Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Malti
Representation in Malta
Artiklu tal-aħbarijiet28 Ġunju 2023Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta

Industrija Ewropea tad-Difiża: il-Kummissjoni tinsab sodisfatta bil-ftehim politiku dwar l-appoġġ għall-akkwist komuni bejn l-Istati Membri

EU Flag

Il-Kummissjoni tinsab sodisfatta bil-ftehim politiku li ntlaħaq ilbieraħ bejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea dwar ir-Regolament li jistabbilixxi l-istrument għat-tisħiħ tal-industrija Ewropea tad-difiża permezz tal-akkwist komuni (EDIRPA), b'baġit ta' € 300 miljun.

L-EDIRPA se jinċentiva lill-Istati Membri biex jakkwistaw b'mod komuni l-aktar prodotti kritiċi u urġenti tad-difiża minħabba l-invażjoni mhux ġustifikata tar-Russja fl-Ukrajna. Dan se jsaħħaħ l-interoperabbiltà fost l-Istati Membri għall-istess prodotti, jiffaċilita l-iffrankar tal-kostijiet u jagħti spinta lill-kompetittività u l-effiċjenza tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea. L-akkwist komuni mill-Istati Membri huwa pass kbir 'il quddiem lejn suq Ewropew tad-difiża aktar integrat, billi joffri aktar prevedibbiltà lill-industrija Ewropea tad-difiża, filwaqt li jippermettilha tinvesti biex iżżid il-kapaċità tal-produzzjoni tagħha u tadatta għall-kuntest attwali tas-suq.

L-EDIRPA se jappoġġa lill-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jonfqu mill-inqas 35 % tal-baġit tagħhom għat-tagħmir fi programmi kollaborattivi Ewropej. Dan se jiġġieled kontra l-frammentazzjoni tad-domanda Ewropea li tagħmel ħsara lill-kompetittività tal-Bażi Industrijali u Teknoloġika tad-Difiża Ewropea.

B'mod komplementari għall-EDIRPA, il-koleġiżlaturi qed jaħdmu wkoll biex jiffinalizzaw in-negozjati dwar l-Att b'Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon ħalli jappoġġaw b'mod aktar dirett il-kapaċità industrijali biex jiġi prodott il-munizzjon għall-Ukrajna u għall-Istati Membri tal-UE, bħala parti mill-istrateġija dwar il-munizzjon bi tliet pilastri maqbula bejn il-mexxejja tal-UE.

Meta adottaw il-Boxxla Strateġika, l-Istati Membri ntrabtu li jżidu u jtejbu l-infiq fid-difiża biex jindirizzaw aħjar ir-realtajiet operazzjonali u t-theddid u l-isfidi l-ġodda. Billi jitħeġġeġ l-akkwist kollaborattiv, l-EDIRPA u l-Att b'Appoġġ għall-Produzzjoni tal-Munizzjon li jmiss se jappoġġaw din il-bidla sinifikanti fl-imġiba tal-Istati Membri.

Passi li Jmiss

Il-ftehim politiku li ntlaħaq bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni issa huwa suġġett għall-approvazzjoni formali mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. Il-Kummissjoni għandha l-għan li timplimenta l-EDIRPA malajr. Il-Kummissjoni se tħejji programm ta' ħidma, megħjuna mill-Istati Membri fil-Kumitat tal-Programm.

Kuntest

B'reazzjoni għas-Summit ta' Versailles ta' Marzu 2022, fit-18 ta' Mejju, il-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli/Viċi President Josep Borrellippreżentaw Komunikazzjoni Konġunta dwar id-diskrepanzi fl-investiment fid-difiża tal-UE u pproponew azzjonijiet kif għandhom jiġu indirizzati.

Ġew identifikati tliet dimensjonijiet tad-diskrepanza. L-ewwel dimensjoni tirrigwarda l-baġit — l-Istati Membri ma investewx biżżejjed fid-difiża matul dawn l-aħħar għoxrin sena; it-tieni tirrigwarda l-kapaċità — il-forzi armati tagħna jonqoshom ċerti faċilitaturi kritiċi, u t-tielet hija ta' natura industrijali — il-kapaċitajiet tal-manifattura tagħna fl-UE għat-tagħmir tad-difiża huma mfassla għal żmien ta' paċi.

Biex tgħin biex dawn l-isfidi jiġu indirizzati, il-Kummissjoni, flimkien mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, stabbiliet Task Force għall-Akkwist Konġunt fil-Qasam tad-Difiża biex tivvaluta l-aktar ħtiġijiet urġenti mill-Istati Membri u l-kapaċità tal-industrija tad-difiża tal-UE li tindirizzahom.

Fid-19 ta' Lulju 2022, il-Kummissjoni ppreżentat ir-Regolament dwar it-Tisħiħ tal-Industrija Ewropea tad-Difiża permezz tal-Akkwist Komuni(EDIRPA), li għandu l-għan li jsaħħaħ il-kapaċitajiet industrijali tad-difiża billi jappoġġa l-kooperazzjoni tal-Istati Membri dwar l-akkwist komuni tal-aktar prodotti tad-difiża urġenti u kritiċi.

Għal aktar Informazzjoni

Stqarrija għall-istampa dwar il-proposta dwar l-EDIRPA 

Test tar-Regolament dwar l-EDIRPA

Komunikazzjoni Konġunta dwar id-Diskrepanzi fl-Investiment fid-Difiża

 

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
28 Ġunju 2023
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta