Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet16 Ġunju 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta2 min qari

L-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025 u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030.

Meeting

Illum, il-Kummissarju Dalli ltaqgħet ma’ Corinne Cahen, il-Ministru tal-Lussemburgu għall-Affarijiet tal-Familja u l-Integrazzjoni u għar-Reġjun il-Kbir. Huma ddiskutew l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ 2020–2025 u l-Istrateġija dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità 2021-2030. 

Il-Kummissarju Dalli qalet, “Nirringrazzja lil-Lussemburgu għar-rieda tiegħu li javvanza l-ugwaljanza tal-LGBTIQ u l-ugwaljanza għall-persuni b’diżabilità. L-ugwaljanza teħtieġ li kulħadd ikun involut. Il-Linji Gwida reċenti dwar l-LGBTIQ tħejjew u ġew approvati mill-esperti tal-istati membri, f’kooperazzjoni u konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, l-OECD u l-Kunsill tal-Ewropa. Dawn huma stadju importanti fil-protezzjoni tad-drittijiet tal-persuni LGBTIQ fl-UE u lil hinn minnha. L-inizjattivi li għandna ġejjin taħt l-Istrateġija tal-UE dwar id-Diżabilità, li jinkludu AccessibleEU; il-Karta Ewropea tad-Diżabilità; u l-Pakkett dwar l-Impjiegi għall-Persuni b’Diżabilità wkoll se jkunu jeħtieġu sħubija b’saħħitha bejn l-UE, l-Istati Membri u s-soċjetà ċivili.” 

Fil-laqgħa tal-Kunsill Impjiegi u Politika Soċjali (EPSCO), il-Kummissarju Dalli rringrazzjat lill-Ministri, b’mod partikolari lill-Presidenza Franċiża, għall-kooperazzjoni tagħhom biex jintlaħaq il-qbil politiku rigward id-Direttiva dwar il-Bilanċ bejn il-Ġeneri fil-Bordijiet Korporattivi. Il-Kummissarju Dalli ħeġġet ukoll li jsir progress malajr fuq id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi, li tibni fuq il-pożizzjonijiet komuni tal-Kunsill u tal-Parlament Ewropew, biex jiġi żgurat li n-nisa u l-irġiel fl-UE jkollhom paga ugwali għal xogħol ugwali. Prijorità oħra għall-Kummissarju Dalli matul ix-xhur li ġejjin hija l-proposta għal Direttiva dwar it-Trattament Indaqs, li għaliha l-Kummissarju wkoll ħeġġet li jkun hemm approċċ kostruttiv u appoġġ biex ikun hemm adozzjoni rapida tad-Direttiva. 

Il-Kummissarju Dalli qalet, “It-titjib tal-bilanċ bejn il-ġeneri fil-bordijiet korporattivi jimmarka l-bidu ta’ kapitlu ġdid fit-tmexxija ugwali fl-Unjoni Ewropea. It-talent u l-ħila m’għandhomx ġeneru, u l-ħiliet ta’ tmexxija u l-viżjoni tan-nisa huma importanti. Kellna bżonn il-leġiżlazzjoni biex nixprunaw bidla fl-ugwaljanza. Issa rridu nagħmlu progress malajr fuq id-Direttiva dwar it-Trasparenza fil-Pagi: il-prinċipju ta’ paga ugwali ġie introdott aktar minn 60 sena ilu. Ma nistgħux noqogħdu nitlajjaw biex nindirizzaw il-preġudizzji tal-ġeneru bejn il-ħaddiema nisa u rġiel li jagħmlu l-istess xogħol jew xogħol kumparabbli. 

Il-Kummissarju Dalli għamlet aġġornament dwar l-Implimentazzjoni tal-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ u ferħet lill-Istati Membri għall-adozzjoni tal-Linji Gwida għal Strateġiji u Pjanijiet ta’ Azzjoni biex titjieb l-Ugwaljanza tal-LGBTIQ f’April. Finalment, il-Kummissarju tkellmet fid-dibattitu ta’ orjentazzjoni dwar is-sitwazzjoni tal-impjiegi ta’ persuni b’diżabilità. Aspett ewlieni li l-Kummissarju enfasizzat kien l-impenn tal-Kummissjoni li tippreżenta Pakkett dwar l-Impjiegi għall-persuni b’Diżabilità fl-2022, bħala waħda mis-seba’ inizjattivi ewlenin deskritti fl-Istrateġija għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità. Tista’ tara l-konferenza stampa sħiħa fuq l-EbS.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
16 Ġunju 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta