Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet18 Mejju 20213 min qari

Lara Calleja l-kittieba Maltija rebbieħa tal- edizzjoni 2021 tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura

screenshot_2021-05-18_at_14.34.18_0.png
© EU
Ir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta ferħet lil Lara Calleja talli rebħet iċ-ċiklu 2021 tal-Premju Ewropew għal-Letteratura għal Malta bl-antoloġija ta' novelli Kissirtu Kullimkien (Merlin 2020). Lara Calleja hija wkoll l-ewwel mara Maltija li rebħet dan il-premju prestiġjuż.

 

mt_-_lara_calleja_c_lindsey_bahia.jpg
© EU

 

Calleja tindirizza l-ġenn tal-kostruzzjoni mhux imrażżna fuq il-gżira, li minn għajn in-narratriċi jitqies bħala attakk fuq ir-ruħ. Madankollu, minn dan iċ-ċiklu ta’ kostruzzjoni u qerda, jistgħu jinbtu l- ħbiberiji, u dawn l-istejjer ifittxu t-tama fost it-trab, il-kalma fost it-tkissir, u ċ-ċans ta’ bidla fost kruha li taqtagħlek nifsek.

L-għan tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura (EUPL) huwa li jixħet dawl fuq il-kreattività u r-rikkezza diversa tal-letteratura kontemporanja tal-Ewropa fil-qasam tal-finzjoni narrattiva, li jippromwovi ċ-ċirkolazzjoni tal-letteratura fl-Ewropa u li jħeġġeġ interess akbar f’xogħlijiet letterarji mhux nazzjonali.

Ix-xogħlijiet tar-rebbieħa magħżula (wieħed għal kull pajjiż li jipparteċipa fil-Premju fuq bażi ta’ rotazzjoni) se jilħqu udjenza usa’ u internazzjonali, u jmissu lill-qarrejja lil hinn mill-fruntieri nazzjonali u lingwistiċi.

Il-premju huwa ffinanzjat mill-programm Ewropa Kreattiva tal-Kummissjoni Ewropea, li għandu l- għan li jikseb tliet għanijiet ewlenin: li tiġi promossa l-mobilità transkonfinali ta’ dawk li jaħdmu fis-settur kulturali; li tiġi inkoraġġuta ċ-ċirkolazzjoni tranżnazzjonali tal-prodotti kulturali u artistiċi; u biex jitrawwem id-djalogu interkulturali.

Il-konsorzju, magħżul mill-Kummissjoni Ewropea biex jikkoordina l-inizjattiva, huwa magħmul mill- Federazzjoni Ewropea u Internazzjonali tal-Bejjiegħa tal-Kotba (EIBF), il-Kunsill Ewropew tal- Kittieba (EWC) u l-Federazzjoni tal-Pubblikaturi Ewropej (FEP). Dawn it-tliet membri huma responsabbli b’mod konġunt għat-twaqqif tal-ġuriji nazzjonali u għall-organizzazzjoni prattika taċ- ċerimonja tal-premjazzjoni.

Il-kompetizzjoni tal-Premju hija miftuħa għall-41 pajjiż li bħalissa huma involuti fil-programm Ewropa Kreattiva. Kull sena, ġuriji nazzjonali f’terz tal-pajjiżi parteċipanti jinnominaw l-awturi rebbieħa tagħhom, li jagħmilha possibbli għall-pajjiżi u ż-żoni lingwistiċi kollha li jkunu rappreżentati fuq ċiklu ta’ tliet snin. Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, stqarret: “Il-Premju Ewropew għal-Letteratura jiċċelebra l- kreattività u d-diversità inkredibbli tax-xena letterarja Ewropea kontemporanja. Wara sena tal-

pandemija, il-valur enormi tal-letteratura huwa evidenti aktar minn qatt qabel: Iva, il-kotba huma essenzjali għall-Ewropa u għall-Ewropej. Nifirħu lir-rebbieħa kollha!”

Elena Grech, Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta rrimarkat li dan il-Premju jiċċelebra t-talent letterarju Malti u l-bżulija tal-ħaddiema fis-suq diffiċli tal-kotba. “Dan il-Premju huwa nifs vitali għall-industrija tal-kotba Maltija li ħadet daqqa hija wkoll matul il-pandemija. Il- Premju Ewropew għal-Letteratura huwa pjattaforma indispensabbli għall-kittieba emerġenti, speċjalment għal-letteratura ta’ pajjiżi iżgħar, u joffri immedjatament il-possibbiltà għat- traduzzjoni, il-pubblikazzjoni u n-netwerking, sabiex il-ħidma letterarja tibda tmur lil hinn minn xtutna. Nifirħu bil-qalb lil Lara Calleja għall-kisba importanti tagħha.”

Il-Premju Ewropew għal-Letteratura jingħata kull sena lil għaxar awturi minn 41 pajjiż li jipparteċipaw fil-programm Ewropa Kreattiva. Ir-rebbieħa ta’ din is-sena ntgħażlu minn 13-il ġurija nazzjonali, magħmula minn awturi, pubblikaturi u bejjiegħa tal-kotba. Antoloġija tal-kitba tar- rebbieħa tiġi ppubblikata kull sena, b’siltiet mill-kotba rebbieħa tagħhom bil-lingwa oriġinali, u bit-traduzzjoni Franċiża u Ingliża.

Għal aktar informazzjoni, jekk jogħġbok ikkuntattja lir-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta fuq comm-rep-mtatec [dot] europa [dot] eu

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Mejju 2021