Mur għall-kontenut ewlieni
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 18 Novembru 2021
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 6 min qari

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew: Il-Kummissjoni tadotta proposti ġodda biex twaqqaf id-deforestazzjoni, tinnova l-ġestjoni sostenibbli tal-iskart u tagħmel il-ħamrija f'saħħitha għan-nies, għan-natura u għall-klima

Forest

Illum, il-Kummissjoni adottat tliet inizjattivi ġodda li huma meħtieġa biex il-Patt Ekoloġiku Ewropew isir realtà. Il-Kummissjoni qed tipproponi regoli ġodda biex trażżan id-deforestazzjoni xprunata mill-UE, kif ukoll regoli ġodda biex tiffaċilita l-vjeġġi ta' skart intra-UE biex tippromwovi l-ekonomija ċirkolari u tindirizza l-esportazzjoni ta' skart illegali u l-isfidi tagħha fir-rigward tal-iskart lejn pajjiżi terzi. Il-Kummissjoni qed tippreżenta wkoll strateġija ġdida dwar il-Ħamrija biex sal-2050 il-ħamrija Ewropea kollha tiġi restawrata u tkun reżiljenti u protetta kif xieraq. Bil-proposti tal-lum, il-Kummissjoni qed tippreżenta l-għodod li jgħinuna biex noqorbu lejn ekonomija ċirkolari, nipproteġu n-natura u nelevaw l-istandards ambjentali fl-Unjoni Ewropea u fid-dinja.

Il-Viċi President Eżekuttiv għall-Patt Ekoloġiku Ewropew Frans Timmermans qal: “Biex nirnexxu fil-ġlieda globali kontra l-kriżijiet tal-klima u tal-bijodiversità rridu nerfgħu r-responsabbiltà li naġixxu kemm f'pajjiżna kif ukoll barra minn pajjiżna. Ir-Regolament tagħna dwar id-deforestazzjoni jindirizza t-talbiet taċ-ċittadini biex jiġi minimizzat il-kontribut Ewropew għad-deforestazzjoni u biex jiġi promoss il-konsum sostenibbli. Ir-regoli l-ġodda tagħna, maħsuba biex jirregolaw il-vjeġġi tal-iskart, se jagħtu spinta lill-ekonomija ċirkolari u jiżguraw li l-esportazzjonijiet ta' skart ma jagħmlux ħsara lill-ambjent jew lis-saħħa tal-bniedem fi bnadi oħra. Barra minn hekk, l-istrateġija tagħna dwar il-ħamrija se tippermetti li l-ħamrija ssir f'saħħitha, tintuża b'mod sostenibbli u tirċievi l-protezzjoni legali li teħtieġ.” 

Il-Kummissarju għall-Ambjent, l-Oċeani u s-Sajd, Virginijus Sinkevičiusqal: Jekk nippretendu politiki klimatiċi u ambjentali aktar ambizzjużi mis-sħab tagħna, għandna nieqfu milli nesportaw it-tniġġis u milli nappoġġaw id-deforestazzjoni aħna stess. Ir-regolamenti dwar id-deforestazzjoni u dwar il-vjeġġi tal-iskart li qed nipproponu huma l-aktar tentattivi leġiżlattivi ambizzjużi biex nindirizzaw dawn il-kwistjonijiet madwar id-dinja kollha. B'dawn il-proposti, qed nerfgħu r-responsabbiltà tagħna u nagħmlu dak li ngħidu billi nnaqqsu l-impatt globali tagħna fuq it-tniġġis u t-telfien tal-bijodiversità. Ressaqna wkoll strateġija innovattiva tal-UE dwar il-ħamrija b'aġenda politika b'saħħitha li għandha l-għan li tagħtiha l-istess livell ta' protezzjoni bħal dak li jingħata lill-ilma, lill-ambjent tal-baħar u lill-arja.”

Il-Kummissjoni qed tipproponi Regolament ġdid biex titrażżan id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti xprunati mill-UE. Mill-1990 sal-2020 biss, id-dinja tilfet 420 miljun ettaru ta' foresta — erja akbar mill-Unjoni Ewropea. Ir-regoli l-ġodda proposti jiggarantixxu li l-prodotti li ċ-ċittadini tal-UE jixtru, jużaw u jikkunsmaw fis-suq tal-UE ma jikkontribwux għad-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti globali. L-ixprun ewlieni ta' dawn il-proċessi huwa l-espansjoni tal-art agrikola li hija marbuta mal-komoditajiet tas-sojja, il-laħam taċ-ċanga, iż-żejt tal-palm, l-injam, il-kawkaw u l-kafè, u ma' xi wħud mill-prodotti dderivati minnhom.

Ir-Regolament jistabbilixxi regoli obbligatorji dwar id-diliġenza dovuta għall-kumpaniji li jridu jqiegħdu dawn il-komoditajiet fis-suq tal-UE bil-għan li jiġi żgurat li fis-suq tal-UE jkunu permessi biss prodotti legali u mingħajr deforestazzjoni. Il-Kummissjoni se tuża sistema ta' parametraġġ referenzjarju biex tivvaluta l-pajjiżi u l-livell ta' riskju tagħhom ta' deforestazzjoni u degradazzjoni tal-foresti xprunat mill-komoditajiet koperti fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament.

Il-Kummissjoni se tintensifika d-djalogu ma' pajjiżi konsumaturi kbar oħra u se timpenja ruħha fuq livell multilaterali favur il-ħolqien ta' sforzi kollettivi. Permezz tal-promozzjoni tal-konsum ta' prodotti “mingħajr deforestazzjoni” u tat-tnaqqis tal-impatt tal-UE fuq id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti globali, ir-regoli l-ġodda huma mistennija jwasslu għal tnaqqis fl-emissjonijiet tal-gassijiet serra u fit-telfien tal-bijodiversità. Fl-aħħar nett, l-indirizzar tad-deforestazzjoni u tad-degradazzjoni tal-foresti se jkollu impatti pożittivi fuq il-komunitajiet lokali, inklużi l-persuni l-aktar vulnerabbli bħall-popli indiġeni, li jiddependu ħafna fuq l-ekosistemi tal-foresti.

Bir-Regolament rivedut dwar il-vjeġġi tal-iskart, il-Kummissjoni qed tagħti riżultati fir-rigward tal-ekonomija ċirkolari u l-ambizzjonijiet ta' tniġġis żero billi tipproponi regoli aktar b'saħħithom dwar l-esportazzjonijiet tal-iskart, sistema aktar effiċjenti għaċ-ċirkolazzjoni tal-iskart bħala riżorsa u azzjoni determinata kontra t-traffikar tal-iskart. L-esportazzjonijiet tal-iskart lejn pajjiżi li mhumiex fl-OECD se jkunu ristretti u permessi biss jekk il-pajjiżi terzi jkunu lesti li jirċievu ċertu skart u jekk ikunu jistgħu jimmaniġġjawh b'mod sostenibbli. Il-vjeġġi tal-iskart lejn il-pajjiżi tal-OECD se jiġu mmonitorjati u jistgħu jiġu sospiżi jekk jiġġeneraw problemi ambjentali serji fil-pajjiż tad-destinazzjoni. Skont il-proposta, il-kumpaniji kollha tal-UE li jesportaw skart 'il barra mill-UE għandhom jiżguraw li l-faċilitajiet li jirċievu l-iskart tagħhom ikunu soġġetti għal awditu indipendenti li juri li huma jimmaniġġjaw dan l-iskart b'mod li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent.

Fi ħdan l-UE, il-Kummissjoni qed tipproponi li l-proċeduri stabbiliti jiġu ssimplifikati b'mod konsiderevoli, u b'hekk isir aktar faċli biex l-iskart jerġa' jidħol fl-ekonomija ċirkolari, mingħajr ma jitbaxxa l-livell ta' kontroll meħtieġ. Dan jgħin biex id-dipendenza tal-UE fuq il-materja prima primarja titnaqqas u jappoġġa l-innovazzjoni u d-dekarbonizzazzjoni tal-industrija tal-UE biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tal-UE. Ir-regoli l-ġodda qed idaħħlu wkoll il-vjeġġi ta' skart fl-era diġitali billi jintroduċu l-iskambju elettroniku ta' dokumentazzjoni.

Ir-Regolament dwar il-vjeġġi tal-iskart ikompli jsaħħaħ l-azzjoni kontra t-traffikar tal-iskart, wieħed mill-aktar forom serji ta' reati ambjentali peress li l-vjeġġi illegali potenzjalment jammontaw sa 30 % tal-vjeġġi tal-iskart b'valur ta' €9.5 biljun fis-sena. It-titjib tal-effiċjenza u l-effettività tar-reġim ta' infurzar jinkludi t-twaqqif ta' Grupp ta' Infurzar tal-Vjeġġi tal-Iskart tal-UE, l-għoti tas-setgħa lill-Uffiċċju Ewropew ta' Kontra l-Frodi (OLAF) biex jappoġġa investigazzjonijiet tranżnazzjonali mill-Istati Membri tal-UE dwar it-traffikar tal-iskart, u l-provvediment ta' regoli aktar b'saħħithom dwar il-penali amministrattivi.

Finalment, il-Kummissjoni llum qed tippreżenta wkoll Strateġija ġdida tal-UE dwar il-Ħamrija — riżultat importanti tal-Patt Ekoloġiku Ewropewu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità għall-2030 biex tiġi indirizzata l-kriżi doppja tal-klima u tal-bijodiversità. Il-ħamrija f'saħħitha tagħtina 95 % tal-ikel li nieklu, tospita aktar minn 25 % tal-bijodiversità fid-dinja, u hija l-akbar raggruppament tal-karbonju terrestri fil-pjaneta. Madankollu, 70 % tal-ħamrija fl-UE mhijiex f'kundizzjoni tajba. L-Istrateġija tistabbilixxi qafas b'miżuri konkreti għall-protezzjoni, ir-restawr u l-użu sostenibbli tal-ħamrija u tipproponi sett ta' miżuri volontarji u legalment vinkolanti. Din l-istrateġija għandha l-għan li żżid il-karbonju tal-ħamrija fl-art agrikola, tiġġieled id-deżertifikazzjoni, tirrestawra l-art u l-ħamrija degradati, u tiżgura li sal-2050, l-ekosistemi kollha tal-ħamrija jkunu f'kundizzjoni tajba.

L-istrateġija titlob li l-istess livell ta' protezzjoni li jeżisti għall-ilma, għall-ambjent tal-baħar u għall-arja fl-UE jiġi żgurat għall-ħamrija. Dan se jsir permezz ta' proposta sal-2023 għal Liġi ġdida dwar is-Saħħa tal-Ħamrija, wara valutazzjoni tal-impatt u konsultazzjoni wiesgħa mal-partijiet ikkonċernati u mal-Istati Membri. L-istrateġija timmobilizza wkoll l-involviment tas-soċjetà u r-riżorsi finanzjarji meħtieġa, l-għarfien kondiviż, u tippromwovi l-prattiki tal-ġestjoni tal-ħamrija sostenibbli u l-monitoraġġ, filwaqt li tappoġġa l-ambizzjoni tal-UE għal azzjoni globali dwar il-ħamrija.

Għal aktar informazzjoni 

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar Regoli ġodda għal prodotti mingħajr deforestazzjoni

Skeda informattiva dwar Regoli ġodda għal prodotti mingħajr deforestazzjoni

Proposta għal Regolament ġdid biex titrażżan id-deforestazzjoni u d-degradazzjoni tal-foresti xprunati mill-UE

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar Regoli riveduti dwar il-vjeġġi tal-iskart

Skeda informattiva dwar Regoli riveduti dwar il-vjeġġi tal-iskart

Proposta għal Regolament rivedut dwar il-vjeġġi tal-iskart

Mistoqsijiet u Tweġibiet dwar l-Istrateġija dwar il-Ħamrija

Skeda informattiva dwar l-Istrateġija dwar il-Ħamrija

Strateġija ġdida tal-UE dwar il-Ħamrija

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
18 Novembru 2021
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta