Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet9 Frar 2022Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta5 min qari

Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni: l-akbar opportunitajiet ta' finanzjament annwali biex l-innovaturi jkabbru

Business

Illum il-Kummissjoni adottat il-programm ta' ħidma għall-2022 tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni. Dan joffri opportunitajiet ta' finanzjament b'valur li jaqbeż il-€ 1.7 biljun fl-2022 biex l-innovaturi rivoluzzjonarji jespandu u joħolqu swieq ġodda, pereżempju fil-computing kwantistiku, il-batteriji tal-ġenerazzjoni l-ġdida u t-terapija tal-ġeni. Imniedi f'Marzu 2021 bħala novità ewlenija tal-programm Orizzont Ewropa, il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni għandu baġit totali ta' aktar minn €10 biljun bejn l-2021 u l-2027.

Mariya Gabriel, il-Kummissarju għall-Innovazzjoni, ir-Riċerka, il-Kultura, l-Edukazzjoni u ż-Żgħażagħ, qalet: “Il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni diġà appoġġa 4 “unicorns” u aktar minn 90 “centaur”. Il-programm ta' ħidma għal din is-sena huwa appoġġat mill-akbar finanzjament annwali li qatt sar għall-intraprendituri u r-riċerkaturi viżjonarji, kif ukoll minn miżuri ġodda li jappoġġaw l-innovaturi nisa u n-negozji li qed jespandu. L-Ewropa hija impenjata li tappoġġa l-innovazzjoni u t-teknoloġiji l-ġodda u ninsabu fit-triq it-tajba biex nilħqu l-ambizzjoni tagħna li jkollna l-fabbrika “unicorn” tal-EIC tal-Ewropa.”

X'hemm ġdid fil-programm ta' ħidma għall-2022?

Il-programm ta' ħidma għall-2022 tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) għandu diversi elementi ġodda li jissimplifikaw il-proċess tal-applikazzjoni u li jikkontribwixxu għall-politiki tal-UE.

Novitajiet

  • Inizjattiva ġdida tal-EIC Scale-Up 100: Wara li diġà appoġġa aktar minn 2600 negozju żgħir u medju (SMEs) u negozji ġodda mill-2018 lil hawn, l-EIC qed jintroduċi l-inizjattiva EIC Scale-up 100 biex jidentifika 100 kumpanija promettenti tal-UE b'teknoloġija profonda li għandhom il-potenzjal li jsiru “unicorns” (b'valwazzjoni ta' aktar minn €1 biljun).
  • Investimenti fl-ekwità 'l fuq minn €15-il miljun: L-Aċċelleratur tal-EIC se jippermetti lill-kumpaniji li jaħdmu fuq teknoloġiji ta' interess strateġiku Ewropew japplikaw għal investimenti tal-EIC ta' aktar minn €15-il miljun. 
  • Appoġġ aktar b'saħħtu għall-innovaturi nisa:
    • Se jiġi żviluppat indiċi tal-innovazzjoni bejn is-sessi u d-diversità biex jiġu identifikati l-lakuni u titħeġġeġ id-diversità fi ħdan il-kumpaniji. Dan se jipprovdi informazzjoni konsistenti lill-investituri, lill-finanzjaturi, lill-klijenti u lil dawk li jfasslu l-politika.
    • L-edizzjoni tal-2022 tal-Premju tal-UE għall-Innovaturi Nisa se tinkludi żewġ premjijiet addizzjonali għall-innovaturi taħt il-35 sena – għalhekk, b'kollox se jingħataw sitt premjijiet: tliet premjijiet lill-innovaturi nisa l-aktar ta' ispirazzjoni madwar l-UE u l-pajjiżi assoċjati ma' Orizzont Ewropa, u tliet premjijiet għall-aktar “Rising Innovators” promettenti taħt l-età ta' 35 sena.

Kontribuzzjoni għall-prijoritajiet ta' politika

Il-programm ta' ħidma għall-2022 jistabbilixxi sett aġġornat ta' “Sfidi tal-EIC”. L-Isfidi tal-EIC jipprovdu opportunitajiet ta' finanzjament f'oqsma tematiċi b'aktar minn €500 miljun għan-negozji ġodda biex jiżviluppaw teknoloġiji li se jikkontribwixxu għall-mira tal-UE li jitnaqqsu l-emissjonijiet netti ta' gassijiet serra b'mill-inqas 55% sal-2030, kif ukoll għall-bini ta' awtonomija strateġika fit-teknoloġiji kwantistiċi, spazjali u mediċi ġodda.

Simplifikazzjoni

L-EIC jistinka biex itejjeb kontinwament il-proċessi tiegħu għall-benefiċċju tal-applikanti tiegħu:

  • Il-kumpaniji pendenti kollha li ma jistgħux jiġu ffinanzjati mill-EIC minħabba restrizzjonijiet baġitarji se jirċievu awtomatikament is-Siġill ta' Eċċellenza, li jista' jgħinhom jiksbu finanzjament minn għodod oħra ta' finanzjament tal-UE, bħall-Fondi Strutturali, il-Fondi ta' Rkupru jew sorsi oħra. 
  • Fl-2022, se jinfetħu applikazzjonijiet aktar frekwenti għat-Tranżizzjoni u l-Aċċelleratur tal-EIC, bi proċess kontinwu ta' applikazzjoni introdott għat-Tranżizzjoni tal-EIC. Barra minn hekk, l-applikanti għat-tieni darba għall-Aċċelleratur tal-EIC se jkunu jistgħu jiddeskrivu u jiddefendu t-titjib li jkunu għamlu meta jissottomettu l-applikazzjoni mill-ġdid. 

Il-finanzjament u l-appoġġ tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni fl-2022

  • Il-Pathfinder tal-EIC (€350 miljun) għal timijiet ta' riċerka multidixxiplinari sabiex titwettaq riċerka viżjonarja bil-potenzjal li twassal għal skoperti teknoloġiċi.
  • It-Tranżizzjoni tal-EIC (€131 miljun) biex ir-riżultati tar-riċerka jinbidlu f'opportunitajiet ta' innovazzjoni, b'enfasi fuq ir-riżultati ġġenerati mill-proġetti Pathfinder tal-EIC u l-proġetti tal-Prova tal-Kunċett tal-Kunsill Ewropew tar-Riċerka, biex jiġu mmaturati t-teknoloġiji u jinbena każ ta' negozju għal applikazzjonijiet speċifiċi.
  • L-Aċċelleratur tal-EIC (€1.16 biljun) għal negozji ġodda u SMEs sabiex jiġu żviluppati u estiżi innovazzjonijiet ta' impatt għoli bil-potenzjal li joħolqu swieq ġodda jew ifixklu dawk eżistenti.

Il-proġetti kollha tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni għandhom aċċess għas-Servizzi tal-Aċċelerazzjoni tan-Negozju, li jipprovdu coaches, mentors u għarfien espert, opportunitajiet ta' sħubija ma' korporattivi, ma' investituri u oħrajn, u firxa ta' servizzi u ta' avvenimenti.

Wara l-pubblikazzjoni tal-Programm ta' Ħidma, nhar it-Tlieta 22 ta' Frar se jkun jum ta' informazzjoni li matulu tingħata informazzjoni dwar kif jaħdem il-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni, kif wieħed japplika għall-finanzjament, min huwa eliġibbli u x'inhuma n-novitajiet ta' din is-sena. Is-sessjonijiet se jinkludu informazzjoni dwar opportunitajiet ta' finanzjament għat-timijiet ta' riċerka, għall-istartups, għall-SMEs u għall-investituri.

Sfond 

L-EIC ġie varat f'Marzu 2021 bħala novità ewlenija fil-qafas tal-programm Orizzont Ewropa, u wara fażi pilota ta' suċċess bejn l-2018 u l-2020. Għandu baġit ta' aktar minn €10 biljun bejn l-2021 u l-2027. L-istrateġija u l-implimentazzjoni tiegħu huma mmexxija mill-Bord tal-EIC, li għandu membri indipendenti maħtura mid-dinja tal-innovazzjoni (intraprendituri, riċerkaturi, investituri, korporattivi u oħrajn mill-ekosistema tal-innovazzjoni). Il-Bord tal-EIC approva l-programm ta' ħidma tal-2022.

L-EIC jieħu approċċ proattiv għall-ġestjoni tal-finanzjament taħt it-tmexxija tal-Maniġers tal-Programm tal-EIC li jiżviluppaw viżjonijiet għal skoperti rivoluzzjonarji fl-innovazzjoni u t-teknoloġija u jidderieġu l-portafolli ta' proġetti biex jintlaħqu dawn l-għanijiet.

L-EIC beda l-implimentazzjoni qabel il-biċċa l-kbira tal-partijiet l-oħra ta' Orizzont Ewropa u diġà għażel għall-finanzjament 164 SME u negozju ġdid, 56 proġett ta' riċerka mill-aktar avvanzati u 29 proġett biex jieħu teknoloġiji rivoluzzjonarji mil-laboratorju għad-dinja reali.

Matul il-fażi pilota tiegħu mill-2018 sal-2020 u billi jinkorpora l-iskemi preċedenti tal-SMEs u tat-Teknoloġija Futura u Emerġenti, l-EIC:

  • Appoġġa aktar minn 5500 negozju ġdid u SMEs innovattivi mill-Ewropa kollha, kif ukoll aktar minn 400 proġett ta' riċerka mill-aktar avvanzati.
  • In-negozji ġodda appoġġati mill-EIC sussegwentement attiraw kważi €10 biljun f'investimenti. Ħafna qed jespandu b'suċċess, bħalissa b'aktar minn 90 “centaurs” u 4 “unicorns”.
  • Għadd dejjem jikber ta' negozji ġodda mmexxija min-nisa: minn dawk li ngħataw finanzjament fit-tieni nofs ta' 2020 29% għandhom CEO mara, meta mqabbel ma' 8% tal-kumpaniji ffinanzjati fl-ewwel nofs tal-2020.
  • Il-Fond tal-EIC, stabbilit fl-2020, beda jiġi operat bis-sħiħ:
    • Deċiżjonijiet ta' investiment meħuda fuq 141 kumpanija b'valur ta' aktar minn €630 miljun.
    • L-ewwel 24 investiment dirett fl-ekwità mill-Fond EIC attiraw koinvestimenti minn fondi VC u oħrajn ta' €395 miljun (2.7 darbiet l-investiment tal-Fond tal-EIC).

Għal aktar informazzjoni

Il-Programm ta' Ħidma tal-EIC għall-2022

Skedi Informattivi dwar il-programm ta' ħidma tal-EIC għall-2022:

Ir-Rapport tal-impatt tal-EIC għall-2021

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
9 Frar 2022
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta