Illum il-Kummissjoni qed tippreżenta l-ambizzjoni tagħha għal Ewropa Soċjali b'saħħitha li tiffoka fuq l-impjiegi u l-ħiliet għall-futur u twitti t-triq għal irkupru soċjoekonomiku ġust, inklużiv u reżiljenti.
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jiddefinixxi għadd ta' azzjonijiet konkreti biex titkompla l-implimentazzjoni tal-prinċipji tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali bħala sforz konġunt mill-Istati Membri u mill-UE, bl-involviment attiv tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili. Apparti hekk, jipproponi miri ewlenin għall-UE li jridu jintlaħqu sal-2030 għall-impjiegi, għall-ħiliet u għall-protezzjoni soċjali.
Din hija l-opportunità li għandha l-Ewropa biex taġġorna r-regoli soċjali tagħha u ssib it-triq it-tajba fost il-bidliet li qegħdin isiru minħabba żviluppi ġodda soċjetali, teknoloġiċi u ekonomiċi, u minħabba l-konsegwenzi soċjoekonomiċi tal-pandemija. Il-Kummissjoni diġà bdiet tattwa l-prinċipji tal-Pilastru billi fl-2020 ipproponiet inizjattivi bħall-Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ u Pagi Minimi Adegwati. Illum il-Kummissjoni qiegħda tippreżenta wkoll Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE), biex issostni rkupru li joffri ħafna impjiegi.
Il-Viċi President Eżekuttiv għal Ekonomija għas-servizz tan-Nies, Valdis Dombrovskis qal: “L-irkupru ekonomiku tagħna jeħtieġ li jkun inklużiv, ġust u li joffri ħafna impjiegi. Għalhekk il-Kummissjoni qed tipproponi aġenda ambizzjuża għall-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali u qed tistieden lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-impjiegi b'mod attiv waqt l-istadju tal-irkupru wara l-kriżi tal-COVID-19. B'din nixtiequ nimmarkaw l-importanza ta' tranżizzjoni gradwali mill-politiki ta' emerġenza lejn politiki ta' rkupru għas-swieq tax-xogħol tagħna, li l-UE se tappoġġa bil-fondi mis-sorsi disponibbli - fosthom il-Fond Soċjali Ewropew Plus (ESF+) u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.”
Il-Kummissarju għall-Impjiegi u d-Drittijiet Soċjali, Nicolas Schmit, qal: “Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali huwa l-punt ta' referenza li żammejna quddiem għajnejna biex nibnu Ewropa soċjali b'saħħitha. Issa se nagħtuh ħajja ġdida billi naġixxu skont il-prinċipji tiegħu. Fost il-prijoritajiet tagħna huma l-ħolqien tal-impjiegi u li niżguraw li n-nies ikollhom il-ħiliet li jaqblu ma' dawk l-impjiegi. Dan huwa l-għan tal-EASE. Għandna wkoll id-dmir kollettiv li niġġieldu l-faqar u noħolqu soċjetà inklużiva fl-UE. F'dan, kollha kemm aħna għandna rwol. Nistenna bil-ħeġġa impenn ġdid favur id-drittijiet soċjali waqt is-Summit Soċjali ta' Mejju.”
Il-miri tal-UE għal ambizzjoni komuni li jridu jintlaħqu sal-2030
Il-Pjan ta' Azzjoni jistabbilixxi tliet miri ewlenin għall-UE li jridu jintlaħqu sal-2030:
- Jeħtieġ li mill-inqas 78% tan-nies ta' bejn l-20 u l-64 sena jkollhom impjieg.
- Mill-inqas 60% tal-adulti għandhom jipparteċipaw f'xi taħriġ kull sena.
- L-għadd ta' nies fir-riskju tal-faqar jew tal-esklużjoni soċjali jrid jonqos b'mill-inqas 15-il miljun.
Il-miri ewlenin li jridu jintlaħqu sal-2030 huma konsistenti mal-Mira ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU, u jistabbilixxu ambizzjoni komuni favur Ewropa Soċjali b'saħħitha. Flimkien ma' Tabella ta' Valutazzjoni Soċjali riveduta, dawn se jippermettu lill-Kummissjoni tissorvelja l-progress tal-Istati Membri fil-qafas tas-Semestru Ewropew. Il-Kummissjoni tistieden lill-Kunsill Ewropew biex japprova dawn it-tliet miri u jagħmel appell lill-Istati Membri biex jiddefinixxu l-miri nazzjonali tagħhom biex jikkontribwixxu għal dan l-isforz.
Nagħtu Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi (EASE)
Bħala azzjoni konkreta skont il-Prinċipju 4 tal-Pilastru, il-Kummissjoni llum qed tippreżenta Rakkomandazzjoni dwar l-Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi wara l-kriżi tal-COVID-19 (EASE). Permezz ta' din ir-Rakkomandazzjoni l-Kummissjoni tagħti gwida konkreta lill-Istati Membri dwar il-miżuri ta' politika u l-possibbiltajiet ta' finanzjament mill-UE li jgħinhom jagħmlu t-tranżizzjoni gradwali mill-miżuri ta' emerġenza li ħadu għall-protezzjoni tal-impjiegi waqt il-kriżi attwali, sakemm jaslu għal miżuri ġodda meħtieġa għall-irkupru li fih jinħolqu ħafna impjiegi. Ir-Rakkomandazzjoni tippromwovi l-ħolqien tal-impjiegi u t-tranżizzjoni mill-impjiegi f'setturi li qegħdin jonqsu lejn setturi li qegħdin jespandu, b'mod partikolari fis-settur diġitali u fis-settur ekoloġiku. Dawn il-miżuri l-ġodda jrid ikollhom tliet elementi: (1) inċentivi għall-impriżi biex jimpjegaw lin-nies, u appoġġ għall-imprenditorija; (2) opportunitajiet ta' titjib tal-ħiliet u ta' taħriġ mill-ġdid; (3) aktar appoġġ mis-servizzi tal-impjiegi. Jeżistu fondi tal-UE, fosthom mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u mill-Fond Soċjali Ewropew Plus li jistgħu jintużaw biex jgħinu lill-Istati Membri jiffinanzjaw il-miżuri tal-EASE.
Il-kuntest
Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħabbru l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali fl-2017 fis-Summit ta' Gothenburg. Il-Pilastru jiddefinixxi 20 prinċipju u dritt ewlenin li huma essenzjali għal swieq tax-xogħol u sistemi tal-protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb fl-Ewropa tas-Seklu 21. Il-Pilastru huwa maqsum fi tliet kapitli: (1) Opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol: (2) Kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti (3) Il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali.
Il-Kummissjoni diġà ppreżentat diversi azzjonijiet ibbażati fuq il-Pilastru, bħall-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa (il-Prinċipju 1), l-Istrateġija dwar l-Ugwaljanza bejn il-Ġeneri (il-Prinċipju 2), il-Pjan ta' Azzjoni tal-UE għall-ġlieda kontra r-razziżmu (il-Prinċipju 3), pakkett ta' Appoġġ għall-Impjieg taż-Żgħażagħ (il-Prinċipju 4), u proposta ta' Direttiva dwar Pagi Minimi Adegwati (il-Prinċipju 6).
Fl-istess ġimgħa li tadotta l-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru, il-Kummissjoni qed tadotta proposta għal Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi (il-Prinċipju 2) u Strateġija ġdida favur id-Drittijiet għall-Persuni b'Diżabbiltà 2021 - 2030 (il-Prinċipju 17). Azzjonijiet tal-UE li se jitħabbru fl-2021 fost oħrajn jinkludu l-Garanzija Ewropea għat-Tfal (il-Prinċipju 11), Qafas Strateġiku tal-UE ġdid dwar is-Saħħa u s-Sikurezza Okkupazzjonali (il-Prinċipju 10), inizjattiva favur it-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol għan-nies li jaħdmu permezz tal-pjattaformi diġitali (il-Prinċipji 5 u 12), u Pjan ta' Azzjoni għall-Ekonomija Soċjali.
Din l-ispinta l-ġdida fuq id-drittijiet soċjali se tuża u ssaħħaħ il-momentum li nħalaq bil-baġit ambizzjuż u għal żmien twil tal-UE ta' EUR1.8 triljun, u bl-Istrument tal-Unjoni Ewropea għall-Irkupru NextGenerationEU. Dawn se jipprovdu l-opportunitajiet ta' finanzjament mill-UE għall-Istati Membri biex jappoġġaw Ewropa Soċjali b'saħħitha. Dan jinkludi għajnuna mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li biha jiġu ffinanzjati pakketti ta' riformi u investimenti koerenti li jissodisfaw il-ħtiġiet tas-suq tax-xogħol, tal-ħiliet u tal-isfidi soċjali identifikati fir-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew speċifiċi għal kull pajjiż.
Is-Summit Soċjali ta' Porto, organizzat mill-Presidenza Portugiża tal-Kunsill tal-UE f'Mejju tal-2021 se jiffoka fuq kif irridu nagħmlu biex insaħħu d-dimensjoni soċjali tal-Ewropa biex niffaċċaw l-isfidi ta' rkupru ġust, inklużiv u reżiljenti, u t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Is-Summit se jkun okkażjoni biex ningħaqdu biex fl-ogħla livell politiku nġeddu l-impenn li nimplimentaw il-Pilastru Soċjali. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru huwa l-kontribut tal-Kummissjoni għas-Summit Soċjali ta' Porto.
Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru jibbaża fuq konsultazzjoni pubblika wiesgħa fejn intbagħtu aktar minn 1000 kontribuzzjoni bil-miktub mill-Istati Membri, mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE, mir-reġjuni, mill-bliet, mis-sħab soċjali, minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, minn gruppi ta' riflessjoni u minn ċittadini privati. Barra minn hekk, il-Kummissjoni mexxiet webinars apposta ma' aktar minn 1500 individwu kkonċernat.
Għal aktar informazzjoni:
Mistoqsijiet u Tweġibiet: il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Skeda informattiva: Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Skeda informattiva: Appoġġ Attiv Effettiv għall-Impjiegi (EASE)
Komunikazzjoni: Il-Pjan ta' Azzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali
Rapport tal-Ewrobarometru dwar kwistjonijet soċjali
Dettalji
- Data tal-pubblikazzjoni
- 4 Marzu 2021