għadu l-aħjar jew l-unika possibbiltà għall-ivjaġġar u biex wieħed jiċċaqlaq b'mod indipendenti filwaqt li jiżgura l-awtonomija tiegħu. It-titjib propost għall-Kard Ewropea attwali għall-parkeġġ se tippermetti lill-persuni b'diżabilità jaċċessaw l-istess drittijiet tal-parkeġġ disponibbli fi Stat Membru ieħor. Se jkollha format komuni vinkolanti li se jieħu post il-kards nazzjonali għall-parkeġġ għall-persuni b'diżabilità, u se tkun rikonoxxuta fl-UE kollha.
L-iżgurar tal-aċċessibbiltà tal-kards
Sabiex tippromwovi l-faċilità tal-użu u tnaqqas il-piż amministrattiv, id-Direttiva proposta se tirrikjedi li l-Istati Membri:
- Jipprovdu l-kards kemm fiżikament kif ukoll b'mod diġitali.
- Il-kundizzjonijiet u r-regoli għall-ħruġ jew l-irtirar tal-kards jagħmluhom pubbliċi f'formati aċċessibbli.
- Jiżguraw li l-fornituri tas-servizzi jipprovdu l-informazzjoni dwar il-kundizzjonijiet speċjali u t-trattament preferenzjali għall-persuni b'diżabilità f'formati aċċessibbli.
Biex jiggarantixxu l-konformità, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-persuni b'diżabilità, l-organizzazzjonijiet rappreżentattivi tagħhom u l-korpi pubbliċi rilevanti jkunu jistgħu jieħdu azzjoni skont il-liġi nazzjonali, jekk ikun meħtieġ. Wara l-adozzjoni tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali, l-Istati Membri se jintalbu jimponu multi u miżuri korrettivi f'każ ta' ksur.
Il‑passi li jmiss
Il-proposta tal-Kummissjoni issa se tiġi diskussa mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-proposta tipprevedi li ladarba tkun adottata, l-Istati Membri se jkollhom 18-il xahar biex jinkorporaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fil-liġi nazzjonali.
Sfond
Id-Direttiva proposta li tistabbilixxi l-Kard Ewropea tad-Diżabilità u l-Kard Ewropea għall-Parkeġġ għall-persuni b'diżabilità, tħabbret fl-Istrateġija tal-UE dwar id-drittijiet tal-persuni b'diżabilità għall-2021-2030. Il-proposta tikkontribwixxi għall-implimentazzjoni min-naħa tal-UE tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-drittijiet tal-Persuni b'diżabilità, li jagħmlu parti minnha l-UE u l-Istati Membri kollha tagħha (UNCRPD). Il-UNCRPD fiha l-obbligi għall-Istati Partijiet li jirrikonoxxu d-drittijiet tal-libertà ta' moviment tal-persuni b'diżabilità fuq bażi ugwali bħal kulħadd. L-Istati Partijiet qed jintalbu wkoll li jieħdu miżuri effettivi biex jiżguraw il-mobilità personali bl-aktar indipendenza possibbli għall-persuni b'diżabilità, inkluż billi jiffaċilitaw il-mobilità personali tal-persuni b'diżabilità kif u meta jridu huma, u bi spejjeż li jilħqu bwiethom. Il-proposta hija allinjata wkoll mal-prinċipji tal-opportunitajiet indaqs u tal-inklużjoni tal-persuni b'diżabilità imnaqqxa fil-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.
Din l-inizjattiva tibni fuq l-eżiti tal-proġett pilota dwar il-Kard tad-Diżabilità li twettaq fil-Belġju, Ċipru, l-Estonja, il-Finlandja, l-Italja, Malta, ir-Rumanija, u s-Slovenja bejn l-2016 u l-2018. Barra minn hekk, tintegra l-għarfien minn konsultazzjoni pubblika riċenti, li ġabret aktar minn 3,300 tweġiba, li minnhom 78 % kienu mingħand persuni b'diżabilità.
Għal aktar Informazzjoni
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 6 Settembru 2023
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta