Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Stqarrija għall-istampa
  • 14 Novembru 2024
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 21 min qari

Il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Novembru: deċiżjonijiet ewlenin

Visit of Ursula von der Leyen, President of the European Commission, to United States

Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika

Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri talli naqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi setturi u oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.

Id-deċiżjonijiet ewlenin meħuda mill-Kummissjoni qed jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika. Il-Kummissjoni qed tagħlaq ukoll 47 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet mingħajr ma l-Kummissjoni kellha għalfejn tkompli bil-proċedura.

Għal aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE, ara l-lista sħiħa tal-Mistoqsijiet u t-Tweġibiet. Għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija ta' każ, tista' tikkonsulta r-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur.

 

1. Ambjent

(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠJU u lil ĊIPRU biex jikkonformaw mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju (INFR(2024)2231) u lil Ċipru (INFR(2024)2227) talli naqsu milli jagħmlu rieżami perjodiku tal-permessi marbuta mal-ilma f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE). Id-Direttiva tirrikjedi li l-Istati Membri jistabbilixxu programm ta' miżuri għal kull distrett tal-baċin tax-xmara biex jiġi żgurat li l-korpi tal-ilma Ewropej, bħax-xmajjar u l-lagi, ikollhom status tajjeb. Dawn il-miżuri jridu jiġu inklużi fil-pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċin tax-xmara li jridu jiġu stabbiliti u rrappurtati lill-Kummissjoni kull 6 snin. Kull programm ta' miżuri jrid jinkludi l-miżuri bażiċi għall-kontroll tat-tipi differenti ta' estrazzjoni tal-ilma, tas-sekwestru, tal-iskariku minn sors lokalizzat, tas-sorsi ta' tixrid li jistgħu jikkawżaw tniġġis, u ta' kwalunkwe impatt negattiv sinifikanti ieħor fuq il-kwalità tal-ilma. L-Istati Membri huma meħtieġa jirrieżaminaw u jaġġornaw perjodikament dawn il-kontrolli biex jiddeterminaw jekk il-miżuri fis-seħħ għadhomx jilħqu l-objettivi tagħhom. Il-Kummissjoni diġà bdiet proċeduri ta' ksur simili kontra erba' Stati Membri oħra (in-Netherlands, l-Awstrija, is-Slovenja u l-Finlandja). Fil-Belġju, il-leġiżlazzjoni tar-reġjun ta' Brussell Kapitali, tar-reġjun Fjamming u tar-reġjun ta' Wallonia rispettivament mhijiex konformi mad-Direttiva. Fir-rigward tal-estrazzjoni tal-ilma, dawn il-leġiżlazzjonijiet reġjonali mhux dejjem jipprevedu rieżami perjodiku tal-awtorizzazzjoni jew jistabbilixxu intervall għal rieżami li jkun twil wisq (aktar minn 12-il sena). Fir-rigward tal-iskariku minn sors lokalizzat, l-intervalli stabbiliti mit-tliet leġiżlazzjonijiet reġjonali bejn ir-rieżamijiet perjodiċi tal-awtorizzazzjoni huma twal wisq. F'Ċipru, il-leġiżlazzjoni nazzjonali ma timponi l-ebda tip ta' rieżami perjodiku, kif meħtieġ mid-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Belġju u lil Ċipru, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-GREĊJA biex tirrapporta d-data dwar il-konformità mal-miri tar-riċiklaġġ f'konformità mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR(2024)2228) talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/851). Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart hija l-leġiżlazzjoni qafas tal-UE li għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, li tnaqqas l-impatti kumplessivi tal-użu tar-riżorsi u li ttejjeb l-effiċjenza ta' dan l-użu, li huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u għall-garanzija tal-kompetittività fit-tul tal-Unjoni. Sabiex tiġi vverifikata l-konformità mal-miri tar-riċiklaġġ stabbiliti mid-Direttiva, l-Istati Membri jridu jirrapportaw id-data dwar it-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-materjali ta' skart, kif stabbilit fir-regoli ta' implimentazzjoni (id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1004). Il-Greċja hija l-uniku Stat Membru li ma rrappurtax din id-data għas-snin 2020, 2021 u 2022. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tittrasponi d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart b'mod korrett
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2024)2229) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/851). Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart hija l-leġiżlazzjoni qafas tal-UE li għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart, li tnaqqas l-impatti kumplessivi tal-użu tar-riżorsi u li ttejjeb l-effiċjenza ta' dan l-użu, li huma kruċjali għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari u għall-garanzija tal-kompetittività fit-tul tal-Unjoni. Id-Direttiva emendata tistabbilixxi l-miri vinkolanti għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali u għat-tħejjija tiegħu biex jintuża mill-ġdid. Barra minn hekk, tintroduċi rekwiżiti biex l-Istati Membri jtejbu s-sistemi tal-immaniġġjar tal-iskart tagħhom u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. L-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva emendata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom kienet il-5 ta' Lulju 2020. Il-Kummissjoni diġà bdiet proċeduri ta' ksur kontra 11-il Stat Membru ieħor (il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, Franza, l-Italja, Ċipru, in-Netherlands, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija). Il-Kummissjoni sabet li l-Ungerija ma ttrasponietx b'mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva emendata. Fosthom insibu d-dispożizzjonijiet li jistabbilixxu l-kriterji li skonthom ċertu skart ma jibqax skart u jsir prodott jew materja prima sekondarja (kriterji għat-tmiem tal-istatus ta' skart). Barra minn hekk, ir-rekwiżiti dwar il-miri nazzjonali tal-iskema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur u l-pubblikazzjoni tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji kif ukoll ir-rekwiżiti dwar ir-rieżami regolari tad-derogi mill-operazzjonijiet ta' rkupru mhumiex konformi mad-Direttiva. L-Ungerija naqset ukoll milli tipprovdi miżuri biex tinkoraġġixxi il-kompostjar domestiku. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-UNGERIJA biex tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2024)2230) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills (id-Direttiva 1999/31/KE dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/850). Id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills tistabbilixxi l-istandards għar-rimi f'landfills biex jiġu evitati l-effetti negattivi fuq saħħet il-bniedem, l-ilma, il-ħamrija u l-arja. Skont din id-Direttiva, l-Istati Membri jridu jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-iskart li jkun ġie ttrattat biss jintrema fil-landfills. Id-Direttiva dwar ir-rimi ta' skart f'Landfills tistabbilixxi mira biex ir-rimi tal-iskart muniċipali f'landfills jitnaqqas għal 10 % sal-2035; tipprojbixxi, mill-2030, li fil-landfills jintrema skart adattat għar-riċiklaġġ jew għal irkupru ieħor; u tistabbilixxi regoli dwar il-kalkolu tal-ilħuq tal-mira għat-tnaqqis tar-rimi ta' skart f'landfills. Id-Direttiva tirrikjedi wkoll li l-Istati Membri jistabbilixxu sistema effettiva ta' kontroll tal-kwalità u ta' traċċabbiltà għall-iskart muniċipali mormi f'landfills. L-Ungerija, fost l-oħrajn, ma ttrasponietx b'mod korrett id-dispożizzjoni tad-Direttiva li tirrikjedi li l-iskart li jkun inġabar separatament, biex jitħejja għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ, ma jintremiex f'landfills. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tipprevjeni u tiġġestixxi t-tixrid tal-ispeċijiet aljeni invażivi f'konformità mar-Regolament dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2024)2226) talli naqset milli tipprevjeni u tiġġestixxi l-introduzzjoni u t-tixrid tan-nemla tan-nar (Solenopsis invicta), kif jirrikjedi r-Regolament dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi (ir-Regolament (UE) 1143/2014). L-ispeċijiet aljeni invażivi huma waħda mill-ħames kawżi ewlenin tat-telfien tal-bijodiversità fl-Ewropa u fid-dinja kollha. Ir-Regolament dwar l-ispeċijiet aljeni invażivi għandu l-għan li jipprevjeni, jimminimizza u jtaffi l-effetti negattivi tal-ispeċijiet aljeni invażivi fuq il-bijodiversità u l-ekosistemi relatati, kif ukoll fuq is-saħħa u s-sikurezza tal-bniedem, u li jnaqqas l-impatt soċjali u ekonomiku tagħhom fl-Ewropa. Wara li ġiet iddokumentata n-nemla tan-nar fi Sqallija, l-Italja ma nnotifikatx immedjatament lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri l-oħra dwar id-detezzjoni bikrija tagħha. L-awtoritajiet Taljani lanqas ma nnotifikaw lill-Kummissjoni dwar xi miżuri ta' eradikazzjoni jew dwar l-effettività tagħhom. Barra minn hekk, l-Italja ma ħaditx il-passi kollha meħtieġa biex tipprevjeni t-tixrid mhux intenzjonat tan-nemla tan-nar, u ma implimentatx b'mod effettiv is-sistema ta' sorveljanza tal-ispeċijiet aljeni invażivi li huma sors ta' tħassib għall-Unjoni. L-Italja jeħtieġ tistabbilixxi l-miżuri meħtieġa biex tkun konformi mar-Regolament. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Ittra ta' intimazzjoni skont l-Artikolu 260 tat-TFUE

Il-Kummissjoni tappella lill-IRLANDA biex tikkonforma ma' sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-ġbir u t-trattament xierqa tal-ilma urban mormi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni, skont l-Artikolu 260 tat-TFUE, lill-Irlanda (INFR(2013)2056) talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tat-28 ta' Marzu 2019 (C-427/17). F'din id-deċiżjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja sabet li l-Irlanda ma tikkonformax mad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva 91/271/KEE). Id-Direttiva għandha l-għan li tħares saħħet in-nies u lill-ambjent billi tirrikjedi li l-ilma urban mormi jinġabar u jiġi ttrattat qabel jiġi skarikat fl-ambjent. Il-bliet jeħtieġ jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa sabiex jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi tagħhom. L-ilma mormi mhux miġbur jew mhux ittrattat jista' jqiegħed saħħet il-bniedem fil-periklu u jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija u l-ilma kostali u ta' taħt l-art. L-Irlanda kellha tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva sa mhux aktar tard mill-31 ta' Diċembru 2005. F'Marzu 2019, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Irlanda kienet kisret ir-rekwiżiti tad-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi fi 28 agglomerazzjoni. Filwaqt li l-Irlanda għamlet progress fir-rimedju ta' xi ksur, pereżempju bil-kostruzzjoni tal-impjant tat-trattament ta' Shanbally, 16-il agglomerazzjoni koperti mis-sentenza għadhom mhumiex konformi. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Irlanda, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq lill-Irlanda quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba biex timponilha sanzjonijiet finanzjarji.

Opinjoni motivata

Il-Kummissjoni tappella lill-ITALJA biex tikkonforma mar-regoli dwar il-kaċċa tal-għasafar, b'mod partikolari dwar l-użu taċ-ċomb fil-munizzjon
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Italja (INFR(2023)2187) talli naqset milli tikkonforma mad-Direttiva dwar l-Għasafar (id-Direttiva 2009/147/KE) u mar-Regolament REACH (ir-Regolament 1907/2006/KE kif emendat bir-Regolament (UE) 2021/57) minħabba l-bidliet introdotti fir-regoli Taljani dwar il-kaċċa. Id-Direttiva dwar l-Għasafar għandha l-għan li tħares l-ispeċijiet kollha tal-għasafar selvaġġi li jinsabu fin-natura fl-UE u l-ħabitats tagħhom. Ir-Regolament REACH emendat jirrestrinġi l-użu tal-pritkuni sparati li fihom iċ-ċomb fl-artijiet mistagħdra jew fl-inħawi tagħhom biex jitħarsu l-għasafar tal-ilma, l-ambjent, u saħħet il-bniedem. Il-Kummissjoni sabet li bosta atti leġiżlattivi Taljani ma jikkonformawx ma' din il-leġiżlazzjoni tal-UE. Il-leġiżlazzjoni Taljana tat lir-reġjuni s-setgħa li jawtorizzaw il-qtil jew il-qbid ta' speċijiet ta' fawna selvaġġa, anke fiż-żoni fejn il-kaċċa hija pprojbita, bħaż-żoni protetti, u matul il-perjodu tas-sena meta l-kaċċa hija pprojbita, b'hekk qed tikser id-Direttiva dwar l-Għasafar. Barra minn hekk, il-leġiżlazzjoni Taljana ma tikkonformax mad-dispożizzjonijiet tar-Regolament emendat REACH dwar l-użu taċ-ċomb fil-pritkuni. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni fi Frar 2024. Għalkemm l-Italja emendat il-liġi nazzjonali, il-pjan nazzjonali previst minn din il-liġi għad fih dispożizzjonijiet li mhumiex konformi mad-Direttiva dwar l-Għasafar. L-Italja għadha lanqas ma emendat il-leġiżlazzjoni tagħha biex tikkonforma mar-Regolament REACH. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata għall-Italja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-BULGARIJA u lir-RUMANIJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi b'mod xieraq
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Bulgarija (INFR(2017)2082) u lir-Rumanija (INFR(2018)2109) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jikkonformaw bis-sħiħ mal-obbligi tal-ġbir u tat-trattament stabbiliti fid-Direttiva dwar it-Trattament tal-Ilma Urban Mormi (id-Direttiva 91/271/KEE). Id-Direttiva għandha l-għan li tħares saħħet in-nies u lill-ambjent billi tirrikjedi li l-ilma urban mormi jinġabar u jiġi ttrattat qabel jiġi skarikat fl-ambjent. Il-bliet (l-agglomerazzjonijiet) jeħtieġu jistabbilixxu l-infrastruttura meħtieġa sabiex jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi tagħhom. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Bulgarija f'Lulju 2017, u f'Mejju 2020 bagħtitilha opinjoni motivata. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija f'Ġunju 2018, u f'Ottubru 2020 u fi Frar 2022, rispettivament, bagħtitilha ittra ta' intimazzjoni addizzjonali u opinjoni motivata. L-ittra ta' intimazzjoni addizzjonali ntbagħtet lir-Rumanija biex tinkludi l-agglomerazzjonijiet il-kbar li ma kinux fil-kamp ta' applikazzjoni tal-ittra ta' intimazzjoni inizjali f'Ġunju 2018. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata l-isforzi tal-awtoritajiet Bulgari u Rumeni ma kinux biżżejjed, u għalhekk qiegħda tressaq lill-Bulgarija u lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.

 

2. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs

(Għal aktar informazzjoni: Johanna Bernsel – Tel.: +32 2 298 66 99; Federica Miccoli – Tel.: +32 229-58300)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni titlob lil FRANZA tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-moviment liberu tal-ħaddiema fl-UE
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza (INFR(2024)4025) għan-nuqqas ta' konformità tar-regoli nazzjonali mal-moviment liberu tal-ħaddiema u mal-libertà tal-istabbiliment minquxa fl-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Dawn iż-żewġ libertajiet huma fundamentali għall-mobbiltà tan-negozji u għall-mobbiltà professjonali fi ħdan is-Suq Uniku. Jagħmluha eħfef għall-professjonisti kompletament kwalifikati biex jipprattikaw fi Stati Membri differenti kemm bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll bħala impjegati, filwaqt li jiggarantixxu livell għoli ta' protezzjoni għall-konsumaturi u għaċ-ċittadini. Il-Kummissjoni Ewropea jidhrilha li r-regoli Franċiżi jonqsu milli jikkonformaw mal-Artikoli 45 u 49 tat-TFUE peress li jipprevjenu lit-tobba, lid-dentisti u lill-qwiebel tal-UE, li huma kompletament kwalifikati biex jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Unjoni Ewropea, milli jaħdmu fi Franza kemm bħala persuni li jaħdmu għal rashom kif ukoll bħala impjegati, jekk ikunu diġà rreġistrati biex jipprattikaw il-professjoni tagħhom f'pajjiż li mhuwiex fl-Unjoni Ewropea. Għalhekk, il-liġi Franċiża toħloq restrizzjoni fuq il-moviment liberu tal-ħaddiema u fuq il-libertà tal-istabbiliment. Abbażi tal-informazzjoni tal-Kummissjoni, din ir-restrizzjoni ma tidhirx ġustifikata u għalhekk tikser l-Artikoli 45 u 49 tat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tappella lil FRANZA biex tiżgura li r-rekwiżiti tat-tikkettar tagħha għas-separazzjoni tal-iskart ikunu jikkonformaw mal-prinċipju tal-moviment liberu tal-merkanzija
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Franza (INFR(2022)4028) talli naqset milli tindirizza l-inkompatibbiltà tar-rekwiżiti tat-tikkettar tagħha rigward l-istruzzjonijiet dwar is-separazzjoni tal-iskart mal-Artikoli 34–36 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Sabiex jinbiegħu fi Franza, il-prodotti domestiċi li jappartjenu għal skema ta' responsabbiltà estiża tal-produttur iridu jiġu ttikkettati bil-“logo Triman”, sinjal li jindika li l-prodott huwa s-suġġett tar-regoli dwar is-separazzjoni, u bl-“infotri”, informazzjoni li tispeċifika l-metodi tas-separazzjoni. Bħalissa, l-għoti tal-istruzzjonijiet dwar is-separazzjoni tal-iskart lill-konsumaturi mhuwiex irregolat minn regoli armonizzati tal-UE. Madankollu, dan dalwaqt se jiġi rregolat skont l-atti ta' implimentazzjoni futuri li għandhom jiġu adottati fl-ambitu tar-Regolament il-ġdid dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ. Il-Kummissjoni jidhrilha li, sa dak iż-żmien, il-liġijiet nazzjonali adottati f'dan il-qasam ma għandhomx joħolqu ostakli bla bżonn għall-kummerċ fis-suq intern. L-industrija tindika ripetutament li r-rekwiżiti nazzjonali tat-tikkettar huma wkoll ostaklu kbir għas-suq intern li jimmina serjament il-moviment liberu tal-merkanzija. Il-Kummissjoni għandha l-għan li telimina l-ostakli li l-aktar iħallu impatt sinifikanti fuq il-ħila tal-kumpaniji Ewropej li jibbenefikaw mis-suq intern u li jespandu. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-awtoritajiet Franċiżi ma pprovdewx biżżejjed evidenza dwar il-proporzjonalità tal-politika tagħhom peress li hemm disponibbli għażliet oħra li huma inqas restrittivi. Skont il-Kummissjoni, Franza qed tikser ukoll l-obbligi ta' notifika fl-ambitu tad-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku (id-Direttiva (UE) 2015/1535) peress li l-liġi kkonċernata ma ġietx innotifikata lill-Kummissjoni qabel l-adozzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata għal Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

3. Enerġija u klima

(Għal aktar informazzjoni: Tim McPhie – Tel.: +32 229 58602; Giulia Bedini – Tel. +32 229 58661)

Ittri ta' intimazzjoni

Il-Kummissjoni tappella lill-BELĠU, lill-BULGARIJA, liċ-ĊEKJA, lill-ESTONJA, lill-GREĊJA, lill-KROAZJA, lil ĊIPRU, lil MALTA, lill-AWTRIJA, lill-POLONJA, lill-PORTUGALL, lis-SLOVENJA u lis-SLOVAKKJA biex jippreżentaw b'mod urġenti l-aġġornament finali tagħhom tal-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima  
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju (INFR(2024)2252), lill-Bulgarija (INFR(2024)2253), liċ-Ċekja (INFR(2024)2255), lill-Estonja (INFR(2024)2257), lill-Greċja (INFR(2024)2258), lill-Kroazja (INFR(2024)2256), lil Ċipru (INFR(2024)2254), lil Malta (INFR(2024)2259), lill-Awstrija (INFR(2024)2251), lill-Polonja (INFR(2024)2260), lill-Portugall (INFR(2024)2261), lis-Slovenja (INFR(2024)2263) u lis-Slovakkja (INFR(2024)2262) talli naqsu milli jippreżentaw l-aġġornament finali tagħhom tal-pjanijiet nazzjonali għall-enerġija u l-klima (NECPs, National Energy and Climate Plans), f'konformità mar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u tal-Azzjoni Klimatika. L-aġġornament finali tal-NECPs huwa għodda kruċjali biex jiġi żgurat li l-Istati Membri jistabbilixxu pjan direzzjonali konkret biex jintlaħqu l-għanijiet maqbula tal-UE għat-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra, għall-enerġija rinnovabbli u għall-effiċjenza enerġetika fost l-oħrajn. Dawn huma wkoll kruċjali biex il-Kummissjoni Ewropea tivvaluta l-pożizzjoni kollettiva tal-Istati Membri f'termini tal-ambizzjoni lejn il-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE għall-2030. Skont l-Artikolu 14(2) tar-Regolament dwar il-Governanza, l-Istati Membri kollha kellhom jippreżentaw l-aġġornament finali tagħhom tal-NECPs sat-30 ta' Ġunju 2024. S'issa, il-Kummissjoni rċeviet il-verżjoni finali ta' 14-il pjan. B'segwitu għal skambji estensivi wara l-preżentazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet u l-adozzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni lill-Istati Membri, dawn it-13-il Stat Membru għadhom ma ppreżentawx l-aġġornament finali tagħhom tal-NECPs. Il-Kummissjoni jidhrilha li qed jiksru l-obbligu tagħhom skont ir-Regolament dwar il-Governanza u għalhekk qed tibgħat l-ittri ta' intimazzjoni. Il-Belġju, il-Bulgarija, iċ-Ċekja, l-Estonja, il-Greċja, il-Kroazja, Ċipru, Malta, l-Awstrija, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja u s-Slovakkja issa għandhom xahrejn biex iwieġbu lill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.

Opinjoni motivata addizzjonali

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-IRLANDA, lil SPANJA, lil FRANZA u lill-UNGERIJA biex jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati addizzjonali lill-Irlanda (INFR(2021)0260), lil Spanja (INFR(2021)0220), lil Franza (INFR(2021)0238) u lill-Ungerija (INFR(2021)0256) talli ma ttrasponewx bis-sħiħ ir-regoli tal-UE dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2018/2001. Din id-Direttiva tipprovdi l-qafas legali għall-iżvilupp tal-enerġija rinnovabbli fl-elettriku, fit-tisħin u fit-tkessiħ, u fit-trasport fl-UE. Tistabbilixxi mira vinkolanti fil-livell tal-UE għall-2030 fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli u tinkludi regoli speċifiċi għall-garanziji tal-oriġini. Il-garanziji tal-oriġini huma ċertifikati elettroniċi biex il-klijenti finali jiġu infurmati dwar is-sehem tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli fit-taħlita enerġetika ta' fornitur. Id-Direttiva tinkludi wkoll il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijofjuwils, għall-bijolikwidi u għall-fjuwils tal-bijomassa, u r-regoli dwar il-verifika tal-konformità ta' dawk il-fjuwils ma' dawn il-kriterji. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-30 ta' Ġunju 2021. F'Lulju 2021, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-erba' Stati Membri talli naqsu milli jittrasponu d-Direttiva bis-sħiħ. Fir-rigward tal-Irlanda, ta' Spanja u ta' Franza, il-Kummissjoni mbagħad segwiet b'opinjonijiet motivati minħabba n-nuqqas kontinwu tagħhom li jittrasponu d-Direttiva bis-sħiħ, u ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva. Wara li eżaminat it-tweġibiet u l-miżuri nnotifikati sussegwentement mill-erba' Stati Membri, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati addizzjonali għall-Irlanda, għal Spanja, għal Franza u għall-Ungerija minħabba t-traspożizzjoni mhux kompluta. L-opinjonijiet motivati jiġbdu l-attenzjoni dwar lakuni oħra fit-traspożizzjoni rigward id-dispożizzjonijiet dwar il-garanziji tal-oriġini għall-enerġija minn sorsi rinnovabbli, jew dwar kwistjonijiet oħra ta' traspożizzjoni li jikkonċernaw il-kriterji tas-sostenibbiltà u tal-iffrankar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra għall-bijofjuwils, għall-bijolikwidi u għall-fjuwils tal-bijomassa. L-erba' Stati Membri issa għandhom xahrejn biex jirrimedjaw is-sitwazzjoni u jinnotifikaw it-traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva lill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.  


4. Tassazzjoni u Unjoni Doganali  

(Għal aktar informazzjoni: Francesca Dalboni – Tel.: +32 229 88170; Saul Louis Goulding – Tel.: +32 229-64735) 

Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja  

Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-ĠERMANJA quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli telimina t-trattament diskriminatorju tat-taxxa tal-gwadanji kapitali mill-bejgħ tal-proprjetà immobbli tal-Ġermanja li jiġu riinvestiti
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Ġermanja (INFR(2012)4037) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tirrimedja l-ksur tal-moviment liberu tal-kapital (l-Artikolu 63 tat-TFUE u l-Artikolu 40 tal-Ftehim ŻEE) minħabba t-trattament diskriminatorju tat-taxxa tal-gwadanji kapitali mill-bejgħ tal-proprjetà immobbli fil-Ġermanja li jiġu riinvestiti. Il-Ġermanja tippermetti li t-tassazzjoni fuq il-gwadanji kapitali mill-bejgħ tal-proprjetà immobbli fil-Ġermanja li jiġu riinvestiti tiġi differita, dment li l-proprjetà immobbli tkun ġiet attribwita għall-assi fissi ta' stabbiliment permanenti domestiku (Betriebsstätte in Deutschland) għal perjodu kontinwu ta' mill-inqas 6 snin. Il-korporazzjonijiet stabbiliti fil-Ġermanja, anke mingħajr attività kummerċjali f'dan il-pajjiż, jitqiesu li għandhom tali stabbiliment permanenti fis-sede ta' ġestjoni tagħhom (jiġifieri fil-Ġermanja). Il-korporazzjonijiet komparabbli stabbiliti fi Stati Membri oħra tal-UE/taż-ŻEE jitqiesu li ma għandhomx tali stabbilimenti permanenti fil-Ġermanja. Għalhekk, il-Ġermanja tirrifjuta li tipprovdilhom differiment tat-taxxa fuq il-gwadanji kapitali mit-trasferiment tal-proprjetà immobbli Ġermaniża li jiġu riinvestiti. B'konsegwenza ta' dan, il-Ġermanja tikser il-moviment liberu tal-kapital. Il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Ġermanja f'Novembru 2019 u involviet ruħha fi skambji tekniċi ulterjuri mal-awtoritajiet Ġermaniżi. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata, l-isforzi tal-awtoritajiet ma kinux biżżejjed, u għalhekk qiegħda tressaq lill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa

 

5. Mobbiltà u Trasport

(Għal aktar informazzjoni: Adalbert Jahnz – Tel.: +32 229 53156, Anna Wartberger – Tel.: +32 2 298 20 54)

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-SLOVAKKJA twettaq spezzjonijiet mandatorji tal-mini tat-toroq fin-network TEN-T
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovakkja (INFR(2024)4000) talli naqset milli tissodisfa l-obbligu tagħha li tispezzjona regolarment il-mini tat-toroq mibnija fin-network trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T). Id-Direttiva 2004/54/KE tirrikjedi li l-Istati Membri jwettqu spezzjonijiet regolari tal-mini tat-toroq fuq in-network Ewropew tat-trasport li jkunu itwal minn 500 metru, mill-inqas kull 6 snin. Dan għandu l-għan li jiggarantixxi s-sikurezza, jipprevjeni l-aċċidenti u jtaffi l-konsegwenzi ta' kwalunkwe inċident li jista' jseħħ. In-nuqqas ta' spezzjoni regolari tal-mini tat-triq jesponi lill-utenti għal riskji potenzjali. Għalhekk, il-Kummissjoni qed tibgħat opinjoni motivata lis-Slovakkja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

 

6. Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(Għal aktar informazzjoni: Francesca Dalboni – Tel.: +32 229 88170, Marta Perez-Cejuela Romero Tel.: +32 2 296 37 70)

Opinjonijiet motivati

Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-BULGARIJA, lil SPANJA, lil-LATVJA, lil MALTA, lill-PORTUGALL u lir-RUMANIJA jittrasponu bis-sħiħ id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Bulgarija (INFR(2024)0012), lil Spanja (INFR(2024)0046), lil-Latvja (INFR(2024)0091), lil Malta (INFR(2024)0097), lill-Portugall (INFR(2024)0116) u lir-Rumanija (INFR(2024)0124) talli naqsu milli jinnotifikaw lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva emendata dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur (id-Direttiva (UE) 2021/2118 li temenda d-Direttiva 2009/103/KE) fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva dwar l-Assigurazzjoni tal-Vetturi bil-Mutur għandha l-għan li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-vittmi tal-inċidenti tat-traffiku madwar l-UE. Għal dan l-għan, id-Direttiva emendata tiċċara l-iskop ta' dik il-protezzjoni, tiffaċilita l-verifiki fuq l-assigurazzjoni obbligatorja tal-vetturi bil-mutur u tistabbilixxi mekkaniżmu biex tikkumpensa lill-vittmi f'każ li l-assiguratur responsabbli jsir insolventi. Tiffaċilita wkoll il-bidla minn assiguratur għal ieħor għad-detenturi ta' polza billi tiżgura trattament ugwali u mhux diskriminatorju tad-dikjarazzjonijiet tal-pretensjonijiet preċedenti. L-iskadenza għat-traspożizzjoni tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali kienet it-23 ta' Diċembru 2023. Fil-25 ta' Jannar 2024, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati talli ma informawx lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni sħiħa tagħha. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni issa ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati għall-Bulgarija, għal Spanja, għal-Latvja, għal Malta, għall-Portugall u għar-Rumanija. Dawn issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
14 Novembru 2024
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta