
Għada, it-12 ta’ Ġunju 2026, il-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil se jibda japplika fl-Istati Membri kollha tal-UE. Il-Patt, li ġie adottat f’Mejju 2024, irreveda l-qafas tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-ażil u issa huwa fil-qofol tal-approċċ il-ġdid tal-UE dwar il-migrazzjoni. Għall-ewwel darba, l-UE għandha fis-seħħ qafas komprensiv dwar il-migrazzjoni u l-ażil, bi protezzjoni b’saħħitha tal-fruntieri esterni, regoli ġusti u sodi dwar l-ażil, u bilanċ bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà.
Ursula von der Leyen, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qalet: “Il-migrazzjoni hija sfida Ewropea li trid tiġi indirizzata b’soluzzjoni Ewropea. Waħda li hija effettiva, ġusta u soda. Dan huwa dak li jagħti l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil – fruntieri esterni aktar siguri, solidarjetà bejn l-Istati Membri u proċeduri aktar effiċjenti għall-ażil u r-ritorn. U biex nindirizzaw il-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni flimkien, inkomplu nsaħħu r-relazzjonijiet tagħna mas-sħab globali.”
L-UE fetħet kapitlu ġdid dwar il-migrazzjoni u l-ażil li tiegħu l-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil huwa element ewlieni. Dan jiġi flimkien ma’ diplomazija assertiva dwar il-migrazzjoni, protezzjoni tal-fruntieri teknoloġikament avvanzata (bis-Sistema ta’ Dħul u Ħruġ introdotta u applikata bis-sħiħ), u regoli ġodda biex ir-ritorni jsiru aktar rapidi u aktar effettivi, kif deskritt fl-Istrateġija Ewropea għall-Ġestjoni tal-Ażil u l-Migrazzjoni. L-approċċ il-ġdid diġà qed juri riżultati b’saħħithom, bi tnaqqis ta’ 55 % fil-qsim illegali tal-fruntieri meta mqabbel ma’ sentejn ilu.
Fost l-elementi ewlenin tal-Patt dwar il-Migrazzjoni u l-Ażil hemm:
- Fruntieri esterni siguri, b’reġistrazzjoni obbligatorja ġdida u kontrolli tas-sigurtà bir-reqqa tal-migranti irregolari kollha li jaqsmu l-fruntieri tal-UE illegalment, proċeduri rapidi fuq il-fruntiera għal dawk li x’aktarx ma jkunux jeħtieġu protezzjoni, jippreżentaw riskju għas-sigurtà jew iqarrqu bl-awtoritajiet, u ritorni rapidi – mingħajr ma l-persuna tkun awtorizzata tidħol fit-territorju tal-UE.
- Proċeduri tal-ażil sodi u ġusti, inklużi limiti ta’ żmien iqsar għall-proċeduri tal-ażil, regoli aktar stretti għal applikazzjonijiet abbużivi u sussegwenti, u regoli biex jiġu evitati aħjar il-movimenti sekondarji.
- Standards tal-UE għall-kundizzjonijiet ta’ akkoljenza, li jiżguraw standards ta’ akkoljenza dinjitużi madwar l-UE, it-tnaqqis tal-inċentivi għall-movimenti sekondarji u l-iffaċilitar ta’ aċċess aktar rapidu għas-suq tax-xogħol (diġà wara 6 xhur).
- Bilanċ ġust bejn is-solidarjetà u r-responsabbiltà, b’mekkaniżmu ta’ solidarjetà obbligatorju permanenti u possibbiltà għall-Istati Membri li jikkontribwixxu għas-solidarjetà b’mod flessibbli, waqt li tiġi indirizzata s-sitwazzjoni speċifika ta’ kull Stat Membru. Jinkludi wkoll regoli aktar ċari dwar liema Stat Membru huwa responsabbli għall-ipproċessar ta’ applikazzjoni għall-ażil, kif ukoll proċessi aktar rapidi għat-trasferiment tal-applikanti lura lejn l-Istat Membru inkarigat.
- Salvagwardji b’saħħithom, biex tiġi żgurata l-konformità mad-drittijiet fundamentali inkluż mekkaniżmu ta’ monitoraġġ indipendenti matul l-iskrinjar u l-proċedura tal-ażil fuq il-fruntiera.
Minn għada (it-12 ta’ Ġunju), ir-regoli l-ġodda se jkunu applikabbli bis-sħiħ, u l-Istati Membri se jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli fil-prattika.
Biex ifakkar dan l-istadju importanti, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni, Magnus Brunner se għada se jipparteċipa f’Konferenza Ministerjali informali ospitata f’Nikosija mill-Presidenza Ċiprijotta tal-Kunsill. Għada se ssir konferenza stampa bejn wieħed u ieħor f’12:45 CEST u se tixxandar dirett fuq l-EBS.
Il-passi li jmiss
Il-pilastri ewlenin tas-sistema l-ġdida qegħdin hemm. Inħarsu ’l quddiem, l-implimentazzjoni ta’ dan is-sett kumpless ta’ riformi teħtieġ ħidma legali u operazzjonali sinifikanti. L-Istati Membri se jkomplu jadattaw u jirfinaw il-proċeduri l-ġodda fix-xhur li ġejjin, b’appoġġ kontinwu mill-Kummissjoni u mill-Aġenziji tal-UE.
B’mod parallel, il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri, se tkompli ssaħħaħ l-għodod tagħha tad-diplomazija dwar il-migrazzjoni u taħdem mas-sħab internazzjonali, inklużi l-pajjiżi ta’ oriġini u ta’ tranżitu, waqt li fl-istess ħin tiżgura li l-UE jkollha r-regoli u l-proċessi fis-seħħ biex tattira l-ħiliet li teħtieġ biex tagħti spinta lill-kompetittività tal-ekonomiji tagħna.
- Data tal-pubblikazzjoni
- 11 Ġunju 2026
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta