L-Ewrobarometru juri livell rekord ta' fiduċja fl-UE, appoġġ b'saħħtu għall-ewro u għal politika ta' difiża u sigurtà komuni - Il-Kummissjoni Ewropea
Mur għall-kontenut ewlieni
Logo tal-Kummissjoni Ewropea
Representation in Malta
  • Artiklu tal-aħbarijiet
  • 28 Mejju 2025
  • Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta
  • 3 min qari

L-Ewrobarometru juri livell rekord ta' fiduċja fl-UE, appoġġ b'saħħtu għall-ewro u għal politika ta' difiża u sigurtà komuni

New Eurobarometer

L-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru li ħareġ illum juri l-ogħla livell ta' fiduċja fl-Unjoni Ewropea fi 18-il sena, u l-ogħla appoġġ li qatt kien hemm għall-ewro. Fil-kuntest ġeopolitiku attwali, l-Ewropej jixtiequ wkoll jaraw UE aktar b'saħħitha u aktar assertiva permezz ta' politika komuni ta' difiża u sigurtà, filwaqt li l-paċi tibqa' l-valur li jirrappreżenta bl-aħjar mod lill-UE.

Il-fiduċja fl-UE tinsab fl-ogħla livell li qatt kienet fih dawn l-aħħar 18-il sena

52% tal-Ewropej jafdaw lill-UE, u dan hu l-ogħla riżultat mill-2007 'l hawn. Il-livell ta' fiduċja huwa l-ogħla fost iż-żgħażagħ ta' bejn il-15 u l-24 sena (59%). 52% tal-Ewropej jgħidu li jafdaw lill-Kummissjoni Ewropea u b'dan jistabbilixxu rekord ieħor ta' 18-il sena, b'punteġġ għal darb'oħra partikolarment għoli fost iċ-ċittadini żgħażagħ (57%). Fl-istess ħin, 36% tal-Ewropej jgħidu li jafdaw il-gvern nazzjonali tagħhom u 37% jgħidu li jafdaw il-parlament nazzjonali tagħhom.

Tliet kwarti tar-rispondenti (75%), l-ogħla livell f'aktar minn għoxrin sena, jgħidu li jħossu li huma ċittadini tal-UE.

Barra minn hekk, aktar minn 6 minn kull 10 ċittadini tal-UE (62%) huma wkoll ottimisti dwar il-futur tal-UE.

L-Ewropej jappoġġaw l-ewro bis-saħħa

L-istħarriġ tal-Ewrobarometru rreġistra l-ogħla appoġġ li qatt kien hemm għall-munita unika, kemm fl-UE (74%) kif ukoll fiż-żona tal-ewro (83%). Fir-rigward tal-perċezzjoni tas-sitwazzjoni tal-ekonomija Ewropea, 44% tal-Ewropej huma tal-fehma li hi tajba, filwaqt li 48% huma tal-fehma li hi ħażina. Il-maġġoranza taċ-ċittadini (43%) għadhom jaħsbu li s-sitwazzjoni ekonomika Ewropea se tibqa' stabbli fit-12-il xahar li jmiss.

L-Ewropej iridu UE aktar b'saħħitha u aktar assertiva

Kważi 7 minn kull 10 rispondenti (69%) jaqblu li l-Unjoni Ewropea hija post ta' stabbiltà f'dinja mimlija inkwiet.

Kważi 9 minn kull 10 Ewropej (88%) jaqblu li għandu jkun hemm aktar kooperazzjoni bbażata fuq ir-regoli bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tad-dinja. Aktar minn erbgħa minn kull ħames ċittadini tal-UE (86%) jaqblu li ż-żieda fit-tariffi doganali hija ta' ħsara għall-ekonomija globali. Madankollu, jekk pajjiżi oħra jżidu d-dazji tagħhom fuq l-importazzjonijiet mill-UE, 80% tar-rispondenti jaqblu li b'reazzjoni għal dan l-UE għandha timponi tariffi doganali biex tiddefendi l-interessi tagħha.

Aktar minn 8 minn kull 10 (81%) jappoġġaw politika komuni ta' difiża u sigurtà fost l-Istati Membri – l-ogħla riżultat mill-2004. Fl-istess ħin, 78% huma mħassba dwar id-difiża u s-sigurtà tal-UE fil-5 snin li ġejjin.

Fir-rigward tal-prijoritajiet għall-baġit tal-UE, iċ-ċittadini Ewropej jixtiequ li l-baġit tal-UE jintefaq fuq id-difiża u s-sigurtà (43%) l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u s-saħħa pubblika (42%) u l-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ, il-kultura u l-midja (34%, stabbli). B'40%, il-qasam tas-sigurtà u d-difiża huwa wkoll l-aktar wieħed li ċ-ċittadini jaħsbu li għandu jibbenefika minn żieda akbar fil-finanzjament tal-UE, segwit mill-qasam tat-tranżizzjoni tal-enerġija/enerġija affordabbli (32%).

Skont l-Ewropej, l-UE għandha tieħu miżuri fuq terminu medju fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża (39%), segwit mill-ekonomija (29%), il-migrazzjoni (24%) u l-klima u l-ambjent (24%). Fl-istess ħin, 44% taċ-ċittadini Ewropej jaħsbu li fuq terminu qasir, huwa l-iżgurar tal-paċi u tal-istabbiltà li se jkollu l-akbar impatt pożittiv fuq ħajjithom, segwit mis-sigurtà tal-ikel, tas-saħħa u tal-provvisti industrijali fl-UE (27%) u l-ħolqien ta' aktar opportunitajiet ta' xogħol (26%).

Il-paċi (41%, +2 pp) tibqa' l-valur li jirrappreżenta l-aħjar lill-UE, segwita mid-demokrazija (33% - 2pp) u r-rispett tal-istat tad-dritt, id-demokrazija u d-drittijiet fundamentali (28%, punt ġdid).

Appoġġ kontinwu u stabbli għar-rispons tal-UE għall-gwerra fl-Ukrajna

Fid-dawl tal-gwerra ta' aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, 80% tar-rispondenti Ewropej jaqblu li jintlaqgħu fl-UE n-nies li qed jaħarbu mill-gwerra, filwaqt li aktar minn tliet kwarti tal-Ewropej (76%) jappoġġaw l-għoti ta' appoġġ finanzjarju u umanitarju lill-Ukrajna. 72% taċ-ċittadini tal-UE jappoġġaw sanzjonijiet ekonomiċi fuq il-gvern Russu, il-kumpaniji u l-individwi filwaqt li 6 minn kull 10 (60%) japprovaw l-għoti ta' status ta' kandidat mill-UE lill-Ukrajna u 59% jaqblu mal-finanzjament tal-UE għax-xiri u l-provvista ta' tagħmir militari lill-Ukrajna.

L-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja għadha titqies bħala l-aktar kwistjoni importanti fil-livell tal-UE (27%) minn 15-il kwistjoni (segwita mis-sitwazzjoni internazzjonali ta' 24% u s-sigurtà u d-difiża ta' 20%. 77% tar-rispondenti Ewropej jaqblu li l-invażjoni tal-Ukrajna mir-Russja hija theddida għas-sigurtà tal-UE.

Sfond

L-Ewrobarometru Standard 103 (ir-Rebbiegħa tal-2025) sar bejn is-26 ta' Marzu u t-22 ta' April 2025 fis-27 Stat Membru tal-UE. B'kollox, ġew intervistati wiċċ imb wiċċ 26,368 ċittadin tal-UE. Twettqu wkoll intervisti f'disa' pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali (kollha ħlief l-Ukrajna) u fir-Renju Unit.

Għal aktar informazzjoni

L-Ewrobarometru Standard 103

Dettalji

Data tal-pubblikazzjoni
28 Mejju 2025
Awtur
Ir-Rappreżentazzjoni f’Malta