Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Stqarrija għall-istampa18 Jannar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta3 min qari

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida: l-applikazzjonijiet għall-premjijiet tal-2022 huma miftuħa

BAUHAUS

Illum qed niftħu l-applikazzjonijiet għall-Premjijiet tal-2022 tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Wara s-suċċess tal-ewwel Premjijiet li rċevew aktar minn elfejn applikazzjoni s-sena l-oħra, l-edizzjoni tal-2022 se tiċċelebra eżempji ta' ispirazzjoni ġodda tat-trasformazzjonijiet li din l-inizjattiva hija fil-ħsieb li ġġib fil-ħajjiet tagħna ta' kuljum, fl-ispazji fejn ngħixu, u fl-esperjenzi tagħna. Bħal fl-ewwel edizzjoni, il-Premjijiet tal-2022 tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida se jippremjaw l-ideat tal-talenti żgħażagħ kif ukoll proġetti eżistenti għas-sostenibbiltà, l-inklużività, u l-estetika, biex b'hekk il-Patt Ekoloġiku Ewropew jitqarreb lejn in-nies u lejn il-komunitajiet lokali.

Il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, Mariya Gabriel, qalet: “Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tissejjes fuq il-kultura, l-edukazzjoni, ix-xjenza, u l-innovazzjoni tal-Ewropa, biex il-wegħda tal-Patt Ekoloġiku Ewropew tissarraf f'titjib fil-ħajja tagħna ta' kuljum. Ninsab ħerqana li nara l-aqwa tal-kreattività Ewropea tieħu l-ħajja fl-applikazzjonijiet ta' din is-sena”.

Il-Kummissarju għall-Koeżjoni u r-Riformi, Elisa Ferreira, qalet: “Issa aktar minn qatt qabel, neħtieġu ideat sostenibbli u innovattivi biex nittrasformaw il-mod li bih ngħixu u naħdmu, filwaqt li ma nħallu lil ħadd jaqta' lura. Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida tippremja lill-kunċetti li huma l-aqwa, l-aktar kuraġġużi u l-aktar intelliġenti fejn jidħol it-titjib tar-reġjuni u l-ibliet tagħna, b'mod li jirrispetta kemm lin-nies kif ukoll lill-pjaneta. Il-politika ta' koeżjoni se tkompli tgħin biex dawn l-ideat ġodda jinbidlu f'realtà fir-reġjuni Ewropej, għall-benefiċċju tal-komunitajiet tagħna kollha”.

Il-Premjijiet se jingħataw lil proġetti u ideat li jikkontribwixxu għal postijiet sbieħ, sostenibbli, u inklużivi, f'erba' kategoriji:

  • il-konnessjoni mill-ġdid man-natura;
  • kisba mill-ġdid ta' sens ta' appartenenza;
  • il-prijoritizzazzjoni tal-postijiet u tan-nies li l-aktar għandhom bżonnha;
  • it-trawwim ta' mentalità fit-tul u integrata li tqis iċ-ċiklu tal-ħajja fl-ekosistema industrijali.

Il-kategoriji huma riflessjoni tal-erba' assi tematiċi tat-trasformazzjoni tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida. Dawn ġew identifikati waqt il-fażi ta' kodisinn tal-inizjattiva, li fiha ħadu sehem eluf ta' nies u organizzazzjonijiet li kkontribwew il-perspettivi u l-esperjenzi tagħhom. L-entrati se jiġu vvalutati b'referenza għat-tliet valuri fundamentali tal-inizjattiva: is-sostenibbiltà, l-estetika, u l-inklużjoni. Applikanti kemm mill-Istati Membri kollha kif ukoll minn madwar id-dinja huma mħeġġa japplikaw, sakemm il-proġetti jew l-ideat tagħhom jinsabu fl-Unjoni Ewropea.

F'kull waħda mill-kategoriji, hemm żewġ linji paralleli ta' kompetizzjoni:

  • Il-”Premjijiet tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida” - għal eżempji eżistenti mwettqa fl-aħħar sentejn; kif ukoll
  • L-”Istilel Promettenti tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida” - għal kunċetti jew ideat imressqa minn kreaturi żgħażagħ ta' taħt it-30 sena.

Flimkien mas-16-il Premju mogħtija mill-ġurija (l-ewwel u t-tieni post għal kull kategorija u għal kull linja), żewġ Premjijiet oħra se jintgħażlu bil-vot pubbliku minn fost l-entrati li jiġu minn ta' quddiem. B'kollox, 18-il rebbieħ se jingħataw rigal fi flus li jlaħħaq sa €30,000, kif ukoll pakkett ta' komunikazzjoni li għandu jgħinhom jiżviluppaw aktar u jippromwovu l-inizjattivi tagħhom.

L-applikazzjonijiet huma miftuħa sat-28 ta' Frar 2022 fis-19:00 CET. Jintlaqgħu applikazzjonijiet minn persuni ta' kull nazzjonalità u kull sfond, sakemm il-kunċetti, l-ideat, u l-proġetti tagħhom huma żviluppati inkella jinsabu fiżikament fl-UE.

Kuntest

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida hija proġett ambjentali, ekonomiku u kulturali, li għandu l-għan li jgħaqqad id-disinn, is-sostenibbiltà, l-aċċessibbiltà, l-affordabbiltà u l-investiment, sabiex jgħin biex jitwettaq il-Patt Ekoloġiku Ewropew.

Il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida, li tnediet mill-President von der Leyen fid-diskors tagħha tal-Istat tal-Unjoni tal-2020, kienet kodisinjata flimkien ma' eluf ta' nies u organizzazzjonijiet minn madwar l-Ewropa u lil hinn minnha.

F'Settembru 2021, l-inizjattiva mxiet mill-kodisinn għat-twettiq permezz ta' Komunikazzjoni tal-Kummissjoni li stabbilit azzjonijiet ta' politika u finanzjament biex din l-inizjattiva ssir realtà.

Aktar Informazzjoni

Mistoqsijiet u Tweġibiet

Sit web tal-Premjijiet

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-Bauhaus Ewropea l-Ġdida

Il-Kummissjoni Ewropea tħabbar ir-rebbieħa tal-Premju tal-Bauhaus Ewropea l-Ġdida (2021) 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Jannar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta