Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Representation in Malta

Il-Kummissjoni Ewropea taħtar lil Maria Elena Despott bħala Kap tar-Rappreżentanza fil-Belt Valletta

  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 17 Settembru 2025
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 2 min qari
Maria Despott

Maria Elena Despott illum inħatret bħala l-Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta. F’dan ir-rwol, se tkun qed taġixxi bħala r-rappreżentant uffiċjali tal-Kummissjoni Ewropea f’Malta taħt l-awtorità politika tal-President Ursula von der Leyen. Id-data li fiha se tibda din il-kariga għad trid tiġi determinata.

Is-Sa Despott, Maltija, li għandha għarfien estensiv tal-affarijiet Ewropej, legali u ekonomiċi, iġġib magħha 17-il sena ta’ esperjenza fil-Kummissjoni Ewropea. L-għarfien espert tagħha fil-komunikazzjoni u l-affarijiet ekonomiċi, b’mod partikolari bħala Uffiċjal għas-Semestru Ewropew, jagħmilha adattata biex tmexxi xogħol il-Kummissjoni f’Malta. Tabilħaqq, ilha taħdem f’din ir-Rappreżentanza mill-2021, matul liema żmien kisbet għarfien sod ta’ kif taħdem ir-Rappreżentanza u tax-xenarju politiku Malti. Għandha l-kapaċità li tiżviluppa strateġiji biex jinbena l-appoġġ għall-politiki tal-Kummissjoni, li tikkoordina mal-partijiet ikkonċernati, u li tiffaċilita l-komunikazzjoni bejn l-istituzzjoni u l-istat membru biex tiġi żgurata kooperazzjoni effettiva.

Qabel ma ħadet ir-rwol preżenti tagħha, ħadmet għal 13-il sena fil-Kummissjoni Ewropea, inkluż bħala Deputat Kap tal-Unità responsabbli għall-każijiet tal-antitrust u l-proġetti ta’ politika fis-settur tas-servizzi finanzjarji bejn l-2018 u l-2021. Qabel ma ngħaqdet mal-Kummissjon fl-2008, kienet taħdem bħala avukat fid-dritt korporattiv u kummerċjali f’Malta.

Sfond

Il-Kummissjoni għandha Rappreżentanzi fl-ibliet kapitali tal-Istati Membri kollha, kif ukoll Uffiċċji Reġjonali f’Barċellona, Bonn, Marsilja, Milan, Munich u Wroclaw. Ir-Rappreżentanzi huma għajnejn, widnejn u leħen il-Kummissjoni fl-Istati Membri tagħha. Jinteraġġixxu mal-awtoritajiet nazzjonali, mal-partijiet ikkonċernati u maċ-ċittadini, u jinfurmaw lill-midja u lill-pubbliku dwar il-politiki tal-UE. Il-Kapijiet tar-Rappreżentanzi jinħatru mill-President tal-Kummissjoni Ewropea u huma r-rappreżentanti politiċi tagħha fl-Istat Membru li fih ikunu qegħdin iservu.

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
17 Settembru 2025
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta