
Ħarsa ġenerali skont il-qasam ta' politika
Fil-pakkett regolari tagħha tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni legali kontra l-Istati Membri li jonqsu milli jikkonformaw mal-obbligi tagħhom skont id-dritt tal-UE. Dawn id-deċiżjonijiet, li jkopru diversi oqsma ta' politika tal-UE, għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni kif suppost tad-dritt tal-UE għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tan-negozji.
Id-deċiżjonijiet ewlenin li ħadet il-Kummissjoni qegħdin jiġu ppreżentati hawn taħt, skont il-qasam ta' politika.
Il-Kummissjoni qiegħda tagħlaq ukoll 48 każ peress li l-Istati Membri kkonċernati solvew il-kwistjonijiet. F'dawn il-każijiet, il-Kummissjoni m'għandhiex għalfejn tkompli bil-proċedura ta' ksur. Fil-ħarsa ġenerali tal-lum hija disponibbli selezzjoni ta' każijiet magħluqa.
L-attivitajiet ta' infurzar tal-Kummissjoni u l-konformità tal-Istati Membri mad-dritt tal-UE jistgħu jiġu segwiti permezz ta' mapep interattivi u graffs li jistgħu jiġu adattati. Għal aktar dettalji dwar il-kronoloġija ta' każ jew biex taċċessa l-bażi tad-data sħiħa tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur, ir-reġistru tad-deċiżjonijiet dwar il-ksur huwa miftuħ għall-konsultazzjoni. U aktar informazzjoni dwar il-proċedura ta' ksur tal-UE tinsab f'dawn il-mistoqsijiet u t-tweġibiet.
1. Ambjent
(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Maëlys Dreux – Tel.: +32 229 54673)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Finlandja biex tittrasponi d-Direttiva Qafas dwar l-Iskart b'mod korrett
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Finlandja (INFR(2026)2093) talli naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE kif emendata bid-Direttiva 2018/851/UE), li għandha l-għan li tipprevjeni jew tnaqqas il-ġenerazzjoni tal-iskart. Id-Direttiva emendata tistabbilixxi l-miri vinkolanti għar-riċiklaġġ u t-tħejjija tal-iskart muniċipali għall-użu mill-ġdid. Tintroduċi wkoll ir-rekwiżiti biex l-Istati Membri jtejbu s-sistemi tal-ġestjoni tal-iskart tagħhom u l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi. Dawn ir-rekwiżiti huma kruċjali għall-kompetittività tal-UE u għat-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari. L-iskadenza biex l-Istati Membri jittrasponu d-Direttiva emendata fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom kienet il-5 ta' Lulju 2020. Il-Finlandja naqset milli tittrasponi b'mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva emendata. Dan jikkonċerna, fost l-oħrajn, id-dispożizzjonijiet dwar il-kamp ta' applikazzjoni tal-iskart muniċipali, dwar id-definizzjoni tal-irkupru tal-materjal, dwar l-immaniġġjar ta' skart perikoluż, u dwar il-kundizzjonijiet għad-deroga mill-obbligu li jiġi żgurat il-ġbir separat. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Finlandja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lil Franza biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-ġbir u t-trattament tal-ilma urban mormi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Franza (INFR(2026)2102) talli naqset milli tikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva dwar it-trattament tal-ilma urban mormi (id-Direttiva tal-Kunsill 91/271/KEE). It-trattament effettiv tal-ilma urban mormi jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma. L-ilma mormi mhux trattat jista' jkun ta' riskju għas-saħħa tal-bniedem u jniġġes il-lagi, ix-xmajjar, il-ħamrija, l-ilmijiet kostali u l-ilma tal-pjan, inkluż żoni għall-ġbir tal-ilma tax-xorb. Għalhekk, id-Direttiva teżiġi li l-Istati Membri jiġbru u jittrattaw l-ilma urban mormi tagħhom għall-agglomerazzjonijiet kollha ta' 2,000 persuna jew aktar qabel jiġi skarikat fl-ambjent. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-iskariki mill-impjanti tat-trattament tal-ilma urban mormi jibqgħu konformi mad-Direttiva. L-analiżi tal-Kummissjoni tal-aktar data riċenti rrapportata minn Franza wriet li 518-il agglomerazzjoni ma jikkonformawx mad-Direttiva. F'erba' agglomerazzjonijiet, jinġabar biss sehem żgħir tal-ilma urban mormi, u barra minn hekk, l-ilma urban mormi mhux miġbur jiġi skarikat kif ikun f'żoni sensittivi. F'416-il agglomerazzjoni, Franza tonqos milli tiżgura li l-ilma urban mormi miġbur ikun soġġett għal trattament sekondarju qabel jiġi skarikat fl-ambjent. Fi 98 agglomerazzjoni, Franza tonqos milli tiggarantixxi li l-ilma urban mormi miġbur ikun soġġett għal trattament aktar strett qabel ma jiġi skarikat f'żoni sensittivi, biex b'hekk jitneħħielu l-fosforu u/jew in-nitroġenu. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja u lil Malta biex jiżguraw rieżami perjodiku tal-permessi tal-ilma
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2026)2099) u lil Malta (INFR(2026)2115) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett l-obbligu li jwettqu rieżamijiet perjodiċi tal-permessi tal-ilma skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (id-Direttiva 2000/60/KE). L-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards tal-kwalità tal-ilma tal-UE hija kruċjali għall-protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent. Id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu programm ta' miżuri għal kull distrett tal-baċin tax-xmara biex jiżguraw li l-korpi tal-ilma Ewropej, bħax-xmajjar u l-lagi, ikunu fi stat tajjeb. Kull programm irid jinkludi miżuri għall-kontroll tat-tipi differenti ta' pressjonijiet li jaffettwaw il-korpi tal-ilma, bħall-estrazzjoni tal-ilma, l-iskariki minn sors lokalizzat, u t-tniġġis minn sorsi diffużi. L-Istati Membri huma meħtieġa jirrieżaminaw u jaġġornaw dawn il-miżuri ta' kontroll perjodikament, inkluż kull permess mogħti, biex jiddeterminaw jekk għadhomx jilħqu l-objettivi tagħhom, kif ukoll jaġġornawhom. Id-dritt Spanjol jeżiġi rieżamijiet biss f'sitwazzjonijiet fejn ikun hemm data ġdida, pjanijiet/strateġiji rilevanti, rekwiżit ġdid, jew bidla mid-detentur tal-permess. Id-deċiżjoni dwar jekk għandux jitwettaq ir-rieżami obbligatorju hija fid-diskrezzjoni tal-awtoritajiet. Malta naqset milli tistabbilixxi rekwiżit ta' reġistrazzjoni għall-estrazzjoni tal-ilma tal-wiċċ u reġim ta' awtorizzazzjoni minn qabel biex tikkontrolla l-estrazzjoni tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma tal-pjan. Barra minn hekk, id-dritt Malti ma jiżgurax rieżami perjodiku tal-kontrolli fuq l-estrazzjoni tal-ilma tal-wiċċ u tal-ilma tal-pjan b'impatt sinifikanti fuq il-korpi tal-ilma. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Malta u lil Spanja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati.
Il-Kummissjoni tappella lil-Latvja, lil-Litwanja, lill-Ungerija u lis-Slovakkja biex jittrasponu d-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb b'mod korrett
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil-Latvja (INFR(2026)2100), lil-Litwanja (INFR(2026)2055), lill-Ungerija (INFR(2026)2095) u lis-Slovakkja (INFR(2026)2103) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb (id-Direttiva (UE) 2020/2184). Kif sottolinjat fl-Istrateġija għar-Reżiljenza tal-Ilma, l-implimentazzjoni sħiħa tar-rekwiżiti dwar il-kwalità tal-ilma tal-UE hija kruċjali għall-protezzjoni ta' saħħet il-bniedem u tal-ambjent. Ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb għandha l-għan li tipproteġi s-saħħa tal-bniedem billi tipprovdi ilma tal-vit iktar nadif, taġġorna l-istandards tal-kwalità tal-ilma, u tindirizza s-sustanzi niġġiesa ta' tħassib, bħall-interferenti endokrinali u l-mikroplastiċi. L-Istati Membri kellhom sat-12 ta' Jannar 2023 biex jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali u jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet tagħha. Il-Latvja naqset milli tittrasponi b'mod korrett diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva, fosthom id-dispożizzjonijiet relatati mal-punti fejn il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva trid tiġi vverifikata; l-obbligu li tiġi żgurata valutazzjoni tar-riskju tas-sistemi ta' distribuzzjoni domestika biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-ilma tax-xorb; ir-rekwiżiti minimi marbuta mal-iġjene għall-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ilma tax-xorb u l-azzjoni rimedjali u r-restrizzjonijiet fl-użu tal-ilma tax-xorb fejn jiġu identifikati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem. Il-Litwanja ttrasponiet diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva b'mod skorrett. Dawn jinkludu l-eżenzjonijiet relatati mal-bastimenti marittimi li jiddesalinaw l-ilma, li jġorru l-passiġġieri u li jaġixxu bħala fornituri tal-ilma; il-punti fejn il-konformità mar-rekwiżiti tad-Direttiva trid tiġi vverifikata; il-valutazzjoni tar-riskju u l-ġestjoni taż-żoni tal-ġbir tal-ilma użati għall-punti tal-estrazzjoni għall-ilma tax-xorb; ir-rekwiżiti minimi marbuta mal-iġjene stabbiliti għall-materjali li jiġu f'kuntatt mal-ilma tax-xorb; l-azzjoni rimedjali meħtieġa u r-restrizzjoni fuq l-użu tal-ilma tax-xorb fejn jiġu identifikati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem; l-aċċess pubbliku għall-informazzjoni; l-informazzjoni dwar il-monitoraġġ tal-metodi ta' implimentazzjoni u ta' monitoraġġ. Fl-Ungerija, it-tħassib identifikat dwar it-traspożizzjoni jista' jwassal għal rekwiżiti minimi skorretti għall-ilma tax-xorb; nuqqas ta' konformità ma' ċerti valuri parametriċi, bħal dawk għall-akrilammid; investigazzjoni mhux kompluta meta l-valuri parametriċi ma jintlaħqux; nuqqas ta' rieżami ta' derogi possibbli skont id-Direttiva jew informazzjoni mhux kompluta dwar il-miżuri meħuda fir-rigward tar-riskju taċ-ċomb. Is-Slovakkja ttrasponiet diversi dispożizzjonijiet tad-Direttiva b'mod skorrett. Dan jikkonċerna, b'mod partikolari, il-protezzjoni u t-trattament ta' informazzjoni sensittiva relatata mal-provvista tal-ilma tax-xorb; l-obbligi ta' monitoraġġ u l-programmi ta' monitoraġġ abbażi tar-riskju; kif ukoll ir-rekwiżiti li jikkonċernaw l-adozzjoni f'waqtha tal-miżuri rimedjali fejn jiġu identifikati r-riskji għas-saħħa tal-bniedem. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil-Latvja, lil-Litwanja, lill-Ungerija u lis-Slovakkja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati.
Ittri ta' intimazzjoni u opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni Ewropea tappella lil 12-il Stat Membru biex jissodisfaw il-miri għar-riċiklaġġ tal-iskart
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR(2026)2137), lill-Greċja (INFR(2026)2138), u lil Ċipru (INFR(2026)2139), u li tibgħat opinjoni motivata lill-Bulgarija (INFR(2024)2128), liċ-Ċekja (INFR(2024)2137), lill-Greċja (INFR(2024)2132), lil Spanja (INFR(2024)2147), lill-Kroazja (INFR(2024)2133), lil Ċipru (INFR(2024)2131), lill-Ungerija (INFR(2024)2134), lil Malta (INFR(2024)2135), lill-Polonja (INFR(2024)2126), lill-Portugall (INFR(2024)2145) u lir-Rumanija (INFR(2024)2136) talli naqsu milli jissodisfaw diversi miri għar-riċiklaġġ tal-iskart, abbażi tal-aktar data riċenti disponibbli rrapportata mill-Istati Membri. Id-deċiżjoni hija parti mill-isforzi ta' infurzar tal-Kummissjoni biex jitneħħew l-ostakli fis-suq uniku fi 11-il qasam ta' prijorità, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni “Ġabra ta' Regoli tal-UE Aktar Sempliċi, Aktar Ċari u Infurzati Aħjar”. Id-Direttiva Qafas dwar l-Iskart (id-Direttiva 2008/98/KE dwar l-iskart kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/851) tistabbilixxi miri legalment vinkolanti għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u għar-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali. Il-Bulgarija, iċ-Ċekja, il-Ġermanja, il-Greċja, Spanja, il-Kroazja, Ċipru, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, il-Portugall u r-Rumanija naqsu milli jissodisfaw il-mira ta' 50 % għat-tħejjija għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ tal-iskart muniċipali (bħall-karta, il-metall, il-plastik u l-ħġieġ) li kellha tibda tintlaħaq sal-2020. B'mod parallel, id-Direttiva dwar l-Imballaġġ u l-Iskart mill-Imballaġġ (id-Direttiva 94/62/KE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/852) tapplika għall-imballaġġ kollu distribwit fis-suq Ewropew u għal kwalunkwe skart mill-imballaġġ li jirriżulta. Sal-31 ta' Diċembru 2008, kienet teħtieġ li bejn 55 % u 80 % tal-iskart kollu mill-imballaġġ jiġi rriċiklat. L-għanijiet ta' riċiklaġġ stabbiliti għal diversi materjali jinkludu 60 % għall-ħġieġ, 60 % għall-karti u l-kartun, 50 % għall-metalli, 22.5 % għall-plastik, u 15 % għall-injam. Seba' Stati Membri naqsu milli jissodisfawx diversi miri għall-2020, l-2021, l-2022 u l-2023: il-Kroazja ma ssodisfatx il-miri għall-imballaġġ totali, għall-ħġieġ u għall-metalli; Ċipru u l-Portugall ma laħqux il-mira għall-ħġieġ; il-Greċja, ir-Rumanija u l-Ungerija ma ssodisfawx il-miri għall-imballaġġ u l-ħġieġ totali; u Malta ma ssodisfatx il-miri għall-imballaġġ totali, għall-karti u l-kartun, u għall-metalli. Il-kisba ta' dawn il-miri hija essenzjali biex jitrawwem is-suq uniku għall-materja prima sekondarja u biex tissaħħaħ iċ-ċirkolarità. Din se tikkontribwixxi għat-tnaqqis tad-dipendenza tal-UE fuq il-pajjiżi terzi u għat-trawwim tal-kompetittività tagħha. Iż-żieda fl-użu mill-ġdid u fir-riċiklaġġ timminimizza wkoll il-kwantitajiet tal-iskart iġġenerat u tnaqqas ir-rimi fil-landfills, filwaqt li tkompli tappoġġa l-effiċjenza fir-riżorsi, iċ-ċirkolarità u l-awtonomija strateġika fl-UE. L-Istati Membri jeħtieġ jagħtu spinta lill-isforzi ta' implimentazzjoni tagħhom biex jissodisfaw l-obbligi msemmija hawn fuq, anke fid-dawl taż-żieda fil-miri li japplikaw mill-2025, l-2030 u l-2035 rispettivament. Abbażi ta' data ġdida li tindika n-nuqqas ta' lħuq tal-miri għall-iskart, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibda proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, lill-Greċja u lil Ċipru li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni diġà ħarġet ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lill-Greċja, lil Spanja, lill-Kroazja, lil Ċipru, lill-Ungerija, lil Malta, lill-Polonja, lill-Portugall u lir-Rumanija f'Lulju 2024. Peress li l-miri kkonċernati għadhom mhumiex jintlaħqu, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil dawk il-pajjiżi, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja biex tissottometti r-rapport dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri meħuda skont id-Direttiva dwar il-Ħabitats għall-perjodu ta' rapportar 2019 – 2024
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Spanja (INFR(2025)2214) talli naqset milli tikkonforma mal-obbligi ta' rapportar tad-Direttiva dwar il-Ħabitats (id-Direttiva 92/43/KEE). Id-Direttiva teħtieġ li l-Istati Membri jissottomettu rapport ta' implimentazzjoni lill-Kummissjoni kull 6 snin f'format miftiehem. Dan ir-rapport jipprovdi valutazzjoni tal-istatus ta' konservazzjoni tal-ħabitats u tal-ispeċijiet koperti mid-Direttiva dwar il-Ħabitats, abbażi tal-istatus u tax-xejriet tal-popolazzjonijiet u tal-ħabitats, kif ukoll tal-pressjonijiet u t-theddidiet ewlenin li jaffettwawhom. Ir-rapport jgħin fl-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar in-natura li tidentifika l-aktar ħtiġijiet urġenti ta' restawr filwaqt li jikkontribwixxi wkoll għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika. L-iskadenza għaċ-ċiklu ta' rapportar 2019 – 2024 kienet il-31 ta' Lulju 2025. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja fit-30 ta' Jannar 2026. Illum, il-Kummissjoni qiegħda tagħti segwitu b'opinjoni motivata lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tappella lis-Slovakkja biex tikkonforma mad-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovakkja (INFR(2025)2008) talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva dwar il-plastik li jintuża darba biss (id-Direttiva (UE) 2019/904) b'mod korrett. L-għan tad-Direttiva huwa li tipprevjeni u tnaqqas l-impatt ta' ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent u fuq is-saħħa tal-bniedem, kif ukoll li tippromwovi t-tranżizzjoni lejn ekonomija ċirkolari b'mudelli tan-negozju, prodotti u materjali innovattivi u sostenibbli. Is-Slovakkja ttrasponiet ċerti dispożizzjonijiet tad-Direttiva b'mod skorrett. Skont id-Direttiva, l-Istati Membri għandhom jintroduċu skemi ta' responsabbiltà estiża tal-produttur biex ikopru l-kostijiet meħtieġa tal-ġestjoni tal-iskart u tat-tindif tal-iskart mormi bl-addoċċ kif ukoll il-kostijiet ta' miżuri ta' sensibilizzazzjoni għall-prevenzjoni u t-tnaqqis ta' tali skart mormi bl-addoċċ. Id-dritt Slovakk ma jittrasponix l-aspetti kollha ta' dawn l-iskemi b'mod korrett. Pereżempju, il-produtturi tat-tabakk mhumiex obbligati jkopru l-kostijiet tal-ġbir tal-iskart. Barra minn hekk, il-produtturi ta' ċerti prodotti, bħall-kontenituri u t-tazzi tal-ikel u tax-xorb jew il-basktijiet tal-plastik ħfief, mhumiex obbligati jkopru l-kostijiet tat-trasport u tat-trattament tal-iskart mormi bl-addoċċ. Fl-aħħar nett, ir-regoli dwar il-kostijiet għat-tindif tal-iskart mormi bl-addoċċ mhumiex koperti mil-leġiżlazzjoni Slovakka. Il-Kummissjoni ħarġet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja f'Mejju 2025. Fit-tweġiba tagħha, is-Slovakkja intrabtet li tbiddel il-leġiżlazzjoni tagħha biex tikkoreġi t-traspożizzjoni. Madankollu, il-leġiżlazzjoni emendatorja għadha ma ġietx adottata. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lis-Slovakkja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
2. Sajd u affarijiet marittimi
(Għal aktar informazzjoni: Maciej Berestecki - Tel.: +32 2 296 64 83, Anna Wartberger – Tel.: +32 2 298 20 54)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Italja u lill-Portugall biex jikkonformaw mal-obbligi ta' kontroll tas-sajd
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Italja (INFR(2026)2152) u lill-Portugall (INFR(2026)2140) talli naqsu milli jissodisfaw l-obbligi tagħhom skont ir-Regolament dwar il-Kontroll tas-Sajd (ir-Regolament (KE) Nru 1224/2009). Iż-żewġ każijiet jikkonċernaw in-nuqqas ta' konformità mal-obbligi ta' kontroll tas-sajd biex jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet identifikati fis-sistemi nazzjonali tal-kontroll tas-sajd. Fl-Italja, għadd sinifikanti ta' azzjonijiet stabbiliti fil-pjan ta' azzjoni tagħha marbut mal-kontroll tas-sajd tal-2019 għadhom pendenti. Dan huwa relatat mal-validazzjoni tad-data, mas-sistemi elettroniċi ta' rapportar, mal-verifika tal-qawwa tal-magna u mal-monitoraġġ tan-noti tal-bejgħ. Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni qiegħda tieħu azzjoni legali kontra Stat Membru talli naqas milli jikkonforma mal-obbligi stabbiliti direttament fi pjan ta' azzjoni marbut mal-kontroll. Barra minn hekk, matul is-snin, l-Italja naqset b'mod konsistenti milli tipprovdi l-informazzjoni meħtieġa lill-Kummissjoni, u dan imur kontra l-prinċipju tal-kooperazzjoni leali. Skont ir-Regolament dwar il-Kontroll, sa Diċembru 2013 l-awtoritajiet tal-Portugall kienu meħtieġa jintroduċu sistema għall-kontroverifika, l-analiżi u l-verifika awtomatizzati tad-data dwar is-sajd, inkluż bażi tad-data elettronika għall-validazzjoni ta' din id-data. Madankollu, il-Portugall ripetutament dewwem l-iżvilupp ta' din is-sistema, u b'hekk kienet impossibbli li jiġu identifikati u investigati l-inkonsistenzi u l-erruri fid-data dwar il-kontroll tas-sajd. In-nuqqasijiet persistenti miż-żewġ Stati Membri li jikkonformaw mal-obbligi marbuta mal-kontroll tas-sajd tagħhom idgħajfu l-kundizzjonijiet ekwi fl-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni liż-żewġ Stati Membri. Issa, l-Italja u l-Portugall għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet persistenti li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati.
3. Suq Intern, Industrija, Intraprenditorija u SMEs
(Għal aktar informazzjoni: Siobhan McGarry – Tel.: +32 2 296 47 98; Rüya Perincek – Tel.: +32 460 76 25 10)
Ittri ta' intimazzjoni, ittra ta' intimazzjoni addizzjonali u opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tiftaħ proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri minħabba restrizzjonijiet fuq is-servizzi tal-installazzjoni u tal-kostruzzjoni relatati mal-enerġija
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tniedi proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2026)2104), liċ-Ċekja (INF (2026)2106), lil Spanja (INFR(2026)2107), lill-Kroazja (INFR(2026)2108), lil Ċipru (INFR (2026)2105), lil-Latvja (INFR(2026)2111), lil-Litwanja (INFR(2026)2110), lill-Ungerija (INFR(2026)2109), lill-Polonja (INFR(2026)2112), lir-Rumanija (INFR(2026)2113), u lis-Slovakkja (INFR(2026)2114) talli imponew skemi obbligatorji restrittivi ta' awtorizzazzjoni jew ta' ċertifikazzjoni għas-servizzi tal-installazzjoni u tal-kostruzzjoni relatati mal-enerġija. Diġà għaddejja proċedura ta' ksur kontra Franza (INFR(2024)2249) minħabba raġunijiet simili. Il-każijiet jindirizzaw l-ostakli għall-installazzjoni ta' tagħmir tal-enerġija rinnovabbli, li jinħolqu permezz ta' awtorizzazzjoni u rekwiżiti simili. Dawn ir-rekwiżiti jagħmluha diffiċli biex l-installaturi tat-tagħmir tal-enerġija rinnovabbli u l-fornituri tal-installazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika jaħdmu fl-UE. Miżuri inqas restrittivi, bħal kontrolli ex post, jistgħu jintużaw biex jiżguraw il-kwalità ta' tali servizzi tal-installazzjoni, aktar milli jirrestrinġu l-aċċess għas-suq billi jimponu skemi ta' ċertifikazzjoni obbligatorji jew rekwiżiti ta' reġistrazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat każijiet fil-Bulgarija, f'Ċipru, fl-Ungerija, fil-Latvja u fi Spanja, fejn l-Istati Membri jimponu rekwiżiti ta' attestazzjoni u reġistrazzjoni għall-kostruzzjoni saħansitra usa'. Tali dispożizzjonijiet nazzjonali li jobbligaw l-awtorizzazzjoni jew iċ-ċertifikazzjoni, u l-obbligi assoċjati tagħhom, jirriżultaw fil-frammentazzjoni tas-suq, jagħmlu l-aċċess għal dawn l-attivitajiet aktar diffiċli, u jirrestrinġu l-għażla għall-konsumaturi u d-disponibbiltà ta' dawn is-servizzi. Id-deċiżjonijiet huma parti mill-isforzi ta' infurzar tal-Kummissjoni biex jitneħħew l-ostakli fis-suq uniku fi 11-il qasam ta' prijorità, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni “Ġabra ta' Regoli tal-UE Aktar Sempliċi, Aktar Ċari u Infurzati Aħjar”. Din l-azzjoni tallinja mal-approċċ “Ewropa Waħda, Suq Wieħed” imħabbar mill-President tal-Kummissjoni Ursula von der Leyen u għandha l-għan li ttejjeb l-integrazzjoni tas-Suq Uniku fis-servizzi tal-kostruzzjoni u tal-installazzjoni relatati mat-tranżizzjoni ekoloġika. Il-Kummissjoni jidhrilha li dawn il-miżuri jiksru d-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE) billi jimponu rekwiżiti mhux ġustifikati fil-kuntest tal-istabbiliment u l-forniment transfruntier tas-servizzi. Barra minn hekk, fuq bażi sussidjarja, dawn jiksru l-prinċipju tal-proporzjonalità ggarantit mill-Artikoli 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjonijiet motivati.
Il-Kummissjoni tappella lill-Istati Membri biex jinnotifikaw it-traspożizzjoni tad-Direttiva dwar it-tnaqqis tar-rekwiżiti ta' rapportar għall-operaturi ekonomiċi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru (INFR(2026)2149), lil Malta (INFR(2026)2151) u lill-Finlandja (INFR(2026)2150), u li tibgħat opinjoni motivata lill-Kroazja (INFR(2026)0078), lill-Italja (INFR(2026)0085), lill-Awstrija (INFR(2026)0007), lill-Portugall (INFR(2026)0129) u lir-Rumanija (INFR(2026)0134) talli ma nnotifikawx it-traspożizzjoni tad-Direttiva (UE) 2024/2839 fil-leġiżlazzjoni tagħhom. Id-Direttiva (UE) 2024/2839 tnaqqas ir-rekwiżiti ta' rapportar għall-Istati Membri u għall-operaturi ekonomiċi f'diversi oqsma. Għall-operaturi ekonomiċi, ir-rekwiżiti ta' rapportar jikkonċernaw l-emissjonijiet tal-istorbju mit-tagħmir għall-użu fuq barra. Id-Direttiva tispeċifika ma' liema obbligi ta' rapportar l-operaturi ekonomiċi ma għadx għandhom għalfejn jikkonformaw. L-Istati Membri li ma nnotifikaw l-ebda miżura rċevew ittra ta' intimazzjoni fid-29 ta' Jannar 2026 (il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Jannar), filwaqt li l-Istati Membri li nnotifikaw il-miżuri, li, madankollu, wara l-valutazzjoni tqiesu li ma kinux biżżejjed, illum irċevew ittra ta' intimazzjoni. Issa, l-Istati Membri inkwistjoni għandhom xahrejn biex jindirizzaw it-tħassib li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata lill-Istati Membri li jkunu rċevew ittra ta' intimazzjoni (Ċipru, Malta u l-Finlandja) u tressaq lill-Istati Membri li jkunu rċevew opinjoni motivata (l-Awstrija, il-Kroazja, l-Italja, il-Portugall u r-Rumanija) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'talbiet għal sanzjonijiet finanzjarji.
Il-Kummissjoni tappella lill-Ungerija biex tirrispetta r-rekwiżiti tat-trasparenza meta taġġudika kuntratti fis-settur tal-estrazzjoni
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija (INFR(2025)2051) talli naqset milli tiżgura trattament ugwali fost l-operaturi ekonomiċi waqt l-aġġudikazzjoni ta' kuntratt għal diversi siti tal-estrazzjoni tar-ramel u taż-żrar. Il-libertà tal-istabbiliment minquxa fl-Artikolu 49 tat-TFUE teżiġi li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw it-trattament ugwali tal-operaturi ekonomiċi u t-trasparenza tal-proċedura tal-aġġudikazzjoni. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Ungerija naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 tat-TFUE (il-libertà tal-istabbiliment) billi aġġudikat il-kuntratt imsemmi fi proċedura mingħajr reklamar xieraq u li tfasslet biex tkun ta' benefiċċju indebitu għal operatur ekonomiku partikolari. Il-kuntratt m'għandux limitu ta' żmien u ssostitwixxa kuntratt preċedenti konkluż ukoll bi ksur tad-dritt tal-UE li kien soġġett għall-ittra ta' intimazzjoni mibgħuta fit-18 ta' Ġunju 2025 bħala parti mill-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' Ġunju. Meta wieħed iqis il-valur ekonomiku għoli tas-siti tal-estrazzjoni kkonċernati mill-kuntratt il-ġdid, id-durata bla limitu ta' dak il-kuntratt u d-disponibbiltà limitata tal-minjieri tar-ramel u taż-żrar fl-Ungerija, l-operaturi ekonomiċi huma ristretti fejn tidħol il-libertà tagħhom li jibdew jew jestendu l-attività ekonomika tagħhom fis-settur Ungeriż partikolari. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjoni motivata
Il-Kummissjoni tappella lill-Ungerija biex tiżgura l-konformità mar-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Ungerija (INFR(2025)4024) talli naqset milli tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) u d-Direttiva 2006/123/KE dwar is-servizzi fis-suq intern (id-Direttiva dwar is-Servizzi). Id-Direttiva dwar is-Servizzi u l-Artikoli 49 u 56 tat-TFUE jiggarantixxu li n-negozji u l-professjonisti minn kwalunkwe Stat Membru jkunu jistgħu jipprovdu s-servizzi tagħhom jew jistabbilixxu ruħhom fi Stat Membru ieħor mingħajr restrizzjonijiet mhux ġustifikati jew sproporzjonati. Id-dritt Ungeriż jagħti lill-kumpanija kkontrollata mill-Istat OFFI Zrt. (magħrufa wkoll bħala MKIFK) id-dritt esklużiv li tipprovdi servizzi ta' traduzzjoni ċċertifikata għall-użu uffiċjali. Dan jinkludi diversi kategoriji addizzjonali ta' dokumenti u proċeduri introdotti wara li l-Ungerija kienet meħtieġa tikkonforma mad-Direttiva dwar is-Servizzi fl-2009. Il-Kummissjoni jidhrilha li dan il-monopolju u l-estensjonijiet tiegħu wara d-dħul fis-seħħ tad-Direttiva dwar is-Servizzi jikkostitwixxu restrizzjoni mhux ġustifikata u sproporzjonata kemm fuq il-libertà tal-istabbiliment kif ukoll fuq il-libertà li jiġu pprovduti servizzi. Barra minn hekk, l-Ungerija naqset milli tinnotifika xi miżuri f'dan il-kuntest lill-Kummissjoni, kif meħtieġ mid-Direttiva dwar is-Servizzi. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija fl-11 ta' Diċembru 2025 (INFR(2025)4024) rigward il-monopolju u n-nuqqas ta' notifika tal-OFFI Zrt., iżda t-tweġiba tal-Ungerija fit-23 ta' Frar 2026 naqset milli tiġġustifika l-ħtieġa jew il-proporzjonalità tal-monopolju u ma indirizzatx in-nuqqas ta' notifika. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata għall-Ungerija, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli imponiet restrizzjonijiet fuq il-marġni tal-prezzijiet għall-bejgħ tal-prodotti tal-ikel u tal-oġġetti li jinbiegħu fl-ispiżeriji
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Ungerija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) talli imponiet restrizzjonijiet fuq il-marġni tal-prezzijiet li jaffettwaw prinċipalment lill-impriżi mhux Ungeriżi. Wieħed mill-każijiet jikkonċerna r-restrizzjonijiet fir-rigward tal-bejgħ ta' ċerti prodotti tal-ikel minn bejjiegħa bl-imnut tal-ikel (INFR(2025)2052). Il-każ l-ieħor ikopri restrizzjonijiet simili għall-bejgħ ta' ċerti prodotti mhux tal-ikel mill-ispiżeriji (INFR(2025)2102). Id-Direttiva dwar is-Servizzi (id-Direttiva 2006/123/KE) u l-libertà tal-istabbiliment minquxa fl-Artikolu 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jeżiġu li l-awtoritajiet pubbliċi jiżguraw it-trattament ugwali u n-nondiskriminazzjoni tal-operaturi ekonomiċi u jżommu lura milli jirrestrinġu l-attivitajiet ekonomiċi, sakemm dawn ir-restrizzjonijiet ma jkunux ġustifikati b'raġunijiet ta' interess pubbliku. L-Ungerija llimitat il-marġni permess bejn il-prezzijiet tax-xiri u l-prezzijiet tal-bejgħ tal-prodotti għal livell tant baxx li ma għadux jippermetti lill-kumpaniji jkopru l-kostijiet tagħhom, b'hekk il-bejjiegħa bl-imnut qed jiġu mġiegħla jbigħu l-prodotti tagħhom b'telf. L-Ungerija tallega b'mod żbaljat li d-differenza bejn il-prezz tal-akkwist u l-prezz tal-bejgħ hija ugwali għall-profitt tal-impriżi kkonċernati, mingħajr ma jitqies il-fatt li dawn għandhom ukoll kostijiet addizzjonali sostanzjali, pereżempju għall-persunal, il-proprjetà immobbli u t-taxxi. Il-miżuri Ungeriżi jistgħu jimponu rekwiżiti diskriminatorji u sproporzjonati bi ksur tad-Direttiva dwar is-Servizzi u jxekklu jew jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà tal-istabbiliment garantita mill-Artikolu 49 tat-TFUE li jwettqu ċ-ċittadini tal-UE. Peress li l-Kummissjoni jidhrilha li l-Ungerija għadha qed tikser ir-regoli tal-UE, iddeċidiet li tressaq il-każijiet quddiem il-QĠUE. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tressaq lir-Rumanija quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE talli naqset milli tħallas lill-ispiżeriji fil-ħin
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lir-Rumanija (INFR(2024)4004) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) talli naqset milli tiżgura li l-Istituzzjoni Nazzjonali tal-Assigurazzjoni tas-Saħħa (CNAS) tħallas lill-operaturi tal-ispiżeriji sal-iskadenzi stabbiliti mid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard (id-Direttiva 2011/7/UE). Id-deċiżjoni hija parti mill-isforzi ta' infurzar tal-Kummissjoni biex jitneħħew l-ostakli fis-suq uniku fi 11-il qasam ta' prijorità, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni “Ġabra ta' Regoli tal-UE Aktar Sempliċi, Aktar Ċari u Infurzati Aħjar”. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-ħlas tard fir-Rumanija huwa kemm sistemiku kif ukoll persistenti. Skont l-Artikolu 4(4)(b) tad-Direttiva, l-entitajiet pubbliċi li jipprovdu l-kura tas-saħħa jridu jgħaddu t-tranżazzjonijiet kummerċjali f'mhux aktar minn 60 jum kalendarju. Is-CNAS qabżet b'mod konsistenti din l-iskadenza fil-pagamenti tagħha lill-ispiżeriji li jfornu l-prodotti mediċinali lill-pazjenti. Peress li naqset milli tiżgura li s-CNAS tħallas lill-operaturi tal-ispiżeriji fil-limitu ta' żmien preskritt, ir-Rumanija kisret l-obbligi tagħha skont id-Direttiva. Il-Kummissjoni bagħtet l-ewwel ittra ta' intimazzjoni lir-Rumanija f'April 2024, imbagħad opinjoni motivata fi Frar 2025 u opinjoni motivata addizzjonali f'Jannar 2026. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-isforzi li l-awtoritajiet għamlu sal-lum il-ġurnata ma kinux biżżejjed. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tressaq lir-Rumanija quddiem il-QĠUE. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Ittra ta' intimazzjoni wara s-sentenza (l-Artikolu 260 tat-TFUE)
Il-Kummissjoni tappella lill-Belġju biex jikkonforma mas-sentenza dwar il-ħlas tard
Il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni skont l-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) lill-Belġju (INFR(2019)2299) talli naqas milli jikkonforma mas-sentenza tal-5 ta' Ġunju 2025 tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-kawża C-543/24). Il-Qorti kkonkludiet li l-gvern federali, ir-Reġjun ta' Wallonia u r-Reġjun ta' Brussell Kapitali kienu naqsu milli jikkonformaw mat-termini tal-ħlas stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Ħlas Tard. Id-deċiżjoni hija parti mill-isforzi ta' infurzar tal-Kummissjoni li jitneħħew l-ostakli fis-suq uniku fi 11-il qasam ta' prijorità, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni “Ġabra ta' Regoli tal-UE Aktar Sempliċi, Aktar Ċari u Infurzati Aħjar”. Filwaqt li l-Gvern Federali u r-Reġjun ta' Brussell Kapitali minn dak iż-żmien 'l hawn ikkonformaw mal-obbligi stabbiliti bid-Direttiva f'termini ta' ħinijiet tal-ħlas, il-perjodi tal-ħlas fir-Reġjun ta' Wallonia għadhom jaqbżu l-limiti ta' żmien preskritti. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Belġju għadu ma ħax il-miżuri kollha meħtieġa biex jikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, peress li l-perjodi tal-ħlas fir-Reġjun ta' Wallonia għadhom jaqbżu l-iskadenzi stabbiliti bid-Direttiva. Il-ħlas tard mill-awtoritajiet pubbliċi jistgħu jikkawżaw effett domino. Dan iwassal biex il-fornituri diretti jkunu neqsin mill-flus kontanti u jxekkel il-fluss tal-flus tagħhom, idewwem il-ħlasijiet tagħhom lis-sottokuntratturi u lil sħab kummerċjali oħra, u fl-aħħar mill-aħħar ifixkel il-katina tal-provvista usa'. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju. Il-Belġju għandu xahrejn biex iwieġeb u jieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li terġa' tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja skont l-Artikolu 260 tat-TFUE u titlob li jiġu imposti penali finanzjarji.
Il-Kummissjoni tappella lill-Ungerija biex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti u tneħħi t-tariffa addizzjonali fuq l-estrazzjoni applikabbli għall-bejgħ tal-materjal tal-bini
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ungerija (INFR(2022)4009) skont l-Artikolu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) talli naqset milli tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) fil-kawża C-144/24). Skont is-sentenza tal-QĠUE tat-22 ta' Jannar 2026, l-Ungerija kienet naqset milli tissodisfa l-obbligi tagħha skont l-Artikolu 49 tat-TFUE (il-libertà tal-istabbiliment) billi adottat id-dispożizzjonijiet dwar il-ħlas ta' tariffa addizzjonali fuq l-estrazzjoni. It-tariffa addizzjonali fuq l-estrazzjoni tikkorrispondi għal 90 % tad-differenza bejn il-prezz uffiċjali ddeterminat fid-Digriet Ungeriż u l-prezzijiet tal-bejgħ ogħla għall-prodotti tal-bini bħar-ramel, iż-żrar u s-siment. Il-miżura tapplika prinċipalment, u sistematikament, għan-negozji ta' Stati Membri oħra stabbiliti fl-Ungerija, peress li l-kamp ta' applikazzjoni tal-miżura huwa definit b'tali mod li jkopri b'mod predominanti lill-operaturi mhux Ungeriżi. Dawn in-negozji ma jitħallewx jirreaġixxu għaż-żidiet fil-kostijiet billi jadattaw il-prezzijiet tagħhom, peress li l-biċċa l-kbira ta' kwalunkwe żieda fil-prezzijiet trid titħallas lill-Gvern Ungeriż bħala penali, u b'hekk il-produzzjoni tal-materjal tal-bini fl-Ungerija hija ekonomikament insostenibbli għal dawn l-impriżi. It-tariffa addizzjonali fuq l-estrazzjoni għalhekk tiddiskrimina kontra l-operaturi ekonomiċi minn Stati Membri oħra u toħloq ostakli għad-detriment tat-tkabbir u l-prosperità taċ-ċittadini u n-negozji, inkluż fl-Ungerija. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni minħabba li l-Ungerija żammet ostaklu għal-libertà tal-istabbiliment li l-QĠUE diġà ddikjarat li jmur kontra d-dritt tal-UE. Il-Kummissjoni nnotat ukoll li l-Ungerija ppruvat iżżomm ir-restrizzjoni permezz tat-trasferiment minn biċċa leġiżlazzjoni nazzjonali għal oħra. Issa l-Ungerija għandha xahrejn biex tirrispondi għall-argumenti mressqa mill-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li terġa' tressaq il-każ quddiem il-QĠUE skont l-Artikolu 260 tat-TFUE u titlob li jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji.
Għeluq
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tagħlaq il-każ ta' ksur kontra s-Slovakkja wara t-tneħħija tal-ipprezzar diskriminatorju tal-fjuwil
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tagħlaq każ ta' ksur kontra s-Slovakkja (INFR(2026)4009) wara l-abolizzjoni tal-prezzijiet diskriminatorji tal-fjuwil għas-sewwieqa tal-karozzi rreġistrati barra mill-pajjiż. Qabel ma tneħħew ir-regoli diskriminatorji, il-prezz tad-diżil għas-sewwieqa tal-karozzi rreġistrati barra mis-Slovakkja ġie rregolat u ffissat kull ġimgħa wara l-iżvilupp fil-prezzijiet fil-pajjiżi ġirien, filwaqt li s-sewwieqa tal-karozzi rreġistrati fis-Slovakkja gawdew minn prezz tas-suq aktar baxx. Il-miżura ġiet adottata fit-18 ta' Marzu 2026 għal 30 jum, iżda fis-17 ta' April 2026 ġiet estiża għal 30 jum addizzjonali. Il-miżuri adottati mis-Slovakkja marru kontra diversi dispożizzjonijiet tad-dritt tal-UE relatati mas-Suq Uniku, jiġifieri l-moviment liberu tal-merkanzija (it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE)), il-moviment liberu tas-servizzi (TFUE u d-Direttiva 2006/123/KE), il-moviment liberu tal-ħaddiema u t-trattament ugwali tagħhom (TFUE u r-Regolament (UE) Nru 492/2011), il-moviment liberu tas-servizzi tat-trasport bit-triq (ir-Regolament (KE) Nru 1072/2009 u r-Regolament (KE) Nru 1073/2009) u l-libertà tal-istabbiliment (TFUE jew id-Direttiva 2006/123/KE). Barra minn hekk, il-miżuri kkonċernati ma ġewx innotifikati qabel ġew adottati, u dan imur kontra d-Direttiva (UE) 2015/1535 (id-Direttiva dwar it-Trasparenza fis-Suq Uniku). B'segwitu għall-ittra ta' intimazzjoni (il-pakkett tal-proċeduri ta' ksur ta' April) li l-Kummissjoni bagħtet lis-Slovakkja fid-29 ta' April 2026, is-Slovakkja temmet il-ksur fis-6 ta' Mejju 2026 billi emendat il-leġiżlazzjoni tagħha u temmet l-effetti tal-miżuri diskriminatorji, li waqfu japplikaw mit-8 ta' Mejju 2026. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-kwistjoni ġiet solvuta, għalhekk iddeċidiet li tagħlaq il-każ. Dan il-każ huwa storja ta' suċċess bis-saħħa tal-azzjoni ta' infurzar rapidu tal-Kummissjoni f'sitwazzjonijiet b'impatt immedjat fuq iċ-ċittadini.
4. Migrazzjoni u Affarijiet Interni
(Għal aktar informazzjoni: Markus Lammert – Tel.: +32 2 296 75 33; Fiorella Boigner – Tel.: +32 2 299 37 34)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Bulgarija u lill-Polonja biex jimplimentaw kif suppost ir-regoli tal-UE dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prekursuri tal-isplussivi
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2026)2118) u lill-Polonja (INFR(2026)2119) talli naqsu milli jiżguraw l-applikazzjoni korretta tar-Regolament dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prekursuri tal-isplussivi (ir-Regolament (UE) 2019/1148). Ir-Regolament jistabbilixxi r-regoli għall-UE kollha dwar is-sustanzi u t-taħlitiet li jistgħu jintużaw ħażin biex isiru splussivi artiġjanali. Dan jillimita d-disponibbiltà ta' dawk is-sustanzi jew it-taħlitiet għall-pubbliku ġenerali u jeżiġi li kwalunkwe tranżazzjoni suspettuża li tinvolvi s-sustanzi tiġi rrapportata lill-awtoritajiet xierqa. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-Bulgarija naqset milli tikkonforma ma' għadd ta' obbligi skont ir-Regolament, bħall-obbligi li tistabbilixxi punt ta' kuntatt nazzjonali wieħed jew aktar għar-rapportar ta' tranżazzjonijiet suspettużi, għajbien u serq; li taħtar l-awtorità kompetenti għall-implimentazzjoni tar-Regolament; li regolarment ixxerred il-linji gwida rilevanti; li tistabbilixxi r-regoli dwar il-penali; u li tikkontribwixxi għall-programm ta' monitoraġġ annwali. Fir-rigward tal-Polonja, il-Kummissjoni jidhrilha li naqset milli tikkonforma mal-obbligi tagħha li xxerred regolarment il-linji gwida rilevanti u li tistabbilixxi r-regoli dwar il-penali. Il-Bulgarija u l-Polonja issa għandhom xahrejn biex iwieġbu l-ittra u jindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lil Ċipru, lil-Litwanja, lill-Polonja u lis-Slovenja biex jittrasponu d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus b'mod korrett
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru (INFR(2026)2086), lil-Litwanja (INFR(2026)2096), lill-Polonja (INFR(2026)2097) u lis-Slovenja (INFR(2026)2098) talli naqsu milli jittrasponu b'mod korrett uħud mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus (id-Direttiva (UE) 2018/1673), inkluż fir-rigward tal-penali u r-reati marbuta mal-ħasil tal-flus. Id-Direttiva tiddefinixxi r-reati kriminali u s-sanzjonijiet għall-ħasil tal-flus, tiffaċilita l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja bejn l-Istati Membri tal-UE u tipprevjeni lill-kriminali milli jieħdu vantaġġ mis-sistemi legali diverġenti tal-UE. Id-Direttiva introduċiet diversi novitajiet importanti. Din tippermetti l-prosekuzzjoni tal-ħasil tal-flus kemm jekk ir-reat kriminali sottostanti li ġġenera l-flus ma jkunx diġà ġie kkundannat kif ukoll jekk ma jiġux ipprovduti d-dettalji kollha ta' dak ir-reat (ħasil tal-flus awtonomu). Barra minn hekk, tagħmilha ċara wkoll li l-persuni jistgħu jiġu mħarrka għall-ħasil tar-rikavati ġġenerati mill-attivitajiet kriminali tagħhom stess (awtoriċiklaġġ). Id-Direttiva tipprevedi wkoll ċirkostanzi li jippermettu piena eħrex, pereżempju meta persuna jew entità b'dmir speċifiku twettaq il-ħasil tal-flus (eż. banek, nutara, eċċ.). Barra minn hekk, id-Direttiva tiċċara liema Stat Membru huwa kompetenti f'każijiet transfruntiera. Fid-dawl tat-traspożizzjoni skorretta tad-Direttiva, inkluż il-penali u ċ-ċirkostanzi aggravati li jippermettu piena eħrex, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru, lil-Litwanja, lill-Polonja u lis-Slovenja. Issa, dawn l-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
5. Ġustizzja
(Għal aktar informazzjoni: Markus Lammert – Tel.: +32 2 296 75 33; Antoine Lomba- Tel.: +32 2 299 32 33)
(Għal aktar informazzjoni dwar l-Ugwaljanza: Eva Hrncirova - Tel.: +32 2 298 84 33; Anna Gray – Tel.: +32 2 298 08 73)
Ittri ta' intimazzjoni, ittra ta' intimazzjoni addizzjonali u opinjoni motivata
Il-Kummissjoni tappella lill-Belġju, lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lill-Ġermanja, lin-Netherlands, lill-Polonja u lis-Slovenja biex jikkonformaw mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Bulgarija (INFR(2026)4013), lill-Belġju (INFR(2026)2131), liċ-Ċekja (INFR(2026)2127), lin-Netherlands (INFR(2026)2129), lill-Polonja (INFR(2026)2130) u lis-Slovenja (INFR (2026) 2128), kif ukoll opinjoni motivata lill-Ġermanja (INFR(2022)2019), talli naqsu milli jikkonformaw mad-Direttiva dwar l-Infurzar tal-Liġi (id-Direttiva (UE) 2016/680). Id-Direttiva tirregola l-ipproċessar tad-data personali min-naħa tal-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi biex dawn iwettqu dmirijiethom b'tali mod li jitħares id-dritt fundamentali għall-protezzjoni tad-data. Dawn l-Istati Membri kollha li rċevew ittri ta' intimazzjoni llum ittrasponew b'mod skorrett ir-regoli dwar l-eżerċizzju tad-drittijiet għall-protezzjoni tad-data. F'April 2022, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva għalkollox. Sal-lum il-ġurnata, il-Ġermanja għadha ma adottatx il-miżuri ta' traspożizzjoni rilevanti għall-ipproċessar tad-data mill-Pulizija Federali. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Belġju, lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lin-Netherlands, lill-Polonja u lis-Slovenja, u opinjoni motivata lill-Ġermanja. Issa dawn l-Istati Membri għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata lill-Belġju, lill-Bulgarija, liċ-Ċekja, lin-Netherlands, lill-Polonja u lis-Slovenja u li tressaq lill-Ġermanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talba għal sanzjonijiet finanzjarji.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lis-Slovenja biex tikkonforma mal-proċeduri ġudizzjarji transfruntiera dwar il-mandat ta' arrest Ewropew
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat it-tieni ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lis-Slovenja (INFR(2020)2313) talli naqset milli tikkonforma mad-Deċiżjoni Kwadru dwar il-mandat ta' arrest Ewropew u l-proċeduri ta' konsenja bejn l-Istati Membri (id-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/584/ĠAI). Il-mandat ta' arrest Ewropew (MAE) huwa proċedura ġudizzjarja transfruntiera simplifikata biex persuna rikjesta tiġi konsenjata għall-fini ta' prosekuzzjoni jew eżekuzzjoni ta' piena ta' kustodja jew ordni ta' detenzjoni. Il-MAE, li ilu operazzjonali mill-1 ta' Jannar 2004, ħa post il-proċeduri twal ta' estradizzjoni li kienu jeżistu bejn l-Istati Membri tal-UE. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovenja fi Frar 2022, segwita minn ittra ta' intimazzjoni addizzjonali f'Marzu 2024 u opinjoni motivata f'Mejju 2025. Il-Kummissjoni jidhrilha li s-Slovenja kienet naqset milli tittrasponi b'mod korrett id-dispożizzjonijiet dwar ir-raġunijiet fakultattivi għat-tiċħid ta' ċediment ta' persuna. Wara li rrieżaminat il-bidliet fid-dritt Sloven li ġew innotifikati f'Marzu 2026, il-Kummissjoni jidhrilha li s-Slovenja introduċiet raġunijiet obbligatorji addizzjonali għar-rifjut tal-eżekuzzjoni ta' MAE minħabba d-drittijiet fundamentali li mhumiex previsti fid-dritt tal-UE. Il-MAE jibbaża fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku, li skontu l-Istati Membri jippreżumu li l-Istati Membri l-oħra jikkonformaw mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali. Din il-preżunzjoni tista' tiġi eliminata biss f'ċirkostanzi eċċezzjonali u skont kriterji stretti stabbiliti mill-ġurisprudenza. Iż-żieda ta' raġunijiet obbligatorji għar-rifjut ta' MAE tirriskja li timmina l-applikazzjoni uniformi tad-Deċiżjoni Kwadru u l-fiduċja reċiproka li fuqha hija bbażata. Kien biss dan l-aħħar li s-Slovenja introduċiet dawn id-dispożizzjonijiet il-ġodda. Biex issegwi l-proċess dovut taċ-ċiklu tal-ksur u tagħti lis-Slovenja l-opportunità li tindirizza dawn il-kwistjonijiet il-ġodda, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ it-tieni ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lis-Slovenja. Is-Slovenja issa għandha xahrejn biex tindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata addizzjonali.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lis-Slovakkja biex tittrasponi b'mod korrett ir-regoli dwar l-għajnuna legali għall-persuni suspettati u akkużati fil-proċedimenti kriminali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-Slovakkja (INFR(2025)2212) talli naqset milli timplimenta b'mod korrett ir-regoli tal-UE dwar l-għajnuna legali fil-proċedimenti kriminali (id-Direttiva (UE) 2016/1919). Id-dritt tal-UE jiżgura li d-drittijiet bażiċi tal-persuni suspettati u akkużati jiġu protetti. Huma meħtieġa standards minimi komuni biex id-deċiżjonijiet ġudizzjarji meħudin minn Stat Membru jiġu rikonoxxuti minn Stati Membri oħrajn. Skont il-Kummissjoni, is-Slovakkja tagħti l-għajnuna legali lill-persuni akkużati biss, jiġifieri lill-persuni li jkunu akkużati formalment b'reat, u mhux lill-persuni suspettati, li huma persuni li l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi jissuspettaw li jkunu wettqu reat iżda li ma jiġux akkużati formalment. Barra minn dan, is-Slovakkja ma tiggarantix l-għajnuna legali f'ċerti ċirkostanzi meta persuna titressaq quddiem il-ġustizzja biex tittieħed deċiżjoni dwar l-arrest preventiv. Lanqas ma tipprovdi aċċess għall-għajnuna legali għall-persuni arrestati fi Stat Membru ieħor abbażi ta' mandat ta' arrest Ewropew maħruġ mill-awtoritajiet Slovakki. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lis-Slovakkja f'Jannar 2026. Sal-lum il-ġurnata, l-awtoritajiet Slovakki għadhom ma indirizzawx in-nuqqasijiet kollha li tqajmu. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lis-Slovakkja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni tappella lill-Polonja biex tittrasponi għalkollox d-Direttiva li tikkriminalizza l-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Polonja (INFR(2025)0239) talli naqset milli tinkorpora għalkollox fid-dritt nazzjonali d-Direttiva dwar il-kriminalizzazzjoni tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni (id-Direttiva (UE) 2024/1226). Id-Direttiva tistabbilixxi regoli komuni għall-armonizzazzjoni tad-definizzjoni ta' reati kriminali u ta' penali fir-rigward tal-ksur tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni. L-għan tagħha huwa li tipprevjeni ċ-ċirkomvenzjoni tal-miżuri restrittivi tal-Unjoni, inkluż dawk adottati wara l-aggressjoni tar-Russja kontra l-Ukrajna. L-armonizzazzjoni tad-dritt kriminali nazzjonali f'dan il-qasam tiffaċilita l-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-ksur tas-sanzjonijiet tal-UE fl-Istati Membri kollha, u b'hekk il-miżuri restrittivi tal-UE jkunu aktar effettivi. F'Lulju 2025, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil diversi Stati Membri talli naqsu milli jikkomunikaw kull miżura ta' traspożizzjoni tad-Direttiva. Sal-lum il-ġurnata, il-Polonja għadha ma kkomunikatx kull miżura ta' traspożizzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata lill-Polonja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'talba għal sanzjonijiet finanzjarji.
Għeluq
Il-Kummissjoni tagħlaq il-proċedura ta' ksur kontra s-Slovakkja wara li tneħħew il-miżuri li jdgħajfu l-protezzjoni tal-informaturi
Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta' ksur kontra s-Slovakkja (INFR(2026)2012) li l-Kummissjoni kienet fetħet f'Jannar 2026 minħabba l-ksur tad-Direttiva dwar l-informaturi (id-Direttiva (UE) 2019/1937) u tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE. Id-Direttiva dwar l-informaturi teħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-Istati Membri jkollhom mezzi effettivi u indipendenti biex jirrappurtaw il-ksur tar-regoli tal-UE b'mod kunfidenzjali, li dawn ir-rapporti jiġu investigati u tittieħed azzjoni kontrihom b'mod effettiv, u li l-informaturi jkunu protetti mir-ritaljazzjoni. Din teħtieġ li l-Istati Membri jistabbilixxu awtoritajiet kompetenti li jkunu awtonomi u indipendenti, u jiżguraw il-kunfidenzjalità tal-informaturi. Il-proċedura ta' ksur tnediet wara l-adozzjoni mill-Parlament Slovakk, f'Diċembru 2025, tal-emendi tal-qafas nazzjonali għall-protezzjoni tal-informaturi li qajmu tħassib serju rigward il-konformità mad-dritt tal-UE, b'mod partikolari billi pprevedew ix-xoljiment tal-Uffiċċju Slovakk għall-Protezzjoni tal-Informaturi u introduċew mekkaniżmu li jista' jesponi lill-informaturi għal ritaljazzjoni u jillimita l-aċċess tagħhom għal rimedji effettivi. Wara l-intervent rapidu tal-Kummissjoni u djalogu kostruttiv mal-awtoritajiet Slovakki, is-Slovakkja ħassret l-emenda kkontestata qabel ma setgħet tieħu effett. B'riżultat ta' dan, it-tħassib identifikat mill-Kummissjoni ġie indirizzat, inkluż dak relatat mal-indipendenza tal-Uffiċċju Slovakk għall-Protezzjoni tal-Informaturi. Għalhekk, il-Kummissjoni jidhrilha li l-kwistjonijiet imqajma fl-ittra ta' intimazzjoni tagħha ssolvew b'mod sodisfaċenti u ddeċidiet li tagħlaq il-proċedura ta' ksur. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni u l-applikazzjoni korretti tad-Direttiva dwar l-informaturi fl-Istati Membri kollha.
6. Klima
(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Ana Crespo Parrondo – Tel.: +32 2 298 13 25)
Ittra ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Greċja biex tikkonforma mar-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikati għat-tekniċi speċjalizzati fil-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja (INFR(2026)4011) talli naqset milli tikkonforma mar-Regolament (UE) 2024/573 dwar il-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra (gassijiet F). Ir-Regolament dwar il-gassijiet F għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet ta' dawn il-gassijiet serra qawwija li jħallu impatt sinifikanti fuq it-tibdil fil-klima. Biex jappoġġa dan l-objettiv, ir-Regolament jistabbilixxi r-rekwiżiti ta' ċertifikazzjoni għall-individwi li jwettqu l-attivitajiet li jinvolvu l-gassijiet F u l-alternattivi tagħhom. L-Artikolu 10(10) tar-Regolament jipprevedi r-rikonoxximent reċiproku fl-Unjoni tal-attestazzjonijiet u ċ-ċertifikati tat-taħriġ maħruġa mill-Istati Membri. It-tranżizzjoni lil hinn mill-gassijiet F lejn alternattivi li ma jagħmlux ħsara lill-klima teżiġi għadd suffiċjenti ta' tekniċi mħarrġa u ċċertifikati kif xieraq fl-UE. Għalhekk, ir-rikonoxximent reċiproku effettiv taċ-ċertifikati maħruġa fil-livell nazzjonali huwa essenzjali biex jiġi żgurat li l-Unjoni jkollha l-forza tax-xogħol b'ħiliet meħtieġa bħala appoġġ għat-tnaqqis fl-użu ta' dawn il-gassijiet u l-użu ta' refriġeranti alternattivi. Fil-Greċja, it-tekniċi speċjalizzati fil-gassijiet F li għandhom ċertifikati maħruġa minn pajjiż ieħor tal-UE ma jistgħux jiksbu xogħol bħala tekniċi tar-refriġerazzjoni sempliċiment abbażi ta' dawk iċ-ċertifikati. Minflok, huma meħtieġa jgħaddu minn proċeduri ta' valutazzjoni addizzjonali skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali qabel jitħallew iwettqu l-attivitajiet rilevanti. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-leġiżlazzjoni Griega ma tikkonformax mar-Regolament. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Greċja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tindirizza n-nuqqasijiet identifikati mill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
7. Tassazzjoni
(Għal aktar informazzjoni: Louise Bogey – Tel.: +32 2 296 97 76; Bridget Moylan – Tel.: +32 2 298 28 44)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lill-Ġermanja, lil Franza u lill-Italja biex jallinjaw il-leġiżlazzjoni tagħhom dwar it-tassazzjoni tad-dividendi mill-kumpaniji sussidjarji fi Stati Membri oħra
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja (INFR(2026)2089), lil Franza (INFR(2026)2087) u lill-Italja (INFR(2026)2088) talli naqsu milli jallinjaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom dwar it-tassazzjoni tad-dividendi mill-kumpaniji sussidjarji fi Stati Membri oħra mad-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji. Il-leġiżlazzjoni dwar it-taxxa Ġermaniża, Franċiża u Taljana twassal għal frammentazzjoni tar-regoli komuni dwar it-tassazzjoni tal-kumpaniji stabbiliti fid-Direttiva dwar il-Kumpaniji Prinċipali u Sussidjarji peress li jintaxxaw id-dividendi li kumpanija prinċipali minn kumpaniji sussidjarji residenti fi Stati Membri oħra diversi drabi aktar milli tippermetti d-Direttiva. Dan iħalli effett negattiv fuq il-kompetittività u l-investiment għal kumpaniji ta' daqs medju u akbar li joperaw fis-Suq Uniku kollu. Id-deċiżjonijiet huma parti mill-isforzi ta' infurzar tal-Kummissjoni biex jitneħħew l-ostakli fis-suq uniku fi 11-il qasam ta' prijorità, kif imħabbar fil-Komunikazzjoni “Ġabra ta' Regoli tal-UE Aktar Sempliċi, Aktar Ċari u Infurzati Aħjar” (COM(2026) 380 final, Anness II). Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lill-Ġermanja, lil Franza u lill-Italja, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lill-Belġju, lill-Bulgarija u lil Ċipru biex jiffinalizzaw l-implimentazzjoni tal-iskambju tal-informazzjoni dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Belġju (INFR(2026)0015), lill-Bulgarija (INFR(2026)0021) u lil Ċipru (INFR(2024)0030) talli naqsu milli jittrasponu għalkollox id-Direttiva (UE) 2025/872, li temenda d-Direttiva dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni (id-Direttiva 2011/16/UE). Id-Direttiva teżiġi li l-Istati Membri jistandardizzaw il-ġbir tad-dikjarazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari u li jiskambjaw awtomatikament l-informazzjoni f'dik id-dikjarazzjoni. Id-dikjarazzjoni tal-informazzjoni dwar it-taxxa kumplimentari hija parti mill-obbligi ta' preżentazzjoni stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2022/2523 (id-Direttiva dwar il-Pilastru 2) dwar l-iżgurar ta' livell minimu globali ta' tassazzjoni għal gruppi ta' intrapriżi multinazzjonali u gruppi domestiċi fuq skala kbira fl-Unjoni. Il-Belġju, il-Bulgarija u Ċipru s'issa għadhom ma adottawx jew ma nnotifikawx il-miżuri nazzjonali kollha ta' traspożizzjoni, filwaqt li l-awtoritajiet tat-taxxa madwar l-UE għandhom ikunu jistgħu jibdew jiskambjaw l-informazzjoni dwar il-kumpaniji multinazzjonali fil-kamp ta' applikazzjoni tad-Direttiva dwar il-Pilastru 2 minn Ġunju 2026. F'Jannar 2026, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lill-Istati Membri talli naqsu milli jimplimentaw għalkollox ir-regoli tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjonijiet motivati lill-Belġju, lill-Bulgarija u lil Ċipru, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'talbiet għal sanzjonijiet finanzjarji.
Il-Kummissjoni tappella lil Franza biex tittrasponi għalkollox ir-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-VAT għall-iskema speċjali tal-SMEs
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lil Franza (INFR(2025)2150) talli naqset milli tissodisfa l-obbligazzjonijiet tagħha biex tipprovdi l-funzjonalitajiet kollha tal-IT meħtieġa għall-iżgurar tal-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri mill-1 ta' Jannar 2025, kif titlob id-Direttiva 2020/285/UE dwar l-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar. Id-Direttiva tippermetti lill-intrapriżi ż-żgħar ibigħu l-oġġetti u s-servizzi mingħajr ma jimponu l-VAT u ttaffi l-obbligi ta' konformità mal-VAT tagħhom. Barra minn hekk, l-impriżi ż-żgħar stabbiliti fi Stat Membru jistgħu jiksbu eżenzjoni mill-VAT meta jbigħu fi Stat Membru ieħor, bħan-negozji ż-żgħar ibbażati f'dak il-pajjiż. Biex dan jiġi ffaċilitat fl-UE, is-sistemi tal-IT għandhom jippermettu l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-Istati Membri. Skont l-informazzjoni għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni, is-sistema Franċiża tal-IT bħalissa ma tipprovdix il-funzjonalitajiet kollha meħtieġa biex jiġi żgurat l-iskambju tal-informazzjoni meħtieġa għall-operat korrett ta' din l-iskema speċjali. F'Ottubru 2025, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-Istat Membru talli naqas milli jimplimenta għalkollox ir-regoli tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li toħroġ opinjoni motivata għal Franza, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
8. Mobbiltà u Trasport
(Għal aktar informazzjoni: Anna-Kaisa Itkonen – Tel.: +32 2 295 75 01; Anni Juusola – Tel.: +32 2 296 09 86)
Ittra ta' intimazzjoni addizzjonali
Il-Kummissjoni tappella lill-Iżvezja biex timplimenta għalkollox ir-regoli dwar l-Ajru Uniku Ewropew
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Iżvezja (INFR (2023) 2060) talli naqset milli timplimenta r-regoli tal-UE dwar il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM) fil-ħin, kif meħtieġ skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/116 dwar il-Proġett Komuni 1, u talli naqset milli tapplika penali effettivi, proporzjonati u dissważivi, f'konformità mar-Regolament (KE) Nru 549/2004. Sal-lum il-ġurnata, l-Iżvezja ma implimentatx ċerti funzjonalitajiet meħtieġa tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru sal-iskadenzi, u lanqas ma ħadet il-miżuri kollha meħtieġa biex tiżgura l-aderenza min-naħa tal-partijiet ikkonċernati operazzjonali mar-rekwiżiti u mal-perjodi ta' żmien stabbiliti skont ir-Regolament ta' Implimentazzjoni (UE) 2021/116. Il-Kummissjoni l-ewwel bagħtet lill-Iżvezja ittra ta' intimazzjoni f'Lulju 2023, imbagħad ittra ta' intimazzjoni addizzjonali f'Ġunju 2024. Madankollu, għadd ta' nuqqasijiet għadhom ma ġewx indirizzati u feġġew nuqqasijiet ġodda. B'mod partikolari, is-sottofunzjonalità tal-ATM dwar il-ġestjoni tat-tluq sinkronizzata mas-sekwenzjar ta' qabel it-tluq għadha ma ġietx implimentata fl-ajruport ta' Stokkolma – Arlanda. Barra minn hekk, wara l-ħruġ tal-ewwel ittra ta' intimazzjoni addizzjonali, l-evidenza wriet li żewġ sottofunzjonalitajiet addizzjonali tal-ATM — il-Pjan Operazzjonali Inizjali tal-Ajruport u l-Pjan Operazzjonali tan-Network Kollaborattiv — lanqas ma ġew implimentati u operati fl-Ajruport ta' Stokkolma – Arlanda, għall-kuntrarju tar-rekwiżiti tar-Regolament ta' Implimentazzjoni dwar il-Proġett Komuni 1. Barra minn hekk, s'issa ma ġiet applikata l-ebda miżura ta' infurzar jew penali skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 549/2004 b'rabta ma' dan id-dewmien. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat it-tieni ittra ta' intimazzjoni addizzjonali lill-Iżvezja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u biex tieħu l-miżuri meħtieġa. Fin-nuqqas ta' tweġibiet sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tibgħat opinjoni motivata.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lil 10 Stati Membri biex jittrasponu d-Direttiva emendata dwar sistemi ta' trasport intelliġenti
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju (INFR(2026)0010), liċ-Ċekja (INFR(2026)0033), lill-Irlanda (INFR(2026)0080), lill-Greċja (INFR(2026)0054), lill-Kroazja (INFR(2026)0074), lil Ċipru (INFR(2026)0025), lil-Lussemburgu (INFR(2026)0090), lil Malta (INFR(2026)0102), lill-Polonja (INFR(2026)0116) u lis-Slovenja (INFR(2026)0142) talli naqsu milli jittrasponu għalkollox fid-dritt nazzjonali, sal-21 ta' Diċembru 2025, id-Direttiva (UE) 2023/2661, li temenda d-Direttiva 2010/40/UE dwar Sistemi ta' Trasport Intelliġenti (STI). Is-sistemi ta' trasport intelliġenti (STI) jaqdu rwol importanti fil-kisba ta' sistema tat-trasport effiċjenti u sikura, sostenibbli u awtomatizzata, interkonnessa u reżiljenti fl-UE. Id-Direttiva emendata għandha l-għan li tirrispondi għall-opzjonijiet ġodda għall-mobbiltà fit-toroq, għall-apps tal-mobbiltà, u għall-mobbiltà konnessa u awtomatizzata li qed jitfaċċaw. Id-Direttiva emendata għandha wkoll l-għan li tiżgura li l-applikazzjonijiet tas-STI jippermettu l-integrazzjoni bla xkiel tat-trasport bit-triq ma' modi oħra tat-trasport, pereżempju bil-ferrovija, biex jittejbu l-effiċjenza u l-aċċessibbiltà tagħhom. F'Jannar 2026, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil 20 Stat Membru talli ma kkonformaw mal-obbligi ta' traspożizzjoni tagħhom. Peress li s'issa nofs dawk l-Istati Membri nnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni rispettivi tagħhom, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat opinjoni motivata lill-Belġju, liċ-Ċekja, lill-Irlanda, lill-Greċja, lill-Kroazja, lil Ċipru, lil-Lussemburgu, lil Malta, lill-Polonja u lis-Slovenja biss, u issa dawn għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, b'talbiet biex timponi penali finanzjarji.
9. Stabbiltà Finanzjarja, Servizzi Finanzjarji, u Unjoni tas-Swieq Kapitali
(Għal aktar informazzjoni: Siobhan McGarry - Tel.:+32 2 296 47 98; Saul Louis Goulding – Tel.: +32 229-64735)
Ittri ta' intimazzjoni u ittra ta' intimazzjoni addizzjonali
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja, lil Franza u lil-Latvja biex jikkonformaw mal-obbligi ta' notifika skont ir-Regolament dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2026)2141), lil Franza (INFR(2026)2142), u lil-Latvja (INFR(2026)2144) talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri nazzjonali meħtieġa skont ir-Regolament dwar ir-Reżiljenza Operazzjonali Diġitali (DORA) (ir-Regolament (UE) 2022/2554). Filwaqt li r-regolamenti huma direttament applikabbli u vinkolanti fl-intier tagħhom, l-Artikolu 53 tar-Regolament DORA jeżiġi li l-Istati Membri jinnotifikaw lill-Kummissjoni, lill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA), lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) u lill-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol (EIOPA) dwar il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi nazzjonali li jimplimentaw il-Kapitolu VII tar-Regolament. Dawn id-dispożizzjonijiet jikkonċernaw il-penali amministrattivi u l-miżuri ta' rimedju, kif ukoll is-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti fejn l-Istati Membri jipprevedu penali kriminali minflok sanzjonijiet amministrattivi. L-iskadenza għan-notifika ta' dawn il-miżuri kienet is-17 ta' Jannar 2025. Sal-lum il-ġurnata, Spanja, Franza u l-Latvja ma nnotifikawx lill-Kummissjoni bil-miżuri kollha meħtieġa skont l-Artikolu 53 tar-Regolament DORA. Il-qafas ta' infurzar effettiv stabbilit mir-Regolament DORA huwa element essenzjali tal-isforzi tal-Unjoni biex issaħħaħ ir-reżiljenza operazzjonali diġitali tal-entitajiet finanzjarji, fosthom il-banek, l-impriżi tal-assigurazzjoni u d-ditti tal-investiment, f'settur finanzjarju dejjem aktar diġitalizzat. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lill-Istati Membri kkonċernati, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jindirizzaw in-nuqqasijiet li identifikat il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Il-Kummissjoni tappella lil Spanja biex tittrasponi t-tieni Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament b'mod korrett
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja (INFR(2026)2148) talli naqset milli tittrasponi t-tieni Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament (id-Direttiva (UE) 2015/2366) b'mod korrett. Skont it-tieni Direttiva dwar is-Servizzi ta' Pagament, meta istituzzjoni tal-pagament tapplika biex tipprovdi servizzi ta' pagament fi Stat Membru ospitanti (minbarra l-Istat Membru ta' domiċilju tagħha, jiġifieri meta tkun awtorizzata topera), l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta' domiċilju trid tikkomunika d-deċiżjoni finali tagħha lill-awtorità ospitanti u lill-istituzzjoni tal-pagamenti fi żmien 3 xhur minn meta tirċievi l-applikazzjoni. Dan ir-rekwiżit jiżgura l-funzjonament bla xkiel tar-reġim tal-passaportar — pilastru ewlieni tas-suq uniku tal-UE għas-servizzi tal-pagamenti. Il-leġiżlazzjoni nazzjonali ta' Spanja ma tittrasponix b'mod korrett l-obbligu tal-awtorità kompetenti (Banco de España) li tikkomunika d-deċiżjonijiet finali tagħha (kemm dawk pożittivi kif ukoll dawk negattivi) dwar l-applikazzjonijiet għall-passaportar lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti u lill-istituzzjoni tal-pagament ikkonċernata, iżda minflok teżiġi l-komunikazzjoni ta' dawk negattivi biss. Dan ir-riskju jdgħajjef id-dritt tal-istabbiliment u l-libertà li jiġu pprovduti servizzi fl-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Spanja, li issa għandha xahrejn biex twieġeb u tieħu l-miżuri meħtieġa. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva dwar ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Spanja (INFR(2025)0051) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqset milli tittrasponi d-Direttiva fir-rigward ta' ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (id-Direttiva (UE) 2024/1174, magħrufa wkoll bħala d-Direttiva Daisy Chain). Din id-Direttiva temenda ċerti aspetti tar-rekwiżit minimu għall-fondi proprji u l-obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) li għandhom jiġu ssodisfati minn banek u entitajiet oħra, b'mod aktar speċifiku billi tippermetti li l-MREL jiġi stabbilit fuq bażi konsolidata għal ambitu usa' ta' entitajiet u billi tintroduċi trattament maħsub apposta għall-entitajiet li meta jfallu mistennija jiġu likwidati fi proċedimenti normali ta' insolvenza. L-Istati Membri kellhom sat-13 ta' Novembru 2024 biex jittrasponu bis-sħiħ din id-Direttiva. Sal-lum il-ġurnata, l-Istati Membri kollha l-oħra tal-UE ddikjaraw it-traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva. Madankollu, Spanja għadha ma nnotifikatx il-miżuri ta' implimentazzjoni nazzjonali. Il-Kummissjoni bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Spanja fil-31 ta' Jannar 2025, segwita minn opinjoni motivata fis-17 ta' Lulju 2025. Il-Kummissjoni jidhrilha li sal-lum il-ġurnata l-isforzi min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali ta' Spanja ma kinux biżżejjed, peress li għadhom ma nnotifikawx lill-Kummissjoni dwar it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva fid-drittijiet nazzjonali tagħhom. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq dan il-każ quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja b'talba għal sanzjonijiet finanzjarji. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
10. Ekonomija diġitali
(Għal aktar informazzjoni: Thomas Regnier - Tel.: +32 2 299 10 99, Patricia Poropat – Tel.: + 32 2 298 04 85)
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tressaq lill-Irlanda, lil Spanja, lil Franza u lin-Netherlands quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talli naqsu milli jittrasponu r-regoli dwar iċ-ċibersigurtà
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Irlanda (INFR(2024)0279), lil Spanja (INFR(2024)0270), lil Franza (INFR(2024)0274) u lin-Netherlands (INFR (2024) 0288) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva NIS2 dwar is-sigurtà tan-networks u tas-sistemi tal-informazzjoni (id-Direttiva (UE) 2022/2555) fid-dritt nazzjonali. Id-Direttiva ssaħħaħ iċ-ċibersigurtà tal-UE billi tistabbilixxi standards għoljin għall-entitajiet li joperaw fi 18-il settur kritiku, fosthom is-saħħa, l-enerġija, it-trasport, u s-settur pubbliku. L-implimentazzjoni sħiħa tagħha hija kruċjali biex ikomplu jittejbu r-reżiljenza u l-kapaċità ta' rispons tal-UE għall-inċidenti tal-entitajiet pubbliċi u privati li joperaw f'dawn is-setturi kritiċi, u tal-UE kollha. Il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni fit-28 ta' Novembru 2024 u opinjonijiet motivati fis-7 ta' Mejju 2025. Peress li dawn l-Istati Membri għadhom ma nnotifikawx it-traspożizzjoni kompluta tad-Direttiva, il-Kummissjoni qiegħda tressaqhom quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja. It-tressiq jinkludi talba lill-Qorti biex timponi sanzjonijiet finanzjarji, somma f'daqqa u penali ta' kuljum sakemm tasal in-notifika li t-traspożizzjoni hija kompluta. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
11. Impjiegi u drittijiet soċjali
(Għal aktar informazzjoni: Eva Hrncirova - Tel.: +32 2 298 84 33; Eirini Zarkadoula - Tel.: +32 2 295 70 65)
Ittri ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella liċ-Ċekja, lill-Estonja, lill-Irlanda, lill-Greċja, lill-Ungerija, lin-Netherlands, lill-Portugall u lill-Finlandja biex jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni liċ-Ċekja (INFR(2026)2116), lill-Estonja (INFR(2026)2117), lill-Irlanda (INFR(2026)2124), lill-Greċja (INFR(2026)2123), lill-Ungerija (INFR(2026)2121), lin-Netherlands (INFR(2026)2125), lill-Portugall (INFR(2026)2122), u lill-Finlandja (INFR(2026)2120) talli naqsu milli jallinjaw għalkollox il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom mad-Direttiva dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli (id-Direttiva (UE) 2019/1152). Id-Direttiva tiżgura li l-ħaddiema kollha fl-UE jkollhom informazzjoni ċara u bil-quddiem dwar it-termini essenzjali tal-impjieg tagħhom, bħas-sigħat tax-xogħol, il-paga, u l-istabbiltà tal-impjieg. Issaħħaħ ukoll il-protezzjonijiet kontra l-prattiki abbużivi, fosthom l-iskedi imprevedibbli u l-inkarigi tal-aħħar minuta, filwaqt li tiggarantixxi d-drittijiet tal-ħaddiema bħat-taħriġ obbligatorju b'xejn. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil tmien Stati Membri, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jadottaw il-miżuri meħtieġa. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati.
Il-Kummissjoni tappella lil Ċipru u lil-Lussemburgu biex jittrasponu d-Direttiva dwar pagi minimi adegwati fid-dritt nazzjonali
Il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċeduri ta' ksur billi bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru (INFR(2026)2132) u lil-Lussemburgu (INFR(2026)2133) talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri li jittrasponu d-Direttiva dwar pagi minimi adegwati (id-Direttiva (UE) 2022/2041) fid-dritt nazzjonali. Pagi minimi adegwati jsaħħu l-ekwità soċjali u jtejbu l-produttività u l-kompetittività. Id-Direttiva tal-UE tippromwovi n-negozjar kollettiv dwar l-iffissar tal-pagi u ttejjeb l-aċċess effettiv tal-ħaddiema għad-drittijiet għall-protezzjoni tal-paga minima. L-Istati Membri kellhom sal-15 ta' Novembru 2024 biex jittrasponu d-Direttiva fid-dritt nazzjonali tagħhom. Sal-lum il-ġurnata, Ċipru u l-Lussemburgu ma nnotifikaw l-ebda miżura ta' traspożizzjoni nazzjonali lill-Kummissjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittri ta' intimazzjoni lil Ċipru u lil-Lussemburgu, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jinnotifikaw il-miżuri ta' traspożizzjoni tagħhom lill-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjonijiet motivati.
Opinjonijiet motivati
Il-Kummissjoni tappella lill-Greċja u lill-Portugall biex jallinjaw mar-regoli tal-UE dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-infermiera mħarrġa fi Stat Membru ieħor
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja (INFR(2025)0184) u lill-Portugall (INFR(2025)0192) talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri li jittrasponu għalkollox fid-dritt nazzjonali d-Direttiva (UE) 2024/505 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali tal-infermiera responsabbli għall-kura ġenerali mħarrġa fir-Rumanija. L-Istati Membri kellhom sal-4 ta' Marzu 2025 biex jittrasponu d-Direttiva. Id-Direttiva għandha l-għan li tiffaċilita r-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba mill-infermiera Rumeni responsabbli għall-kura ġenerali li bdew it-taħriġ professjonali tagħhom qabel ma r-Rumanija ssieħbet fl-UE u li segwew programm imfassal biex jaġġornaw il-kwalifiki tagħhom ħalli jissodisfaw ir-rekwiżiti minimi ta' taħriġ tal-UE. It-traspożizzjoni sħiħa tar-regoli tal-UE hija kruċjali biex jiġi żgurat li l-gradwati tal-programm ikunu jistgħu jibbenefikaw minn proċess ta' rikonoxximent simplifikat għall-aċċess għall-professjoni ta' infermiera responsabbli għall-kura ġenerali fi Stati Membri oħra. Wara l-ittri ta' intimazzjoni mibgħuta lill-Greċja u lill-Portugall f'Mejju 2026, il-Kummissjoni vvalutat il-miżuri nnotifikati miż-żewġ Stati Membri. Għalkemm sar xi progress, il-miżuri notifikati għadhom ma jiżgurawx it-traspożizzjoni sħiħa tad-Direttiva. Għalhekk, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Greċja u lill-Portugall, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jittrasponu d-Direttiva. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'talba għal sanzjonijiet finanzjarji.
Il-Kummissjoni tappella lill-Italja biex tallinja l-leġiżlazzjoni tagħha dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-imħallfin onorarji mad-dritt tal-UE
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lill-Italja (INFR(2025)2159) rigward l-imħallfin onorarji li kienu diġà fis-servizz fil-15 ta' Awwissu 2017. Id-dritt Taljan jeżiġi li dawn l-imħallfin onorarji jirrinunzjaw għad-drittijiet mis-servizz onorarju preċedenti tagħhom, inkluż id-drittijiet ibbażati fuq id-dritt tal-UE, biex jiksbu l-istatus ta' impjieg permanenti. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja (il-kawża C-253/24, Pelavi) iddeċidiet li tali rinunzji jmorru kontra d-dritt tal-UE. Barra minn hekk, il-Kummissjoni identifikat trattament diskriminatorju ta' dawn l-imħallfin abbażi tad-drittijiet tax-xogħol part-time jew għal żmien fiss. It-tweġiba tal-Italja għall-avviż formali tal-Kummissjoni ma solvietx dawn l-ilmenti. Wara l-ittra ta' intimazzjoni mibgħuta lill-Italja f'Lulju 2021, il-Kummissjoni vvalutat il-miżuri u l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-awtoritajiet Taljani u kkonkludiet li dawn ma jindirizzawx b'mod sodisfaċenti l-ksur identifikat tad-dritt tal-UE. Għalhekk, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-awtoritajiet Taljani, li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każ quddiem il-Qorti.
Il-Kummissjoni tappella lill-Greċja, lil Spanja, lil Ċipru, lin-Netherlands, lill-Polonja, lis-Slovakkja biex jinkorporaw għalkollox ir-regoli tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mill-asbestos fid-dritt nazzjonali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tibgħat opinjonijiet motivati lill-Greċja (INFR(2026)055), lil Spanja (INFR(2026)0062), lil Ċipru (INFR(2026)0026), lin-Netherlands (INFR(2026)0110), lill-Polonja (INFR(2026)0117) u lis-Slovakkja (INFR(2026)0148) talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri li jittrasponu bis-sħiħ fid-dritt nazzjonali r-regoli l-ġodda tal-UE dwar il-protezzjoni tal-ħaddiema mir-riskji relatati mal-esponiment għall-asbestos fuq il-post tax-xogħol. L-asbestos huwa sustanza perikoluża li tikkawża l-kanċer. Madwar 75 % tal-kanċers kawża tal-post tax-xogħol fl-UE huma marbuta ma' din is-sustanza. Id-Direttiva (UE) 2023/2668 tistabbilixxi regoli għat-titjib tal-protezzjoni tal-ħaddiema kontra din is-sustanza perikoluża. L-Istati Membri kienu meħtieġa jittrasponu l-biċċa l-kbira tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva fid-dritt nazzjonali sal-21 ta' Diċembru 2025, u l-bqija tad-dispożizzjonijiet sal-21 ta' Diċembru 2029. Fost l-ewwel sett ta' dispożizzjonijiet hemm tnaqqis fil-limitu ta' esponiment tal-asbestos fuq ix-xogħol għal għaxra fil-mija tal-valur preċedenti (minn 0.1 għal 0.01 fibri għal kull ċentimetru kubu), abbażi tal-aħħar żviluppi xjentifiċi u teknoloġiċi. Fit-30 ta' Jannar 2026, il-Kummissjoni bagħtet ittri ta' intimazzjoni lil għaxar Stati Membri talli naqsu milli jinnotifikaw il-miżuri li jinkorporaw ir-regoli l-ġodda tal-UE fid-dritt nazzjonali fil-ħin. Minn dak iż-żmien 'l hawn, erba' Stati Membri nnotifikaw tali miżuri. Illum, il-Kummissjoni ddeċidiet li tibgħat opinjoni motivata lis-sitt Stati Membri li baqa', li issa għandhom xahrejn biex iwieġbu u jieħdu l-miżuri meħtieġa. Inkella, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li tressaq il-każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea b'talbiet għal sanzjonijiet finanzjarji.
Tressiq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lill-Greċja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja minħabba kundizzjonijiet ta' impjieg diskriminatorji għall-għalliema fl-iskejjel pubbliċi
llum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lill-Greċja (INFR(2024)4013) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) talli naqset milli tagħmel il-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħha totalment konformi mad-Direttiva dwar xogħol għal żmien fiss (id-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE), li tipprojbixxi d-diskriminazzjoni kontra l-ħaddiema għal żmien fiss. Id-dritt Grieg fih kundizzjonijiet ta' impjieg inqas favorevoli għall-għalliema għal żmien fiss li jaħdmu fl-iskejjel pubbliċi meta mqabbla mal-għalliema permanenti, pereżempju rigward il-liv tal-maternità u l-liv tal-mard. Il-Kummissjoni nediet din il-proċedura ta' ksur f'Lulju 2024 billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lill-awtoritajiet Griegi. L-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Greċja fit-tweġiba tagħha biex tiġġustifika d-differenzi fit-trattament ma kinux sodisfaċenti. F'Mejju 2025, il-Kummissjoni bagħtet opinjoni motivata lill-Greċja. Il-Kummissjoni jidhrilha li l-ispjegazzjonijiet ipprovduti mill-Greċja għadhom insuffiċjenti u għalhekk qiegħda tressaq lill-Greċja quddiem il-QĠUE. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
Il-Kummissjoni tiddeċiedi li tressaq lil Spanja quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward tar-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali
Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tressaq lil Spanja (INFR(2018)2306) quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (QĠUE) talli naqset milli tallinja r-regoli tagħha mad-Direttiva dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (id-Direttiva 2005/36/KE), li tiżgura li l-kwalifiki tal-professjonisti kkwalifikati bis-sħiħ ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti f'pajjiż ieħor tal-UE, kif ukoll mal-Artikoli 45 u 49 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). Il-każ jikkonċerna lit-tradutturi u lill-interpreti ġuramentati. Ir-regoli nazzjonali ta' Spanja ma jallinjawx għalkollox mar-rekwiżiti tad-Direttiva u tat-TFUE, b'mod partikolari dwar ir-rikonoxximent ta' tradutturi u interpreti ġuramentati li jkunu jixtiequ jistabbilixxu ruħhom b'mod permanenti fi Spanja jew jipprovdu servizzi transfruntiera temporanji. Minkejja l-impenji preċedenti, Spanja ma ħaditx il-miżuri meħtieġa biex tallinja r-regoli tagħha mad-Direttiva u mat-TFUE. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tressaq lil Spanja quddiem il-QĠUE. Aktar informazzjoni tinsab fl-istqarrija għall-istampa.
12. Ġlieda Kontra l-Frodi
(Għal aktar informazzjoni: Balazs Ujvari - Tel.: +32 229-54578; Isabel Otero Banderas – Tel.: +32 229-66925)
Ittra ta' intimazzjoni
Il-Kummissjoni tappella lil Ċipru biex jirrispetta r-Regolament OLAF
l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tiftaħ proċedura ta' ksur billi bagħtet ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru (INFR(2026)2054) talli naqset milli tikkonforma mal-obbligu tagħha skont id-dritt tal-Unjoni stabbilit mill-Artikolu 7(3a) tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 (ir-“Regolament OLAF”). Din hija t-tieni proċedura ta' ksur li l-Kummissjoni fetħet kontra Stat Membru dwar dan is-suġġett, wara dik li nfetħet mal-Irlanda fl-4 ta' Ġunju 2026. Ir-Regolament OLAF jirregola l-ħidma tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) biex jipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Unjoni Ewropea. Fl-2020, ir-Regolament OLAF ġie emendat u introduċa dispożizzjonijiet speċifiċi biex jiġi ċċarat id-dmir tal-Istati Membri li jassistu lill-OLAF u jipprovdu, meta jkunu mitluba, informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji u rekords tat-tranżazzjonijiet bankarji. Skont id-dritt Ċiprijott, l-OLAF mhux se jiġi pprovdut b'tali informazzjoni fil-kuntest tal-investigazzjonijiet amministrattivi fejn ma jeżisti l-ebda suspett raġonevoli ta' reat kriminali. Għalhekk, id-dritt Ċiprijott imur kontra l-Artikolu 7(3a) tar-Regolament dwar l-OLAF, u dan ifixkel b'mod sinifikanti r-riżultati tal-investigazzjoni tal-OLAF. Għalhekk, il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ittra ta' intimazzjoni lil Ċipru, li issa għandu xahrejn biex jissottometti l-osservazzjonijiet tiegħu u jindirizza n-nuqqasijiet li qajmet il-Kummissjoni. Fin-nuqqas ta' tweġiba sodisfaċenti, il-Kummissjoni tista' tiddeċiedi li toħroġ opinjoni motivata, kif previst fl-Artikolu 258 tat-TFUE.
- Data tal-pubblikazzjoni
- 8 Lulju 2026
- Awtur
- Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta