Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa2 Marzu 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta1 min qari

L-Ukrajna: L-UE taqbel li teskludi banek ewlenin Russi mill-iSWIFT

SWIFT

L-Unjoni Ewropea llum qablet li teskludi banek ewlenin Russi mis-sistema SWIFT, is-sistema dinjija dominanti  ta’ messaġġi finanzjarji.

Din il-miżura se twaqqaf lil dawn il-banek milli jwettqu t-tranżazzjonijiet finanzjarji tagħhom madwar id-dinja b’mod rapidu u effiċjenti. Id-deċiżjoni tal-lum ġiet ikkoordinata mill-qrib mas-sħab internazzjonali tal-UE, bħall-Istati Uniti u r-Renju Unit.

Il-President von der Leyen qalet, “F'ħakka t'għajn, l-Unjoni Ewropea adottat tliet mewġiet ta’ sanzjonijiet qawwija kontra s-sistema finanzjarja tar-Russja, l-industriji tat-teknoloġija avvanzata tagħha u l-elit korrotta tagħha. Dan huwa l-akbar pakkett ta’ sanzjonijiet fl-istorja tal-Unjoni tagħna. Id-deċiżjoni tal-lum li tiskonnettja banek ewlenin Russi min-netwerk SWIFT se tibgħat sinjal ieħor ċar ħafna lil Putin u lill-Kremlin.”

Il-lista tal-banek affettwati ġiet ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.

Aktar informazzjoni

Il-banek fil-mira tal-miżura tal-lum intgħażlu peress li dawn il-banek diġà huma soġġetti għal sanzjonijiet mill-UE u minn pajjiżi oħra tal-G7. 

Se tidħol fis-seħħ mit-12 ta’ Marzu 2022. Dan se jagħti lill-iSWIFT u lil operaturi oħra perjodu qasir ta’ tranżizzjoni biex jimplimentaw il-miżura, u b’hekk itaffu kwalunkwe impatt negattiv possibbli għan-negozji u s-swieq finanzjarji tal-UE. Skont l-imġiba tar-Russja, il-Kummissjoni lesta żżid aktar banek Russi fi żmien qasir.

Barra minn hekk, l-UE pprojbixxiet l-investiment fi proġetti kofinanzjati mill-Fond Russu ta’ Investiment Dirett. Il-forniment ta’ karti tal-flus iddenominati f’euro lir-Russja ġie pprojbit ukoll. 

Sfond

Id-deċiżjoni tal-lum tibni fuq il-pakketti wiesgħa u bla preċedent ta’ miżuri li l-UE qed tieħu b’reazzjoni għall-atti ta’ aggressjoni tar-Russja dwar l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Dawn is-sanzjonijiet se jkollhom konsegwenzi kbar u severi għar-Russja.

L-UE tinsab magħquda fis-solidarjetà tagħha mal-Ukrajna u ser tkompli tappoġġa lill-Ukrajna u lill-poplu tagħha flimkien mas-sħab internazzjonali tagħha, inkluż permezz ta’ appoġġ politiku, finanzjarju u umanitarju addizzjonali.

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
2 Marzu 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta