Il-Kummissjoni Ewropea illum adottat Qafas Temporanju għall-Kriżijiet li jippermetti lill-Istati Membri jużaw il-flessibbiltà sħiħa prevista skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat biex isostnu l-ekonomija fil-kuntest tal-invażjoni tar-Russja fl-Ukrajna.
Il-Viċi President Eżekuttiv, Margrethe Vestager, li hija responsabbli mill-politika tal-kompetizzjoni, qalet: “F'dan il-mument kritiku l-Unjoni Ewropea tkompli tappoġġja lill-Ukrajna u lin-nies tagħha. Irridu nopponu din l-invażjoni krudili anke għaliex hija involuta l-libertà tagħna stess.
Is-sanzjonijiet adottati mill-UE u s-sħab internazzjonali tagħha affettwaw ħażin ħafna l-ekonomija Russa.
Dawn is-sanzjonijiet qed iħallu impatt ukoll fuq l-ekonomija Ewropea u se jkomplu jagħmlu dan fix-xhur li ġejjin. Jeħtieġ li ntaffu l-impatt ekonomiku ta' din il-gwerra u nappoġġaw kumpaniji u setturi milquta b'mod sever. Jeħtieġ li nieħdu azzjoni b'mod koordinat.
B'dan il-ħsieb, il-Kummissjoni se tippermetti lill-Istati Membri jużaw il-flessibilità prevista skont ir-regoli tal-għajnuna mill-Istat biex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni mingħajr preċedent,filwaqt li tipproteġi l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.
Il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet jikkomplementa s-sett ta' għodod eżistenti dwar l-Għajnuna mill-Istat b'ħafna possibbiltajiet oħra diġà disponibbli għall-Istati Membri, bħal miżuri li jipprovdu kumpens lill-kumpaniji għad-danni mġarrba direttament minħabba ċirkostanzi eċċezzjonali, u miżuri stipulati fil-Komunikazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-iżviluppi tas-suq tal-enerġija.
Il-Qafas il-ġdid se jippermetti lill-Istati Membri biex (i) jagħtu ammont limitat ta' għajnuna lill-kumpaniji affettwati mill-kriżi attwali jew mis-sanzjonijiet u l-kontrosanzjonijiet relatati; (ii) jiżgura li tibqa' disponibbli likwidità suffiċjenti għan-negozji; u (iii) jikkumpensa lill-kumpaniji għall-ispejjeż addizzjonali mġarrba minħabba l-prezzijiet eċċezzjonalment għolja tal-gass u tal-elettriku.
Dawn it-tip ta' miżuri jkunu disponibbli wkoll għal kumpaniji li jikkwalifikaw bħala li jinsabu f'diffikultà peress li jistgħu jiffaċċjaw ħtiġijiet ta' likwidità akuti minħabba ċ-ċirkostanzi attwali, li waslu wara l-pandemija tal-coronavirus. Entitajiet sanzjonati u kkontrollati mir-Russja jkunu esklużi mill-kamp ta' applikazzjoni ta' dawn il-miżuri.
Bħala eżempju: jekk l-Istati Membri jridu jimminimizzaw l-impatt taż-żieda qawwija fl-ispiża tad-dħul, huma jistgħu jintroduċu immedjatament skemi biex jagħtu sa EUR 400,000 għal kull kumpanija affettwata mill-kriżi. Il-Kummissjoni tinsab lesta li taħdem minnufih mal-Istati Membri biex issib soluzzjonijiet fattibbli li jippreservaw din il-parti importanti tal-ekonomija tagħna, bl-użu tal-flessibbiltà sħiħa skont ir-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat.
Sabiex jiġu ppreservati l-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku, il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet il-ġdid jinkludi għadd ta' salvagwardji. L-Istati Membri huma mistiedna wkoll jinkludu rekwiżiti ta' sostenibbiltà għall-għoti ta' għajnuna għall-ispejjeż addizzjonali tal-enerġija marbuta mal-prezzijiet għoljin tal-gass u tal-elettriku.
Il-Kummissjoni se tkompli tissorvelja s-sitwazzjoni u tipprovdi l-appoġġ meħtieġ lill-gvernijiet u liċ-ċittadini.”
Kuntest
Il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet għall-Għajnuna mill-Istat li jsostni lill-ekonomija fil-kuntest tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja, huwa msejjes fuq l-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (‘TFUE'), u jagħraf li l-ekonomija kollha tal-UE għaddejja minn taqlib serju. Bħala rimedju għal dan, il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet jipprevedi tliet tipi ta' għajnuna:
- Ammonti limitati ta' għajnuna: L-Istati Membri se jkunu jistgħu jwaqqfu skemi li jagħtu sa€35,000 għal kumpaniji milquta mill-kriżi attiva fis-setturi tal-agrikoltura, is-sajf u l-akkwakultura u sa €400,000 għal kull kumpanija effettwata mill-kriżi attiva fis-setturi l-oħra kollha. Din l-għajnuna ma għandhiex għalfejn tkun marbuta ma' żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, peress li l-kriżi u l-miżuri restrittivi kontra r-Russja affettwaw l-ekonomija b'diversi modi, inklużi interruzzjonijiet fiżiċi fil-katina tal-provvista. Dan l-appoġġ jista' jingħata fi kwalunkwe forma, inklużi għotjiet diretti.
- Appoġġ ta' likwidità fil-forma ta' garanziji mill-Istat u self issussidjat: L-Istati Membri se jkunu jistgħu jipprovdu (i) garanziji sussidjati mill-Istat biex jiżguraw li l-banek jibqgħu jipprovdu self lill-kumpaniji kollha affettwati mill-kriżi attwali; u (ii) self pubbliku u privat b'rati tal-imgħax sussidjati.
- Stati Membri jistgħu jagħtu garanziji mill-Istat jew jistabbilixxu skemi ta' garanzija li jappoġġaw self mill-bank li jittieħed minn kumpaniji. Dawn ikollhom primjums sussidjati, bi tnaqqis fir-rata stmata tas-suq għal primjums annwali għal self ġdid għall-SMEs u għal dawk li mhumiex SMEs.
- L-Istati Membri jistgħu jippermettu self pubbliku u privat lil kumpaniji b'rati tal-imgħax sussidjati. Dan is-self irid jingħata b'rata ta' interess, li hija mill-anqas ugwali għar-rata bażi mingħajr riskju flimkien ma' primjums ta' riskju ta' kreditu speċifikati applikabbli għal SMEs u mhux SMEs rispettivament.
Għaż-żewġ tipi ta' appoġġ, hemm xi limiti fir-rigward tal-ammont massimu tas-self, li huma bbażati fuq il-ħtiġijiet operattivi ta' kumpanija, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-fatturat, l-ispejjeż tal-enerġija u l-ħtiġijiet ta' likwidità tagħha. Is-self jista' jkun jirrigwarda kemm ħtiġijiet ta' investiment kif ukoll dawk ta' kapital operatorju.
- Għajnuna biex tikkumpensa għall-prezzijiet għoljin tal-enerġija: L-Istati Membri se jkunu jistgħu jikkumpensaw parzjalment lill-kumpaniji, b'mod partikolari lill-utenti intensivi tal-enerġija, għal spejjeż addizzjonali minħabba żidiet eċċezzjonali fil-prezzijiet tal-gass u tal-elettriku. Dan l-appoġġ jista' jingħata fi kwalunkwe forma, inklużi għotjiet diretti. L-għajnuna globali għal kull benefiċjarju ma tistax taqbeż it-30 % tal-ispejjeż eliġibbli, sa massimu ta' € 2 miljun fi kwalunkwe mument partikolari. Meta l-kumpanija ġġarrab telf operatorju, tista' tkun meħtieġa aktar għajnuna biex tiġi żgurata l-kontinwazzjoni ta' attività ekonomika. Għal dak il-għan, l-Istati Membri jistgħu jagħtu għajnuna li taqbeż dawn il-limiti, sa € 25 miljun għall-utenti li jużaw ħafna enerġija, u sa€ 50 miljun għal kumpaniji attivi f'setturi speċifiċi, bħall-produzzjoni tal-aluminju u metalli oħra, fibri tal-ħġieġ, polpa, fertilizzant jew idroġenu u ħafna sustanzi kimiċi bażiċi.
Il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet se jgħin biex is-sostenn lill-ekonomija jkun wieħed immirat, filwaqt li jrażżan il-konsegwenzi negattivi fuq il-kundizzjonijiet ekwi fis-Suq Uniku.
Għaldaqstant il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet jinkludi għadd ta' salvagwardji:
- Metodoloġija proporzjonali: Għandu jkun hemm rabta bejn l-ammont ta' għajnuna li jista' jingħata lin-negozji u l-iskala tal-attività ekonomika tagħhom u l-espożizzjoni għall-effetti ekonomiċi tal-kriżi, billi jitqiesu l-fatturat u l-ispejjeż tal-enerġija tagħhom;
- Kundizzjonijiet ta' eliġibbiltà: Id-definizzjoni ta' utenti li jużaw ħafna enerġija hija stabbilita b'referenza għall-Artikolu 17(1)(a) tad-Direttiva dwar it-Tassazzjoni fuq l-Enerġija, jiġifieri, negozji li għalihom ix-xiri ta' prodotti tal-enerġija jammonta għal mill-inqas 3 % tal-valur tal-produzzjoni tagħhom;
- Rekwiżiti ta' sostenibbiltà L-Istati Membri huma mistiedna jikkunsidraw, b'mod mhux diskriminatorju, l-istabbiliment ta' rekwiżiti relatati mal-protezzjoni ambjentali jew mas-sigurtà tal-provvista għall-għoti ta' għajnuna għal spejjeż addizzjonali minħabba prezzijiet eċċezzjonalment għoljin tal-gass u tal-elettriku. Għalhekk, l-għajnuna għandha tgħin lin-negozji jindirizzaw il-kriżi filwaqt li fl-istess ħin iwittu t-triq għal irkupru sostenibbli.
Il-qafas Temporanju tal-Kriżijiet se jkun fis-seħħ sal-31 ta' Diċembru 2022. Bil-għan li tiġi żgurata ċ-ċertezza legali, qabel dik id-data l-Kummissjoni se tivvaluta jekk ikunx hemm bżonn ta' estensjoni. Barra minn hekk, matul il-perjodu ta' applikazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni se tħalli l-kontenut u l-ambitu tal-Qafas taħt rieżami fid-dawl tal-iżviluppi fir-rigward tas-swieq tal-enerġija, swieq tad-dħul u s-sitwazzjoni ekonomika ġenerali.
Il-Qafas Temporanju għall-Kriżijiet jikkomplementa l-bosta possibbiltajiet tal-Istati Membri li jfasslu l-miżuri f'konformità mar-regoli eżistenti tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat. Pereżempju, ir-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat jippermettu lill-Istati Membri jgħinu lill-kumpaniji li jħabbtu wiċċhom ma' nuqqas ta' likwidità u li jkunu jeħtieġu għajnuna urġenti ta' salvataġġ. Barra minn hekk, l-Artikolu 107(2)(b) tat-TFUE jippermetti lill-Istati Membri jikkumpensaw lill-kumpaniji għad-dannu kkawżat direttament minn okkorrenza eċċezzjonali, bħal dawk ikkawżati mill-kriżi attwali.
Fl-2008 l-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju b'rispons għall-kriżi finanzjarja globali.
Fid-19 ta' Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Qafas Temporanju fil-kuntest tat-tifqigħa tal-coronavirus. Il-Qafas Temporanju tal-COVID ġie emendat fit-3 ta' April, 8 ta' Mejju, 29 ta' Ġunju, 13 t'Ottubru 2020, 28 ta' Jannar u 18 ta' Novembru 2021.
Għal aktar informazzjoni
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 23 Marzu 2022
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta