Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet8 Marzu 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta6 min qari

REPowerEU: Azzjoni Ewropea konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli

fossil

Il-Kummissjoni Ewropea llum ipproponiet deskrizzjoni ġenerali ta' pjan biex l-Ewropa ssir indipendenti mill-fjuwils fossili Russi ferm qabel l-2030, filwaqt li tibda bil-gass, fid-dawl tal-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja.

Dan il-pjan jiddeskrivi wkoll sensiela ta' miżuri biex iwieġbu għaż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija fl-Ewropa u għar-riforniment tal-istokkijiet tal-gass għax-xitwa d-dieħla. L-Ewropa ilha tħabbat wiċċha ma' żieda fil-prezzijiet tal-enerġija għal diversi xhur, iżda issa l-inċertezza dwar il-provvista qed taggrava l-problema. L-azzjoni REPowerEU se tfittex li tiddiversifika l-provvisti tal-gass, tħaffef l-introduzzjoni ta' gassijiet rinnovabbli u tissostitwixxi l-gass fit-tisħin u fil-ġenerazzjoni tal-enerġija. Dan jista' jnaqqas id-domanda tal-UE għall-gass Russu b'żewġ terzi qabel tmiem is-sena.

Il-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen qalet: “Irridu nsiru indipendenti miż-żejt, mill-faħam u mill-gass tar-Russja. “Ma nistgħux nibqgħu niddependu daqshekk minn fornitur li jheddidna b'mod espliċitu. Jeħtieġ li naġixxu issa biex intaffu l-impatt taż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, niddiversifikaw il-provvista tal-gass tagħna għax-xitwa li ġejja u naċċelleraw it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa. Aktar ma naqilbu malajr għas-sorsi rinnovabbli u l-idroġenu, flimkien ma' aktar effiċjenza enerġetika, aktar inkunu indipendenti fil-veru sens tal-kelma u nikkontrollaw is-sistema tal-enerġija tagħna. Se nkun qed niddiskuti l-ideat tal-Kummissjoni mal-mexxejja Ewropej f'Versailles aktar tard din il-ġimgħa, u wara dan se naħdem biex nimplimenta l-ideat mat-tim tiegħi mingħajr dewmien.”

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew, Frans Timmermans qal: Wasal iż-żmien li nindirizzaw il-vulnerabbiltajiet tagħna u nsiru aktar indipendenti b'mod rapidu fl-għażliet tagħna tal-enerġija. Wasal il-mument li neqilbu għas-sorsi rinnovabbli mill-aktar fis possibbli. Is-sorsi rinnovabbli huma sors ta' enerġija rħis, nadif, u potenzjalment bla tmiem, u minflok jiffinanzjaw l-industrija tal-fjuwils fossili xi mkien ieħor, joħolqu l-impjiegi hawnhekk. Il-gwerra ta' Putin fl-Ukrajna turi l-urġenza li nħaffu t-tranżizzjoni tagħna lejn enerġija nadifa. 

Il-Kummissarju għall-Enerġija, Kadri Simson, qalet: L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja aggravat is-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-provvista u xprunat il-prezzijiet tal-enerġija għal livelli mingħajr preċedent. Għall-ġimgħat li fadal ta' din ix-xitwa, l-Ewropa għandha ammonti suffiċjenti ta' gass, iżda jeħtieġ li nfornu r-riżervi tagħna b'mod urġenti għas-sena d-dieħla. Il-Kummissjoni għalhekk qed tipproponi li sal-1 ta' Ottubru, il-ħżin tal-gass fl-UE jrid jimtela sa mill-inqas 90 %. Iddeskrivejna wkoll ir-regolamentazzjoni tal-prezzijiet, l-għajnuna mill-istat u l-miżuri tat-taxxa biex nipproteġu l-unitajiet domestiċi u n-negozji Ewropej kontra l-impatt tal-prezzijiet eċċezzjonalment għoljin.” 

Miżuri ta' emerġenza li jirrigwardaw il-prezzijiet tal-enerġija u l-ħżin tal-gass

Is-“Sett ta' Għodod” tal-Kummissjoni għall-Prezzijiet tal-Enerġija ta' Ottubru li għadda għen lill-Istati Membri jtaffu l-impatt tal-prezzijiet għoljin fuq il-konsumaturi vulnerabbli u jibqa' qafas importanti għall-miżuri nazzjonali. Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta gwida addizzjonali lill-Istati Membri, li tikkonferma l-possibbiltà li l-prezzijiet jiġu rregolati f'ċirkostanzi eċċezzjonali, u li tistabbilixxi kif l-Istati Membri jistgħu jqassmu mill-ġdid id-dħul mill-profitti għoljin tas-settur tal-enerġija u l-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet lill-konsumaturi. Ir-regoli tal-UE dwar l-Għajnuna mill-Istat joffru wkoll għażliet lill-Istati Membri biex jipprovdu, fuq perjodu ta' żmien qasir, appoġġ lill-kumpaniji affettwati minn prezzijiet għoljin tal-enerġija, u jgħinu biex inaqqsu l-esponiment tagħhom għall-volatilità tal-prezzijiet tal-enerġija fit-terminu medju u fit-tul. Wara konsultazzjoni dwar emendi fil-mira għal-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat tas-Sistema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet, il-Kummissjoni se tikkonsulta wkoll mal-Istati Membri dwar il-ħtiġijiet u l-kamp ta' applikazzjoni ta' Qafas Temporanju ġdid għall-Kriżijiet għall-Għajnuna mill-Istat biex tingħata għajnuna lil kumpaniji affettwati mill-kriżi, b'mod partikolari dawk li jiffaċċjaw spejjeż għoljin tal-enerġija.

Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta proposta leġiżlattiva sa April li tirrikjedi l-ħżin tal-gass taħt l-art madwar l-UE jimtela sa mill-inqas 90 % tal-kapaċità tiegħu sal-1 ta' Ottubru ta' kull sena. Il-proposta tkun tinvolvi l-monitoraġġ u l-infurzar tal-livelli ta' mili u tibni arranġamenti ta' solidarjetà bejn l-Istati Membri. Il-Kummissjoni qed tkompli wkoll l-investigazzjoni tagħha fis-suq tal-gass bi tweġiba għat-tħassib dwar id-distorsjonijiet potenzjali tal-kompetizzjoni mill-operaturi, notevolment Gazprom.

Biex tindirizza ż-żieda qawwija fil-prezzijiet tal-enerġija, il-Kummissjoni se teżamina l-għażliet kollha possibbli għal miżuri ta' emerġenza biex tillimita l-effett ta' kontaġju tal-prezzijiet tal-gass fil-prezzijiet tal-elettriku, bħal limiti temporanji fuq il-prezzijiet. Se tivvaluta wkoll l-għażliet biex tottimizza t-tfassil tas-suq tal-elettriku filwaqt li tqis ir-rapport finali tal-Aġenzija tal-UE għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u kontribuzzjonijiet oħra dwar il-benefiċċji u l-iżvantaġġi ta' mekkaniżmi ta' pprezzar alternattivi biex l-elettriku jinżamm affordabbli, mingħajr ma jiġu interrotti l-provvista u aktar investiment fit-tranżizzjoni ekoloġika.

REPowerEU — neliminaw id-dipendenza tagħna fuq il-gass Russu qabel l-2030

It-tneħħija gradwali tad-dipendenza tagħna fuq il-fjuwils fossili mir-Russja tista' ssir sew qabel l-2030. Biex tagħmel dan, il-Kummissjoni qed tipproponi li tiżviluppa pjan REPowerEU li se jżid ir-reżiljenza tas-sistema tal-enerġija għall-UE kollha, bbażat fuq żewġ pilastri: Id-diversifikazzjoni tal-provvisti tal-gass, permezz ta' importazzjonijiet ogħla tal-LNG u tal-pipelines minn fornituri mhux Russi, u volumi akbar ta' produzzjoni u ta' importazzjonijet ta' bijometan u ta' idroġenu rinnovabbli; u, t-tnaqqis b'mod aktar rapidu tal-użu tal-fjuwils fossili fid-djar, fil-bini, fl-industrija u fis-sistema tal-enerġija tagħna, billi nagħtu spinta lill-effiċjenza enerġetikainżidu s-sorsi rinnovabbli u l-elettrifikazzjoni, u nindirizzaw il-konġestjonijiet fl-infrastruttura.

L-implimentazzjoni sħiħa tal-proposti tal-pakkett tal-Kummissjoni “Lesti għall-Mira ta' 55 %” diġà tnaqqas il-konsum annwali tagħna ta' gass fossili bi 30 %, ekwivalenti għal 100 biljun metru kubu (bcm), sal-2030. Permezz tal-miżuri fil-pjan REPowerEU, nistgħu gradwalment neliminaw mill-inqas 155 bcm ta' użu ta' gass fossili, li huwa ekwivalenti għall-volum importat mir-Russja fl-2021. Kważi żewġ terzi ta' dan it-tnaqqis jista' jinkiseb fi żmien sena, u b'hekk tintemm id-dipendenza żejda tal-UE fuq fornitur wieħed. Il-Kummissjoni tipproponi li taħdem mal-Istati Membri biex tidentifika l-aktar proġetti xierqa biex jintlaħqu dawn l-objettivi, filwaqt li tibni fuq il-ħidma estensiva li diġà saret fuq il-Pjanijiet nazzjonali għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

Sfond

Ir-realtà ġeopolitika u tas-suq tal-enerġija l-ġdida teħtieġ li nħaffu drastikament it-tranżizzjoni lejn enerġija nadifa u nżidu l-indipendenza enerġetika tal-Ewropa minn fornituri mhux affidabbli u fjuwils fossili volatili.

Wara l-invażjoni tal-Ukrajna, il-każ għal tranżizzjoni rapida lejn enerġija nadifa qatt ma kien aktar b'saħħtu u aktar ċar minn hekk. L-UE timporta 90 % tal-konsum tal-gass tagħha, bir-Russja tipprovdi madwar 45 % minn dawn l-importazzjonijiet, f'livelli li jvarjaw madwar l-Istati Membri. Ir-Russja tipprovdi wkoll madwar 25 % tal-importazzjonijiet taż-żejt u 45 % tal-importazzjonijiet tal-faħam.

Is-Sett ta' Għodod tal-Kummissjoni ta' Ottubru 2021 għall-Prezzijiet tal-Enerġija qiegħed jgħin liċ-ċittadini u lin-negozji jiffaċċjaw prezzijiet għoljin tal-enerġija f'dawn l-aħħar xhur. 25 Stat Membru adottaw miżuri f'konformità mas-sett ta' għodod li diġà qed jiffaċilita l-kontijiet tal-enerġija għal aktar minn 70 miljun unità domestika u diversi miljuni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju.

Il-Kummissjoni qed tkompli taħdem mal-ġirien u mas-sħab fil-Balkani tal-Punent, u fil-Komunità tal-Enerġija, li jikkondividu d-dipendenzi tal-UE fuq il-fjuwils fossili u l-esponiment għaż-żidiet fil-prezzijiet, filwaqt li impenjat ruħha wkoll għall-istess għanijiet klimatiċi fit-tul. Għall-Ukrajna, il-Moldova u l-Georgia, l-UE tinsab lesta li tipprovdi appoġġ biex tiżgura enerġija affidabbli u sostenibbli. L-isforz kontinwu biex tiġi pprovduta sinkronizzazzjoni ta' emerġenza tal-grilji tal-elettriku Ukreni u tal-Moldova mal-grilja Ewropea kontinentali huwa sinjal ċar ta' dan l-impenn.

Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni dwar REPowerEU: Azzjoni Ewropea konġunta għal enerġija aktar affordabbli, sigura u sostenibbli

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Skeda informattiva — REPowerEU

Is-sit web tal-Patt Ekoloġiku Ewropew

Is-sit web tal-Appoġġ tal-UE għall-Ukrajna

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
8 Marzu 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta